settings icon
share icon
Mistoqsija

Alla jista’ jigdeb?

Tweġiba


Alla hu qaddis (Isaija 6:3), u dik il-kwalità tagħmilha impossibbli għalih li jigdeb. Il-qdusija t’Alla hi l-perfezzjoni morali u etika, l-integrità assoluta li tpoġġih lil hinn mill-ħlejjaq kollha tiegħu. Il-qdusija t’Alla hi relatata mat-traxxendenza tiegħu. Alla mhux konformi ma’ xi standard ta’ purità; hu nnifsu l-istandard. Alla hu assolutament qaddis b’purità infinita li ma tistax tinbidel. Minħabba l-qdusija tiegħu, meta Alla jitkellem, la jigdeb u lanqas qatt jista’ jigdeb. Qatt ma jqarraq; qatt ma jgħawweġ jew jirrappreżenta ħażin dak li jgħid jew jagħmel. Il-gideb imur kontra n-natura tiegħu.

Billi Alla ma jistax jigdeb, il-kelma t’Alla, il-Bibbja, hi kompletament affidabbli (1 Slaten 8:56; Salm 119:160). “Kull kelma t’Alla hi bla difett” (Proverbji 30:5). Il-karattru t’Alla, u kulma jnixxi mill-karattru tiegħu, hu aktar safi minn dak kollu li d-dinja tista’ tipproduċi: “Il-kliem tas-Sid hu kliem pur; bħal fidda provata f’forn fuq l-art, irfinuta seba’ darbiet” (Salm 12:6).

Il-bażi tal-wegħda t’Alla lil Abraħam fil-Ġenesi 12 kienet in-natura tiegħu, li ma tinbidilx; jiġifieri, l-attribut fiss u sod t’Alla tal-verità illi jagħmel kulma jgħid affidabbli għal kollox: “Ġaladarba ma kellu ’l ħadd ikbar biex jaħlef bih, ħalef bih innifsu, billi qal, ‘Ċertament se nbierkek, u ċertament se nimmultiplikak’” (Ebrej 6:13-14). Il-passaġġ ikompli bl-istqarrija li “hu impossibbli għal Alla biex jigdeb” (Ebrej 6:18).

Kieku Alla jista’ jigdeb, ma jkunx traxxendenti; fil-fatt, ikun eżattament bħalna–il-bnedmin għandhom ħabta jaħbu, jirrappreżentaw ħażin, u jgħawwġu l-verità. Però, “Alla mhux raġel, hekk illi jigdeb; lanqas bin il-bniedem, biex jindem: jaqaw jgħid, u ma jagħmilx? Jew jitkellem, u ma jżommx kelmtu?” (Numri 23:19).

Mill-bidu nett, Alla ppremja l-fidi fih (Ġenesi 15:6; Ebrej 11:6). Il-fidi, jew l-afdar, tista’ biss tkun ħaġa tajba jekk l-oġġett li fuqu tistrieħ jixraqlu l-fiduċja. Il-fidi f’persuna jew oġġett inaffidabbli hu żvantaġġ. Kieku Alla jista’ jigdeb, kliemu jkun suspettuż, u ma jkunx jixraqlu l-fiduċja tagħna. Però, kif inhuma l-affarijiet, Alla hu ta’ min joqgħod fuqu kompletament: “Ix-xogħlijiet ta’ jdejh huma verità u ġustizzja; fidili huma l-preċetti kollha tiegħu” (Salm 111:7).

Ġesù, “fis-sura t’Alla” (Filippin 2:6), hu “mimli grazzja u verità” (Ġwanni 1:14). Kulma qal u għallem kien il-verità assoluta. Kulma għamel irrifletta l-verità. Nies bħal Pilatu dejjem se jitfixxklu bil-verità (Ġwanni 18:38), però Ġesù ġie “sabiex jixhed għall-verità” (vers 37). Fil-fatt, Ġesù hu l-Verità nfisha (Ġwanni 14:6). Ġesù ma jistax jigdeb għaliex Alla ma jistax jigdeb, u “kull min hu mill-verità jisma’ leħni” – leħen Ġesù (Ġwanni 18:37).

Alla, li ma jistax jigdeb, hu ta’ purità morali traxxendenti. Jitlob il-purità morali minn uliedu wkoll. Alla ma jistax jigdeb, u s-segwaċi ta’ Kristu ma jmisshomx jigdbu: “Neħħu l-falsità, tkellmu l-verità, kull wieħed minnkom, mal-proxxmu tiegħu, għax aħna membri ta’ xulxin” (Efesin 4:25). “Min hu dak li miegħu Alla jgħammar?” jistaqsi s-salmista. It-tweġiba, parzjalment, hi li Alla jgħammar ma’ dak “li jitkellem il-verità f’qalbu” (Salm 15:2). Jalla nħobbu l-verità bl-istess mod li jħobbha Alla.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Alla jista’ jigdeb?
© Copyright Got Questions Ministries