settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif jista’ jkun li Alla, li hu mħabba, jibgħat lil xi ħadd l-infern?

Tweġiba


Biex nindirizzaw il-mistoqsija dwar kif Alla, li hu mħabba, jibgħat lil xi ħadd l-infern, irridu niddefinixxu xi termini, u wisq probabbli nikkoreġu wkoll xi ftit assunzjonijiet. Nibdew billi niddefinixxu l-kelma mħabba. Is-soċjetà tagħna għandha ħabta taħseb fuq “l-imħabba” bħala xi approvazzjoni tolleranti u li ma tikkonfrontax tal-persuna maħbuba f’dak li trid tagħmel. Però din mhix definizzjoni biblika. Skont il-Bibbja, l-imħabba hi rieda tajba u benevolenza murija f’sagrifiċċju u impenn lejn il-persuna maħbuba. L-imħabba hi azzjoni li tippromwovi l-benesseri ta’ persuna oħra.

L-implikazzjoni fil-mistoqsija – “Kif jista’ jkun Alla, li hu mħabba, jibgħat lil xi ħadd l-infern?” – hi l-assunzjoni li mhix imħabba min-naħa t’Alla jekk jibgħat lil xi ħadd l-infern. Però n-natura vera t’Alla hi mħabba (1 Ġwanni 4:16). Għaliex kull azzjoni jew ħsieb tiegħu huma espressjoni tan-natura tiegħu. Alla waħdu jħobb fis-sens veru u għoli tal-kelma; iħobb b’libertà u oġġettività perfetta.

Jekk ngħidu li Alla b’xi mod jiżbalja meta jikkastiga lill-midinbin bla ndiema bil-mod li għażel hu stess, inkunu qed niddikjaraw li aħna aktar inħobbu minnu – u aktar għorrief, aktar fer u ġusti minnu. Impossibbli għalina li nħobbu aktar minn dak li hu l-Imħabba nfisha. U l-ideat debbolli tagħna ta’ x’inhuwa “għaref” u “fer” dejjem jaqgħu wisq ’l isfel mill-perfezzjoni t’Alla.

Assunzjoni oħra li rridu noqgħodu attenti minnha meta nistaqsu l-mistoqsija, “Kif jista’ jkun Alla, li hu mħabba, jibgħat lil xi ħadd l-infern?” għandha x’taqsam mal-kelma jibgħat. Iva, hu Alla – u hu biss – li jibgħat lin-nies l-infern (Luqa 12:5; Rivelazzjoni 20:15). Madankollu, meta xi ħadd jintbagħt l-infern, ma tkunx saret xi azzjoni unilaterali min-naħa t’Alla, u l-individwu li qed jintbagħt mhux xi vittma passiva taċ-ċirkostanzi. Lill-bnedmin Alla tahom il-libertà li jipparteċipaw fl-għażliet tal-ħajja u fid-destinazzjonijiet eterni tagħhom (Ġwanni 3:16–18). Lil kull wieħed u waħda minna Alla fdana b’responsabbiltà personali. U f’imħabbtu, Alla bagħat l-uniku Iben tiegħu fid-dinja biex isalva lill-midinbin. “Alla jesibixxi l-imħabba tiegħu nnifsu lejna, billi filwaqt li aħna konna għadna midinbin, Kristu miet għalina” (Rumani 5:8).

“Kif jista’ jkun Alla, li hu mħabba, jibgħat lil xi ħadd l-infern?” Rumani 1:18–20 tqegħdilna l-pedament għat-tweġiba: “Għax ir-rabja t’Alla qed tkun rivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li hu magħruf dwar Alla hu evidenti fihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża.

F’dal-passaġġ insibu numru ta’ ħsibijiet importanti. L-ewwel, il-bnedmin “jissopprimu l-verità” b’mod attiv. Il-bnedmin kollha ngħataw biżżejjed verità biex jagħrfu ’l Alla u jissottomettu ruħhom lejh, però b’rieda soda ma jridux jaċċettaw il-verità. Iħobbu d-dlam aktarx milli d-dawl (Ġwanni 3:19). Dr. Thomas Nagel, professur ateu tal-filosofija u l-liġi qal, “Mhux biss ma nemminx f’Alla u, naturalment, nispera li għandi raġun f’dak li nemmen. Nispera li m’hemmx Alla! Ma rridx li jkun hemm Alla; ma rridx li l-univers ikun hekk” (The Last Word, Oxford University Press, 1997, p. 130).

It-tieni, Rumani 1:19 jiddikjara li Alla “lilhom immanifestah [il-verità dwar Alla].” Fi kliem ieħor, il-Ħallieq ħa l-inizzjattiva biex il-verità tiegħu jagħmilha ovvja quddiem kulħadd. L-istorja kkonfermat li mill-qedem kull ċivilizzazzjoni fittxet għarfien dwar il-Ħallieq li lilu jmissna nuru fedeltà u qima. L-għarfien intrinsiku li Alla jeżisti ġej mill-fatt li aħna maħluqin fuq xbieha tiegħu (Ġenesi 1:27).

It-tielet, Rumani 1:20 jgħid li talli m’għarfux lil Alla l-bnedmin “huma bla skuża.” M’hemmx difiża, ebda ġustifikazzjoni talli xi ħadd jibqa’ jirrifjuta l-offerta t’Alla għas-salvazzjoni fi Kristu. F’imħabbtu, Alla ta lil kull wieħed minna biżżejjed verità biex induru lejh aktarx milli naħarbu ’l bogħod minnu.

Meta nikkonsidraw il-mistoqsija, “Kif jista’ jkun Alla, li hu mħabba, jibgħat lil xi ħadd l-infern?” ma rridux nipprovaw nisseparaw l-imħabba t’Alla mill-ġustizzja u tjieba tiegħu. Il-ġustizzja tiddomanda pagament adegwat għar-reati kommessi; l-imħabba tirrekjiedi l-estensjoni ta’ grazzja lill-kriminal. Is-salib juri kemm ġustizzja kif ukoll grazzja. Meta Ġesù miet fuq is-salib, ħa fuqu l-kastig tad-dnub li l-ġustizzja ddomandat, u estenda l-grazzja tal-maħfra lill-midinbin. Għalhekk, kemm il-ġustizzja kif ukoll l-imħabba t’Alla kienu operattivi. “L-imħabba fidila u l-verità ltaqgħu flimkien; il-ħaqq u s-sliem tbewsu” (Salm 85:10).

Il-mistoqsija, “Kif jista’ jkun Alla, li hu mħabba, jibgħat lil xi ħadd l-infern?” għandha kontraparti loġika: “Kif jista’ Alla, li hu ġust, jibgħat lil xi ħadd il-ġenna?” It-tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet, għal darb’ oħra, hi is-salib. Għal dawk kollha li jemmnu fi Kristu u jaċċettaw is-sagrifiċċju t’imħabbtu f’isimhom, il-ġustizzja t’Alla taqa’ fuq Ġesù. Għal dawk li jwarrbu lil Kristu u jirriġettaw is-sagrifiċċju tiegħu, il-ġustizzja t’Alla taqa’ fuqhom.

Oriġinarjament l-infern inħoloq għax-xitan u l-anġli tiegħu (Mattew 25:41). Meta l-bnedmin ingħaqdu mar-ribelljoni tax-xitan kontra Alla, l-infern sar id-destin tagħhom ukoll. Imma Alla, f’imħabbtu, provda mod kif naħarbu. Imħabbtu wrieha fis-salib ta’ Kristu. Dawk fi Kristu għandhom dnubiethom maħfura permezz tal-grazzja t’Alla. Però dawk li jwarrbu ’l Kristu, qed jiddisprezzaw l-imħabba t’Alla u jirrifjutaw l-offerta tiegħu tas-salvazzjoni. Jekk ma naċċettawx il-ħlas offrut minn xi ħadd ieħor, ikollna nħallsu l-prezz aħna nfusna, u “l-paga tad-dnub hi l-mewt” (Rumani 6:23). Il-midinbin jintbagħtu l-infern, minkejja l-imħabba t’Alla, għaliex irrifjutaw il-provdiment grazzjuż ta’ Salvatur mingħand Alla.

Ġesù rrivelalna qalb il-Missier meta tnikket b’dawk li ddisprezzaw is-salvazzjoni: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, li toqtol il-profeti u tħaġġar lil dawk mibgħutin għandha! Kemm sikwit xtaqt niġma’ t-tfal tiegħek flimkien, bħalma qroqqa tiġma’ l-flieles tagħha taħt ġwinħajha, u ma ridtux!” (Mattew 23:37; ara wkoll Isaija 5:1–7 u Ħosea 7:13). L-infern ma jinnegax l-imħabba t’Alla daqskemm il-ġenna ma tinnegax il-ġustizzja t’Alla. “Mela aħna ambaxxaturi għal Kristu, bħallikieku Alla qed jappella permezz tagħna: nimplorawkom għal Kristu, kunu rikonċiljati m’Alla!” (2 Korintin 5:20).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif jista’ jkun li Alla, li hu mħabba, jibgħat lil xi ħadd l-infern?
© Copyright Got Questions Ministries