Mistoqsija
Minn fejn l-aħjar nibda naqra l-Bibbja?
Tweġiba
L-ewwelnett, importanti tirrejalizza illi l-Bibbja mhix ktieb bħall-kotba l-oħra li tista’ taqrah bla xkiel minn qoxra sa qoxra. Fil-verità huwa librerija, jew kollezzjoni, ta’ kotba miktuba minn awturi differenti b’lingwi diversi tul medda ta’ 1,500 sena. Martin Luteru qal li l-Bibbja hija “l-maxtura ta’ Kristu” għaliex l-istorja u l-profezija biblika kollha fl-aħħar mill-aħħar jippontaw lejn Ġesù. Għaldaqstant, il-bidu tal-qari tal-Bibbja jmissu jkun tal-Evanġelji. L-Evanġelju skont Marku huwa mexxej ħafna u post tajjeb fejn tibda. Imbagħa tajjeb li tgħaddi għall-Evanġelju skont Ġwanni. Marku jgħidilna x’għamel Ġesù, filwaqt li Ġwanni jgħidilna x’qal Ġesù fuqu nnifsu. Fi Ġwanni ssib xi wħud mill-aktar passaġġi ċari u sempliċi, però ssib ukoll xi wħud mill-aktar passaġġi intensivi u profondi. Meta taqra l-Evanġelji (Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni) tkun qed tiffamiljarizza ruħek mal-ħajja, il-ministeru u l-kliem ta’ Kristu.
Wara dan, aqra xi wħud mill-Epistoli (e.g., Efesin, Filippin, l-Ewwel Ġwanni). Dawn il-kotba jgħallmuna kif ngħixu ħajjitna b’tali mod li nonoraw ’l Alla. Meta tibda’ taqra l-Patt il-Qadim, aqra l-Ktieb tal-Ġenesi. Dal-ktieb jgħidilna kif Alla ħalaq id-dinja u kif l-umanità waqgħet fid-dnub, kif ukoll l-impatt li dik il-waqgħa kellha fuq id-dinja. L-Esodu, Il-Levitiku, In-Numri, u l-Ktieb tad-Dewteronomju jistgħu jkunu xi ftit diffiċli biex taqrahom għaliex jidħlu f’dawk il-liġijiet li Alla kkmanda l-Lhud. Filwaqt li m’għandekx tiskarta dawn il-kotba, forsi jkun aħjar kieku tħallihom għal aktar tard meta tkun kapaċi tistudjahom. Insomma, attent li ma teħilx fihom. Aqra l-Ktieb ta’ Ġożwe sal-Ktieb tal-Kronaki sabiex ikollok fehma tajba tal-istorja tal-poplu Iżraelit. Jekk taqra l-Ktieb tas-Salmi sal-Għanja tal-Għanjiet se jkollok idea tajba tal-poeżija u s-sapjenza Lhudija. Il-kotba profetiċi, minn Isaija sa Malakija, jistgħu jkunu ftit iebsa biex tifhimhom. Ftakar, is-sigriet biex tifhem il-Bibbja kif suppost hu li titlob ’l Alla għall-għerf (Ġakbu 1:5). Alla hu l-awtur tal-Bibbja, u jridek tifhem Kelmtu.
Kun ċert li Alla jbierek l-isforzi li tagħmel biex issir taf lilu u ’l Kelmtu, irrispettivament minn fejn tibda u jkun xi jkun il-metodu ta’ studju li tuża. Neħtieġu Kelmet Alla: “Mhux bil-ħobż biss se jgħix il-bniedem, iżda b’kull kelma li tipproċiedi minn fomm Alla” (Mattew 4:4). Kelmet Alla hi “perfetta, tikkonverti r-ruħ…hi żgura, tagħmel għaref lis-sempliċi…hi sewwa, tferraħ il-qalb…hi pura, iddawwal l-għajnejn…hi nadifa, u tibqa’ għal dejjem…hi ferma…ġusta…aktar prezzjuża mid-deheb fin…u oħla mill-għasel u l-qtar tax-xehda” (Salm 19:7–11). Kelmet Alla hi l-verità, u l-verità tibdillek ħajtek (John 17:17).
English
Minn fejn l-aħjar nibda naqra l-Bibbja?