settings icon
share icon
Mistoqsija

Alla hu reali? Kif nista’ nkun naf fiċ-ċert illi Alla hu reali?

Tweġiba


Nafu illi Alla hu reali għax irrivela jew wera lilu nnifsu bi tliet mod: fil-ħolqien, f’Kelmtu, u f’Ibnu, Ġesù Kristu.

Il-prova l-iktar bażika favur l-eżistenza t’Alla hi sempliċement x’għamel. “Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:20). “Is-smewwiet qed jiddikjaraw il-glorja t’Alla u l-firxa tagħhom qed tipproklama x-xogħol ta’ idu” (Salm 19:1).

Kieku nsib arloġġ f’nofs għalqa, ma nassumix illi dan ġie mix-xejn jew li eżista minn dejjem. Abbażi tad-disinn li nara fl-arloġġ, nassumi li għamlu xi ħadd. Issa attwalment insibu disinn wisq ikbar u preċiż fid-dinja ta’ madwarna. Il-miżura tal-ħin mhuwiex ibbażat fuq l-arloġġi, iżda fuq għemil Alla – id-dawrien regolari tad-dinja. L-univers jesibixxi disinn impressjonanti, u dan hu allura argument favur Disinnjatur Kbir.

Jekk insib messaġġ bil-code, infittex kriptografu biex jgħinni nsib it-tifsira tiegħu. L-assunzjoni hi illi hemm xi ħadd intelliġenti li bagħat il-messaġġ, xi ħadd li ħalaq il-code. Għandna idea kemm hu kumpless il-code tad-DNA li nġorru f’kull ċellola ta’ ġisimna? Ċertament il-kumplessità u l-għan tad-DNA jargumentaw favur Kittieb Intelliġenti tiegħu.

Mhux biss Alla ġab mix-xejn dinja kumplessa b’armonija u ekosistema ta’ ħajja; huwa wkoll ħawwel sens ta’ eternità f’qalb kull persuna (Ekkleżjażti 3:11). L-umanità għandha perċezzjoni istintiva illi hemm aktar għall-ħajja milli sempliċement naraw b’għajnejna, illi hemm eżistenza ogħla minn dir-rutina mondana. Is-sens tal-eternità fina jimmanifesta ruħu għallinqas f’żewġ modi: nagħrfu l-ħtieġa tal-liġjiet, kif ukoll irridu nqimu.

Kull ċiviltà fl-istorja għarfet is-siwi ta’ ċerti liġijiet morali, li huma sorprendentement simili minn kultura għall-oħra. Pereżempju, l-ideal tal-imħabba hu stmat universalment, mentri l-gideb hu kkundannat kullimkien. Din il-moralità komuni – din il-fehma globali ta’ tajjeb u ħażin – tipponta lejn Enti Morali Suprem li tana t-tali skrupli.

Bl-istess mod, in-nies mad-dinja kollha, hi x’inhi l-kultura tagħhom, dejjem ikkoltivaw sistema ta’ qima. L-oġġett tal-qima jista’ jvarja, iżda s-sens ta’ “qawwa ogħla” hu parti indisputabbli ta’ kull bniedem. Ix-xeħta tagħna biex inqimu taqbel mal-fatt li Alla ħalaqna “fix-xbieha tiegħu” (Ġenesi 1:27).

Alla wkoll żvela lilu nnifsu b’Kelmtu, il-Bibbja. Matul l-Iskrittura, l-eżistenza t’Alla hi trattata bħala fatt evidenti (Ġenesi 1:1; Esodu 3:14). Meta Benjamin Franklin kiteb l-awtobijografija tiegħu, ma ħeliex ħin jipprova jagħtina evidenza tal-eżistenza tiegħu stess. Bl-istess mod, Alla ma kkonċentrax biex jagħti prova tal-eżistenza tiegħu nnifsu fil-Ktieb tiegħu. In-natura tal-Bibbja, kif kapaċi tibdlilna ħajjitna, kif ukoll l-integrità u l-mirakli rekordjati fiha jmisshom ikunu biżżejjed biex iħajruna neżaminawha aktar mill-qrib.

It-tielet mod kif Alla mmanifesta lilu nnifsu huwa permezz ta’ Ibnu, Ġesù Kristu (Ġwanni 14:6-11). “Fil-bidu kien il-Kelma, u l-Kelma kien m’Alla, u l-Kelma kien Alla...U l-Kelma sar laħam u għammar fostna, u osservajna l-glorja tiegħu, glorja bħal tal-uniku mingħand il-Missier, mimli grazzja u verità” (Ġwanni 1:1,14). “Għax fih tgħammar il-milja kollha tad-Divinità korporalment” (Kolossin 2:9).

Ġesù għex fostna; ħajtu kienet tabilħaqq meravilja. Żamm il-liġi tal-Patt il-Qadim bla ebda nuqqas, u wettaq il-profeziji rigward il-Messija mwiegħed (Mattew 5:17). Għamel opri ta’ kumpassjoni u mirakli pubbliċi biex jawtentika l-messaġġ tiegħu u jagħti xhieda għad-divinità tiegħu (Ġwanni 21:24-25). Imbagħad, tlett ijiem wara li kien imsallab, qam fiżikament mill-qabar, fatt affermat minn mijiet ta’ xhieda okulari (1 Korintin 15:6). Ir-rekordju storiku hu mimli b’evidenza min hu tabilħaqq Ġesù. Bħalma qal l-appostlu Pawlu, dawn il-ħwejjeġ “ma sarux f’rokna” (Atti 26:26).

Nirrealizzaw illi dejjem se jkun hemm nies xettiċi li għandhom l-ideat tagħhom rigward Alla u dejjem se jevalwaw l-evidenza mil-lenti tagħhom. U dejjem se niltaqgħu ma’ nies li ebda ammont ta’ prova ma tikkonvinċihom (Salm 14:1). Inkwantu Alla, kollox hu marbut mal-fidi (Ebrej 11:6).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Alla hu reali? Kif nista’ nkun naf fiċ-ċert illi Alla hu reali?
© Copyright Got Questions Ministries