settings icon
share icon
Mistoqsija

Il-għala Alla jwebbes il-qlub?

Tweġiba


Il-“qalb” fl-Iskrittura hija dik il-parti spiritwali tal-bniedem fejn jgħammru l-emozzjonijet u x-xewqat. Hija ċ-ċentru tal-personalità umana. Alla jġarrab il-qalb; kapaċi jimla’ l-qalb bl-għerf, bil-kreattività u bl-imħabba; jista’ wkoll iwebbes il-qalb. Qalb imwebbsa ma tirrispondiex kif suppost għall-verità spiritwali. Il-qalb imwebbsa ssib diffikultà tara, tifhem, tisma’ jew tiftakar. Tirreżisti l-ħidma t’Alla.

L-azzjoni t’Alla li jwebbes il-qlub insibuha b’mod speċjali fl-Esodu 7:3–4. Alla kellem lil Mosè u qallu, “U jien inwebbes qalb Faragħun, u nkattar is-sinjali u l-għeġubijiet tiegħi f’art tal-Eġittu. Iżda Faragħun ma jagħtikomx widen, biex jien nitfa’ idi fuq l-Eġittu, u noħroġ l-eżerċti tiegħi, u l-poplu tiegħi, ulied Iżrael, mill-art tal-Eġittu b’ħaqq kbir.” Pawlu jikkonferma li Alla jista’ jwebbes, u fil-fatt iwebbes, il-qlub (Rumani 9:17–18; 11:7). Imma l-għala Alla jwebbes il-qlub? Il-fatt li Alla jwebbes il-qalb qisu jikkontradixxi l-imħabba tiegħu jew ir-rieda ħielsa li ħalaqna biha.

Veru li l-bniedem ingħata l-libertà tal-għażla (ara Dewteronomju 30:19–20); madankollu, Alla jibqa’ sovran. Alla jista’ jwebbes il-qlub kif jidhirlu hu u xorta jibqa’ perfett fi qdusitu u mħabbtu. Alla jagħtina l-għażliet, però jżomm id-dritt li dik il-libertà jirrestrinġiha billi jwebbes qlubna. Dan jagħmlu minħabba diversi raġunijet.

Fl-Iskrittura, naraw kif xi drabi Alla jwebbes il-qlub bħala forma ta’ ġudizzju. Fil-Bibbja, ma nsibux eżempji li Alla qatt webbes il-qlub tal-qaddejja fidili tiegħu, madankollu, kultant iwebbes il-qalb ta’ xi ħadd li diġà rribella kontrih. Fir-Rumani 1, lil dawk li “jissopprimu (jgħakksu) l-verità fl-inġustizzja” (Rumani 1:18), Alla jerħiehom fil-leblibiet ta’ qlubhom għall-impurità (vers 24). Id-dnub iwassal għal aktar dnub, li jintemm fit-twebbis tal-qalb, sakemm Alla ma jinterveniex. Meta Faragħun iddeċieda li lil Mosè jiqaflu, hu stess għażel li jwebbes qalbu (Esodu 8:15, 32). It-twebbis tal-qalb min-naħa t’Alla kien parti mill-ġudizzju kontra s-Sultan u kontra l-Eġittu.

Xi drabi Alla jwebbes il-qlub sabiex iwettaq l-għanijiet tiegħu. Alla mhuwiex l-awtur tad-dnub, u lanqas iġiegħel lil xi ħadd jidneb. Madankollu l-bnedmin kollha huma tiegħu, anke dawk li jirreżistu l-awtorità tiegħu. Alla jaħdem kollox b’mod sovran skont il-pjan tiegħu, u dan ġieli jinkludi t-twebbis ta’ qlub il-bnedmin. Alla qajjem lil Faragħun biex juri s-setgħa tiegħu quddiem id-dinja kollha (Rumani 9:17–18). Eżempji oħra ta’ kif Alla jinqeda bil-ħżiena jinkludu lix-xitan. L-azzjonijiet tiegħu fl-aħħar mill-aħħar servew biex il-pjanijiet tajba t’Alla javvanzaw (ara Ġobb 1:6–12). Anke dawk kompliċi fil-kruċifissjoni ta’ Ġesù: “Dal-bniedem, merħi skont il-pjan determinat u t-tagħrif minn qabel t’Alla, sammartuh ma’ salib b’idejn nies bla liġi, u qtiltuh” (Atti 2:23). Qalb diġà mwebbsa fid-dnub, f’idejn Alla tista’ tkompli tkun imwebbsa minnu biex jintlaħaq l-għan t’Alla.

Huwa kastig sever meta Alla jwebbes il-qlub, u nitolbu biex Alla jħenn għal dawk li huma mwebbsa b’dal-mod. Però ma nistgħux niddubitaw ’l Alla meta jagħżel li jwebbes xi qalb. Kif irraġuna tajjeb Pawlu, “Se tgħidli mela: ‘Għaliex mela għadu jsib ħtija fina? Għax min kapaċi jirreżisti r-rieda tiegħu?’ Għall-kuntrarju, o bniedem, int min int biex tkun rispostuż m’Alla? Jaqaw il-ħaġa fformata se tgħid lil min ifformaha, ‘Għaliex għamiltni hekk?’ Jew il-fuħħari m’għandux jedd fuq it-tafal hekk li mill-istess ċappa jagħmel reċipjent għal għan onorabbli u ieħor għall-użu diżonorabbli?”

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Il-għala Alla jwebbes il-qlub?
© Copyright Got Questions Ministries