settings icon
share icon
Mistoqsija

Min hu Ġesù Kristu?

Tweġiba


Il-mistoqsija, “Alla jeżisti?” jistaqsuha ħafna nies, iżda jekk Ġesù Kristu eżistiex jew le jistaqsuha ftit li xejn nies. Il-maġġor parti tan-nies jaċċettaw illi Ġesù kien verament bniedem li għex f’Iżrael elfejn sena ilu. Id-dibattitu jibda b’diskussjoni dwar l-identità sħiħa ta’ Ġesù. Kważi kull reliġjon maġġura tgħallem li Ġesù kien profeta jew għalliem jew raġel tajjeb. Iżda l-Bibbja tgħidilna li Ġesù kien infinitament iżjed minn profeta, għalliem tajjeb, jew persuna tajba.

C.S. Lewis, fil-ktieb tiegħu, Mere Christianity, jikteb kif ġej: “Qed nipprova hawnhekk ma nħallix lil xi ħadd jgħid il-ħaġa realment belha illi n-nies sikwit jgħidu dwaru (dwar Ġesù Kristu): ‘Lest naċċetta lil Ġesù bħala għalliem morali kbir, iżda ma naċċettax il-klejm tiegħu bħala Alla.’ Dik hi l-unika ħaġa li ma jmissniex ngħidu. Bniedem li hu sempliċement bniedem u qal il-ħwejjeġ li qal Ġesù ma jkun xejn għalliem morali kbir. Ikun miġnun – fuq l-istess livell ma’ persuna li tgħid illi hu froġa – jew inkella jkun ix-xitan tal-infern. Trid tagħmel l-għażla tiegħek. Ġesù kien u hu Bin Alla, jew inkella insensat jew xi ħadd agħar. Tista’ twarrbu bħala baħnan, tista’ tobżoqlu jew toqtlu bħala demonju; jew inkella tista’ tinxteħet quddiemu u ssejjaħlu Sid u Alla. Iżda ħalli ħadd minna ma jiġi b’konklużjonijiet inadegwati illi hu għalliem uman kbir. Ma ħallilniex din l-alternattiva miftuħa quddiemna. Ma kellu ebda intenzjoni jagħmel hekk” (Macmillan, 1952, p.55-56).

Mela, min ikklejmja li hu Ġesù? X’tgħid il-Bibbja dwar l-identità vera tiegħu? L-ewwel, hu Alla fil-ġisem. Ġesù qal fi Ġwanni 10:30: “Jien u Missieri ħaġa waħda aħna.” Għall-ewwel, din forsi ma tinstemax illi hi klejm għad-divinità. Madankollu, ikkonsidra r-reazzjoni tal-Lhud għall-istqarrija tiegħu. Provaw iħaġġruh għax ikkonkludew illi qed jidgħi, għax raw quddiemhom sempliċi bniedem li qed jisħaq li hu Alla (Ġwanni 10:33). Il-Lhud fehmu sewwa l-klejm tiegħu li hu Alla. Fil-versi sussegwenti, Ġesù qatt ma kkoreġa jew prova jikkjarifika d-dikjarazzjoni tiegħu. Qatt ma qal, “Ma ridtx nagħtikom x’tifhmu li jien Alla.” Meta Ġesù qal, “Jien u Missieri ħaġa waħda aħna,” realment kien qed jikklejmja ugwaljanza m’Alla.

Fi Ġwanni 8:58 Ġesù klejmja li kien diġà jeżisti qabel twelidu. “Tassew, tassew ngħidilkom, qabel ma twieled Abraħam, jien hu.” F’din l-istqarrija Ġesù qed japplika l-isem t’Alla għalih innifsu, “Jien hu” (ara Esodu 3:14). Il-Lhud irriġettaw l-identità ta’ Ġesù bħala Alla inkarnat, iżda fehmu eżattament x’kien qed jiddikjara.

Passi bibliċi oħra illi Ġesù hu Alla f’laħam uman jinkludu Ġwanni 1:1, li jgħid, “Il-Kelma kien Alla,” abbinata ma’ Ġwanni 1:14, li jgħid, “Il-Kelma sar laħam.” Tumas id-dixxiplu indirizzah hekk, “Sid tiegħi u Alla tiegħi” (Ġwanni 29:28). Ġesù ma kkoreġihx. L-appostlu Pawlu jiddeskrivi lil Ġesù bħala “Alla l-kbir u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu” (Titu 2:13). L-appostlu Pietru jgħid l-istess, għax jikteb, “Alla tagħna, ossija s-Salvatur Ġesù Kristu” (2 Pietru 1:1).

Alla l-Missier ukoll jagħti xhieda dwar l-identità vera ta’ Ġesù. “Imma għall-Iben jgħid, ‘It-tron tiegħek, o Alla, hu għal dejjem ta’ dejjem, u x-xettru tar-rettitudni hu x-xettru ta’ saltnatek” (Ebrej 1:8; cf. Salm 45:6). Profeziji mill-Patt il-Qadim, bħalma hi Isaija 9:6, jannunzjaw ukoll id-divinità ta’ Kristu. “Għax għad jitweldilna tifel, għad jingħatalna iben; u l-gvern se jistrieħ fuq spallejh; u ismu se jkun imsejjaħ Kunsulier tal-Għaġeb, Alla Qawwi, Missier Etern, Prinċep tas-Sliem” (enfasi miżjuda).

Għaliex il-kwistjoni dwar l-identità vera ta’ Ġesù hi tant importanti? Għaliex tagħmel id-differenza Ġesù hux Alla jew le. Għal diversi raġunijiet:

• Bħalma osserva C.S. Lewis, kieku Ġesù mhuwiex Alla, mela Ġesù hu l-agħar fost il-giddieba, u ma ħaqqux ikun fdat jew emmnut.

• Kieku Ġesù mhux Alla, allura l-appostli joħorġu ta’ giddieba u qarrieqa bħalu.

• Ġesù bilfors kellu jkun Alla għax il-Messija kien imwiegħed bħala “l-Qaddis” (Salm 16:5). Peress li ebda bniedem fuq l-art mhu ġust quddiem Alla (Salm 53:1; 143:2), Alla nnifsu kellu jżurna fid-dinja bħala bniedem.

• Kieku Ġesù mhuwiex Alla, mewtu ma kinitx tkun suffiċjenti biex tħallas il-penali għad-dnubiet tad-dinja (1 Ġwanni 2:2). Biss Alla nnifsu seta’ jipprovdi sagrifiċċju infinit, jiswa għall-eternità (Rumani 5:8; 2 Korintin 5:21).

• Alla hu l-uniku Salvatur (Ħosea 13:4; cf. 1 Timotju 2:3). Jekk Ġesù hu tabilħaqq is-Salvatur, allura bilfors hu Alla.

Ġesù kellu jkun kemm Alla kif ukoll bniedem. Bħala Alla, Ġesù kien kapaċi jissodisfa l-għadab t’Alla. Bħala bniedem, Ġesù seta’ jmut. Bħala Alla u bniedem, Ġesù hu l-Medjatur perfett bejn is-sema u l-art (1 Timotju 2:5). Is-salvazzjoni hi offruta lilna biss permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. Bħalma hu nnifsu pproklama, “Jien hu t-triq, u l-verità, u l-ħajja; ħadd ma jiġi għand il-Missier, ħlief permezz tiegħi.”

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Min hu Ġesù Kristu?
© Copyright Got Questions Ministries