settings icon
share icon
Mistoqsija

Alla jeżisti? Hemm evidenza għall-eżistenza t’Alla?

Tweġiba


Alla jeżisti jew le? Din hi waħda mill-mistoqsijiet l-iżjed bażiċi u importanti li nistgħu nikkonsidraw. Insibu diversi fehmiet dwar Alla, iżda l-mistoqsija, Alla jeżisti? tiddomanda aktar minn ftit sekondi ta’ attenzjoni. U tinvolvi wkoll medda wiesa’ ta’ evidenza. Finalment, kulma naraw fl-esperjenza umana, fix-xjenza, fil-loġika u l-istorja jwassalna biex inwieġbu b’konfidenza, Iva, Alla tabilħaqq jeżisti.

Sikwit, din il-mistoqsija taslilna b’din il-forma: “Tista’ tagħti prova li Alla jeżisti?” Il-problema hi illi, filwaqt li l-verità nfisha hi assoluta, m’hemm virtwalment ebda prova assoluta ta’ loġika pura u matematika. Minħabba f’hekk, il-qrati tagħna ma jiddomandaw ebda prova assoluta biex jaslu għal verdett; aktarx, ifittxu jxejnu kull “dubju raġunevoli” u jikkonsidraw dak li hu “wisq probabbli.”

Meta nisħqu fuq “prova” għal Alla illi ħadd ma jkun jista’ jwarrabha hi ħaġa irraġunevoli. La l-evidenza u lanqas in-nies ma jiffunzjonaw b’dan il-mod fid-dinja reali. Tiltaqa’ mal-fatt u taċċetta l-fatti huma ħwejjeġ profondament differenti. Argumenti tajbin u validi jibqgħu bla ma jikkonvinċu lil dawk li huma determinati biex jibqgħu bla ma jemmnu f’Alla. Għal min hu xettiku stinat, mhijiex “prova,” avolja tikkonvinċi lil kważi kulħadd. L-intenzjoni tal-individwu tinfluwenza aktar minn kwalunkwe evidenza li jiltaqa’ magħha.

Dan ifisser li ċertu ammont ta’ “fidi” hi neċessarja, mhux sempliċement tistma l-eżistenza t’Alla. It-tagħrif perfett hu lil hinn mill-abbiltà tagħna. Il-preġudizzju jċajpar il-fehmiet tagħna. Dejjem se jkun hemm qasma bejn x’nistgħu nkunu nafu u x’nemmnu. Dan japplika ugwalment għax-xettiċi u għall-fidili. Sempliċement ma nistgħux inkunu nafu kull dettall involut kull darba li npoġġu fuq siġġu, nieklu l-ikel, jew nitilgħu taraġ. It-tali azzjonijiet kollha jesprimu miżura ta’ fidi. Naġixxu, minkejja dak li ma nafuhx, minħabba dak li nafu. Din hi l-essenza tal-fidi biblika, inkluża l-fidi fl-eżistenza t’Alla. Nafdaw f’dak li hu magħruf, li jwassalna għall-azzjoni, minkejja li l-fehma hi inqas minn assoluta (Ebrej 11:6).

Nammettu jew ma nammettux illi Alla jeżisti, id-deċiżjoni tinvolvi l-fidi. It-twemmin f’Alla ma jirrekjidix fidi għamja (Ġwanni 20:29), iżda lanqas mhi kapaċi tegħleb reżistenza malizzjuża (Ġwanni 5:39-40). L-esperjenza umana, il-loġika, l-evidenza empirika – dawn kollha jgħinu biex inwieġbu l-mistoqsija jeżistix Alla jew le.

Alla jeżisti? – L-esperjenza umana

Meta niddiskutu l-eżistenza t’Alla ġeneralment nibdew b’argumenti loġiċi. Dan jagħmel sens, iżda mhuwiex il-mod kif aħna l-bnedmin normalment noperaw. Ħadd minna ma jibda nieqes minn kull perspettiva, u jistenna illi jsegwi mogħdija razzjonali b’mod robotiku qabel ma jifforma opinjoni. In-nies jinterpretaw il-ħajja msejsa fuq id-dinja madwarhom. Mela, meta nikkonsidraw l-eżistenza t’Alla jmissna nibdew mill-esperjenzi. Aktar tard, nistgħu nużaw il-loġika biex nassessjaw dawk il-fehmiet.

Evidenza favur Alla teżisti fl-esperjenzi umani ta’ kuljum (Rumani 1:19-20; Salm 19:1; Ekkleżjażti 3:11). Dan jinkludi l-istint fina tal-mortalità. Japplika għad-disinn apparenti fl-univers madwarna. Il-ħajja umana ġġiegħel twemmin illi l-verità, il-qerq, l-imħabba, il-mibegħda, it-tjieba, il-ħażen, u kwalitajiet oħra huma reali u sinifikanti. Il-maġġor parti tan-nies matul l-istorja kienu inklinati jemmnu f’realtà ikbar mill-isfera fiżika u materjali.

L-esperjenzi tagħna mhumiex evidenza konklużiva, naturalment. Minflok, Alla juża r-rivelazzjoni ġenerali bħala stedina (Rivelazzjoni 3:20). L-esperjenzi komuni huma maħsuba biex jenfasizzaw illi jmissna nfittxu aktar tweġibiet (Mattew 7:7-8). In-nies li jinjoraw jew iwarrbu bi stmerrija l-istedina t’Alla m’għandhomx l-iskuża illi ma kinux jafu (Rumani 1:18; Salm 14:1).

Alla jeżisti? – Il-loġika umana

Hemm suġġerimenti loġiċi qawwija illi Alla tabilħaqq jeżisti. Dawn insejħulhom l-argument kosmoloġiku, l-argument teleoloġiku u l-argument morali.

L-argument kosmoloġiku jikkonsidra l-prinċipju ta’ kawża u effett. Kull effett hu r-riżultat ta’ xi kawża, u kull kawża hi l-effett ta’ kawża qabilha. Madankollu, dik il-katina ta’ kawżi ma tistax tibqa sejra infinitament fil-passat, għax altrimenti l-katina qatt ma tkun bdiet attwalment. Il-loġika tiddomanda illi xi ħadd eternament eżistenti, u li mhuwiex hu nnifsu l-effett ta’ ħwejjeġ oħra, illi jkun jeżisti. Huwa ċar illi l-univers tagħna la hu etern u lanqas mingħajr kawża. Il-loġika tipponta lejn Alla: il-Ħallieq etern ta’ kulma jeżisti, u hu nnifsu mhuwiex maħluq. Hu l-Ewwel Kawża tar-realtà tagħna.

L-argument teleoloġiku jeżamina l-istruttura tal-univers. L-ikbar konfigurazzjonijiet galattiċi, is-sistema solari tagħna, id-DNA tagħna, il-partiċelli subatomiċi – kollox hu evidenza illi ġie rranġat bi skop. Din il-karatteristika hi tant qawwija illi mqar atej imwebbsa jsibu diffikultà jispjegawha; ma jistgħux jinnegaw illi tabilħaqq jeżisti disinn.

M’hemm xejn x’jindika illi l-partiċelli jew forzi jridu bilfors ikunu rranġati kif inhuma. Frattant, kieku mhumiex eżattament kif inhuma, il-materja kumplessa – u l-ħajja – ikunu impossibbli. Hemm għexieren ta’ fatturi universali li jikkoordinaw bi preċiżjoni inkredibbli biex il-ħajja tkun possibbli, aħseb u ara attwali. Ix-xjenza qatt ma osservat jew spjegat il-ħajja bħala mnissla minn ħaġa bla ħajja, u frattant turi wkoll bidu f’daqqa ta’ organiżmi kumplessi. Kieku tim ta’ arkeologi jaraw il-kelmiet “Ninsab hawn” maħżuża ma’ ħajt ta’ għar, dritt jassumu xi azzjoni intelliġenti. Fl-istess ħin, id-DNA umana tirrappreżenta struttura kodifikata lil hinn mill-abbiltà tal-aħjar inġiniera umani. It-toqol ta’ din l-evidenza, loġikament, tiffavorixxi l-idea ta’ Disinnjatur Intelliġenti – Alla – bħala l-aħjar spjegazzjoni.

L-argument morali jirreferina għal konċetti bħalma huma t-tajjeb u l-ħażin, l-etika, u l-bqija. Hi ħaġa notevoli illi dawn huma diskussjonijiet dwar xi jmissu jkun, mhux sempliċement x’inhu. Il-prinċipji morali huma drastikament skonnessi mir-raġunar egoist li nistennew minn kreatura li evolviet bl-addoċċ u ssopraviviet akkost ta’ kollox. L-istess idea li l-bnedmin jaħsbu f’termini morali u non-fiżiċi hija xi ħaġa impressjonanti. Aktar minn hekk, il-kontenut fondamentali ta’ moralità umana tibqa’ kostanti matul il-ġrajja umana u minn kultura għal oħra.

Id-diskussjoni ta’ ideat morali twassal inevitabbilment għal salib it-toroq. Jew l-ideat morali huma kompletament soġġettivi, u allura bla tifsira, inkella bilfors huma msejsa fuq xi standard li ma jinbidilx. L-esperjenza umana ma tappoġġjax il-konklużjoni illi l-morali ma jfissru xejn. L-ispjegazzjoni l-iżjed raġunevoli għala n-nies jaħsbu f’termini morali u jaqsmu bejnietna ideali morali hi liġi morali reali provduta minn Leġistlatur Morali, voldiri, Alla.

Alla jeżisti? – Ix-xjenza umana

L-argumenti loġiċi t’hawn fuq huma ispirati mill-osservazzjoni. Konċetti bħat-Teorija Big Bang juru illi, għallinqas, il-validità xjentifika ta’ univers maħluq, li allura mhuwiex etern. Hekk ukoll ngħidu għall-istruttura tad-DNA. It-tagħrif empiriku jagħti kredibbiltà lill-idea ta’ Ħallieq bibliku u jikkontradixxi spjegazzjonijiet alternattivi, bħalma hi l-idea ta’ univers etern jew abijoġenesi.

L-arkeoloġija wkoll tappoġġja lill-Bibbja. In-nies, avveniment u postijiet deskritti fl-Iskrittura ġew ikkonfermati ripetutament mill-iskoperti sekulari. Ħafna minn dawn l-iskoperti saru wara li x-xettiċi implikaw illi r-rakkonti storiċi misjuba fil-Bibbja huma finzjoni.

L-istorja u l-letteratura, daparti tagħhom, ukoll jissapportjaw l-eżistenza t’Alla. Il-priżervazzjoni tal-Bibbja hi eżempju wieħed: l-abbiltà tagħna biex nittraċċjaw it-test eżistenti tal-Iskrittura għal perjodu ta’ żmien tant qrib l-avvenimenti oriġinali jappoġġja l-idea li l-Bibbja hi ta’ min jafdaha. L-influwenza Ġudeo-Kristjana fuq il-kultura, il-moralità, il-jeddijiet umani, u t-twelid tax-xjenza moderna wkoll jindikaw bil-qawwa approwċ li jaqbel mal-verità.

Alla jeżisti? – Alla fina

Kull kategorija li semmejna s’issa hi għalqa ta’ studju intensiv u s-suġġett ta’ eluf ta’ kotba. Frattant l-eżistenza t’Alla hi murija l-aktar profondament, għall-parti l-kbira tan-nies, fl-esperjenza personali tagħhom. Jista’ jkun impossibbli tagħti “prova” lil ħaddieħor li int ferħan, pereżempju, iżda dan ma jibdilx il-fatt illi attwalment int ferħan. B’daqshekk m’aħniex ngħidu li l-perspettiva interna hi aktar importanti mill-verità oġġettiva, iżda l-veritajiet kumplessi huma sikwit appoġġjati bil-qawwa minn esperjenzi individwali. Ħajjiet mibdula, attitudnijiet riformati, u tweġibjiet għat-talb huma lkoll parti mill-perċezzjoni personali tagħna illi Alla tassew jeżisti.

Sens personali tal-verità huwa mod konvinċenti kif insiru nafu illi Alla jeżisti, u hija l-intenzjoni t’Alla illi n-nies kollha jġarrbu dan is-sens. Alla żarna f’din id-dinja personalment, bħala bniedem (2 Korintin 4:6), sabiex isir possibbli għalina illi jkollna relazzjoni personali miegħu (Ġwanni 14:6). Dawk li sinċerament ifittxu lil Alla jsibuh (Mattew 7:7-8), u bħala riżultat jingħatalhom l-Ispirtu s-Santu biex jgħammar fihom (Ġwanni 14:26-27).

Mela l-mistoqsija jeżistix Alla ma tista tkun imwieġba bi prova assoluta, iżda nistgħu nirreferu għall-piż ta’ evidenza illi jissuġġerixxi li tassew jeżisti. Meta taċċetta l-eżistenza t’Alla ma tkunx qed taqbeż qabża għamja fid-dlam. Tkun ħadt pass ta’ fidi: mid-dlam tinġieb f’ambjent imdawwal fejn bosta ħwejjeġ isiru ċari.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Alla jeżisti? Hemm evidenza għall-eżistenza t’Alla?
© Copyright Got Questions Ministries