settings icon
share icon
Mistoqsija

Għadni kif afdajt f’Ġesù...issa x’iżjed?

Tweġiba


Merħba bik! Għadek kif għamilt deċiżjoni li se tibdillek ħajtek mill-qiegħ! Forsi qed tistaqsi, “Issa kif se nkompli? Kif se nibda l-vjaġġ tiegħi m’Alla?” Il-ħames passi msemmija hawn isfel jagħtuk gwida mill-Bibbja. Meta jkollok mistoqsijiet dwar il-vjaġġ tiegħek, jekk jogħġbok żur www.GotQuestions.org/Malti.

1. Kun ċert li fhimt x’inhi s-salvazzjoni.

L-1 Ġwanni 5:13 jgħidilna, “Ktibtilkom dawn il-ħwejjeġ, lilkom li temmnu fl-isem ta’ Bin Alla, sabiex tkunu tafu illi għandkom il-ħajja eterna.” Alla jridna nifhmu s-salvazzjoni. Alla jridna nħaddmu l-konfidenza illi nkunu nafu fiċ-ċert li aħna salvati. Fil-qosor, ejja nirrevedu l-punti ewlenin rigward is-salvazzjoni:

(a) Ilkoll kemm aħna dnibna. Il-bnedmin kollha għamlu ħwejjeġ li ma jogħġbux lil Alla (Rumani 3:23).
(b) Minħabba dnubietna jistħoqqilna nkunu kkastigati b’separazzjoni eterna minn Alla (Rumani 6:23).
(c) Ġesù miet fuq is-salib biex iħallas il-penali għal dnubietna (Rumani 5:8; 2 Korintin 5:21). Ġesù miet minflokna, billi ħa l-kastig li kien dovut lilna. Il-qawmien tiegħu mill-qabar jagħti prova illi mewtu hi suffiċjenti biex tħallas għal dnubietna.
(d) Alla jaħfer u jsalva lil dawk kollha li jqiegħdu l-fiduċja tagħhom f’Ġesù – jafdaw f’mewtu bħala l-pagament għall-ħażen kollu tagħhom (Ġwanni 3:16; Rumani 5:1; 8:1).
(e) L-Ispirtu s-Santu jiġi jgħammar fina appena nemmnu, bla qatt ma jitlaqna. Jassigurana mill-ħajja eterna. Jgħallimna Kelmet Alla u jqawwina biex ngħixu fid-dawl tagħha.

Dan hu l-messaġġ tas-salvazzjoni! Jekk tabilħaqq poġġejt il-fidi tiegħek f’Ġesù Kristu bħala s-Salvatur, int salvat! Dnubietek kollha huma maħfura, u Alla jwiegħed illi qatt ma jitilqek jew jabbandunak (Rumani 8:38-39; Mattew 28:20). Ftakar, Ġesù Kristu nnifsu jipproteġik fis-salvazzjoni tiegħek (Ġwanni 10:28-29). Jekk qed tafda f’Ġesù biss bħala s-Salvatur tiegħek, tista’ jkollok il-konfidenza illi se tqatta’ l-eternità m’Alla fil-glorja!

2. Sib knisja tajba li tgħallem il-Bibbja.

Taħsibx dwar il-knisja bħala binja. Il-knisja hi l-ġabra tan-nies t’Alla. Huwa importanti ħafna illi l-fidili f’Ġesù Kristu jixxierku flimkien. Dan hu wieħed mill-għanijiet primarji tal-knisja. Issa li poġġejt il-fiduċja tiegħek f’Ġesù Kristu, ninkuraġġuk biex issib knisja li temmen il-Bibbja fil-viċinanzi tiegħek u titkellem mal-mexxejja tagħha. Għarrafhom dwar il-fidi ġdida tiegħek f’Ġesù Kristu.

Skop ieħor tal-knisja hu illi tgħallem il-Bibbja. Tista’ titgħallem kif tapplika l-istruzzjonijiet t’Alla għal ħajtek. Essenzjali tifhem il-Bibbja ħalli tkun kapaċi tgħix ħajja suċċess u setgħana. It-2 Timotju 3:16-17 jgħid, “Kull Skrittura hi ispirata minn Alla u siewja għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għall-korrezzjoni u għat-taħriġ fil-ġustizzja, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kwalifikat kompletament, fornut għal kull opra tajba.”

It-tielet skop tal-knisja hu l-qima. Inqimu lil Alla billi nroddulu ħajr għal kulma għamel u jagħmel magħna! Alla salvana. Iħobbna. Jipprovdilna. Jiggwidana u jidderiġina. Kif nistgħu ma nkunux grati lejh? Alla hu qaddis, ġust, ħanin, iħobb, u mimli grazzja. Ir-Rivelazzjoni 4:11 jiddikjara, “Denju int, is-Sid u Alla tagħna, biex tirċievi l-glorja u l-unur u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħwejjeġ kollha, u minħabba r-rieda tiegħek eżistew u nħolqu.”

3. Warrab ħin kuljum biex tiffoka fuq Alla.

Importanti ħafna illi nqattgħu ħin kuljum f’komunjoni m’Alla. Xi nies isejħu did-dixxiplina, “ħin għall-kwiet.” Oħrajn isejħulha, “devozzjoni,” għax hu ħin li fih nitwarrbu għal Alla fil-qima u t-talb. Xi wħud jikkonsagraw ħin filgħodu, mentri oħrajn jippreferu flgħaxija. Mhux importanti xi nsejħu dal-ħin jew liema parti tal-ġurnata twarrab. L-essenzjali huwa illi regolarment tqatta’ ħin m’Alla Missierek. X’għandu jinkludi dal-ħin m’Alla?

(a) It-talb. It-talb ifisser illi sempliċement titkellem m’Alla. Tkellem miegħu dwar x’jinteressak u l-problemi tiegħek. Irrikjesta lil Alla biex jagħtik l-għerf u l-gwida. Itolbu jipprovdilek ħtiġijietek. Għidlu kemm tħobbu u kemm tapprezza kulma jagħmel għalik. Dan hu l-qalba tat-talb.

(b) Il-qari tal-Bibbja. Aktar milli tkun mgħallem il-Bibbja fil-ġemgħa tal-fidili, jew f’laqgħat ta’ katekeżi, jeħtieġ illi titgħallem taqra l-Iskrittura għalik innifsek. Il-Bibbja fiha kulma jeħtieġlek tkun taf biex tgħix bħala dixxiplu ta’ kwalità għal Ġesù. Fiha l-gwida t’Alla biex biha tieħu deċiżjonijiet għaqlin, issir taf ir-rieda t’Alla, titgħallem taqdi lil ħaddieħor, u kif tikber spiritwalment. Il-Bibbja hi Kelmet Alla għalina. Hi essenzjalment il-manwal ta’ struzzjoni biex biha ngħixu ħajjitna b’mod illi jogħġob lil Missierna u sodisfaċenti għalina.

4. Żviluppa relazzjonijiet ma’ nies li kapaċi jgħinuk spiritwalment.

L-1 Korintin 15:33 jgħidilna, “Titqarrqux: ‘Kumpanija ħażina tikkorrompi l-morali t-tajba.’” Il-Bibbja fiha bosta twissijiet dwar l-influwenza li nies ħżiena kapaċi jħallu fuqna. Meta nitħalltu ma’ nies oħra li jingaġġaw f’attivitajiet midinba nispiċċaw biex inkunu mġarrba b’dawk l-attivitajiet. Il-karattru ta’ dawk madwarna jaffettwana. Minħabba f’hekk huwa importanti ħafna illi ndawru lilna nfusna b’nies li jħobbu lill-Mulej u huma kommessi għalih.

Prova sib ħabib jew tnejn, forsi mill-knisja tiegħek, li jistgħu jgħinuk u jagħmlulek il-qalb (Ebrej 3:13; 10:24). Itlob lil ħbiebek biex iżommuk kontabbli rigward id-drawwa li titlob kuljum, l-attivitajiet tiegħek, u l-mixja tiegħek m’Alla. Staqsi tistax tagħmel l-istess ħaġa magħhom. Dan ma jfissirx illi jkollok titlaq lil ħbiebek li ma jafux lis-Sid Ġesù bħala s-Salvatur tagħhom. Kompli bħala ħabibhom u ħobbhom. Sempliċement għarrafhom illi Ġesù bidillek ħajtek u issa ma tistax tkompli tagħmel l-istess ħwejjeġ ta’ qabel. Itlob lil Alla jagħtik opportunitajiet biex taqsam l-evanġelju ma’ ħbiebek.

5. Tgħammed.

Ħafna nies m’għandhomx fehma tajba dwar il-magħmudija. Il-kelma “tgħammed” tfisser “tgħaddas fl-ilma.” Il-magħmudija hi mod bibliku li biha tipproklama pubblikament il-fidi ġdida tiegħek fi Kristu u l-impenn tiegħek biex issegwih. Meta tkun mgħaddas fl-ilma sservi bħala illustrazzjoni illi int mitt u ndfint ma’ Kristu. Meta toħroġ mill-ilma sservi bħala stampa li qomt ma’ Kristu għal ħajja ġdida. Il-magħmudija tidentifikak mal-mewt, id-difna u r-resurrezzjoni ta’ Ġesù (Rumani 6:3-4).

Billi wieħed jitgħammed ma jfissirx li hu awtomatikament salvat. Il-magħmudija ma taħsilx dnubiet. Hi pass ta’ ubbidjenza, proklamazzjoni pubblika tal-fidi tiegħek fi Kristu waħdu għas-salvazzjoni. Il-magħmudija hi importanti għax hi pass ta’ ubbidjenza – tkun qed tiddikjara pubblikament il-fiduċja tiegħek fi Kristu u d-dedikazzjoni tiegħek lejh. Jekk int diġà mgħammed, l-aħjar titkellem ma’ pastor.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Għadni kif afdajt f’Ġesù...issa x’iżjed?
© Copyright Got Questions Ministries