settings icon
share icon
Mistoqsija

Għaliex kellu jmut Ġesù?

Tweġiba


Meta nistaqsu, “Għaliex Kristu kellu jmut?” irridu noqogħdu attenti illi m’aħniex qed nikkritikaw lil Alla. Jekk naħsbu setax Alla jsib “mod ieħor” biex jagħmel xi ħaġa nkunu qed nimplikaw illi l-mod magħżul minnu mhuwiex l-aħjar korsa ta’ azzjoni, u li xi mod ieħor seta’ jkun superjuri. Normalment nimmaġinaw illi metodu “aħjar” huwa wieħed li jidher sewwa f’għajnejna. Qabel ma nikkonsidraw kwalunkwe ħaġa li jagħmel Alla, irridu nagħrfu illi ħsibijietu mhumiex ħsibijietna; huma wisq ogħla minn tagħna (Isaija 55:8). Addizzjonalment, il-Ktieb tad-Dewteronomju jfakkarna illi “Hu l-blata, l-għemejjel tiegħu huma perfetti, u mogħdijietu kollha huma ġusti. Hu Alla fidil li ma jagħmilx ħażen, rett u ġust hu” (32:4). Għaldaqstant, il-pjan tas-salvazzjoni, iddisinnjat minnu, hu perfett u ġust; ħadd ma jista’ jippretendi li jfassal pjan aħjar.

L-Iskrittura tgħid, “Għax għaddejtilkom bħala primarjament importanti dak li wkoll irċevejt: illi Kristu miet għal dnubietna skont l-Iskritturi, u illi ndifen, u illi kien irxoxtat fit-tielet jum skont l-Iskritturi” (1 Korintin 15:3-4). L-evidenza tafferma illi Ġesù, bla dnub, ċarċar demmu u miet fuq salib. Il-Bibbja tkompli tispjegalna għala l-mewt u l-qawmien fiżiku ta’ Kristu jipprovdulna l-unika entratura fil-ġenna.

Għaliex kellu jmut Ġesù? – Għax il-kastig tad-dnub hu l-mewt.

Alla ħalaq id-dinja u l-bniedem perfetti. Meta Adam u Eva ma obdewx il-kmand t’Alla, kellu jikkastigahom. Imħallef li jiffrankaha lil min jikser il-liġi mhuwiex imħallef ġust. Bl-istess mod, jekk Alla jegħmeż lid-dnub ma jkunx Alla qaddis; isir inġust. Il-mewt hi l-konsegwenza ġusta t’Alla għad-dnub. “Għax il-paga tad-dnub hi l-mewt” (Rumani 6:23). Imqar l-opri tajba ma jistgħu qatt ipattu għad-deni u l-ħażen kommess kontra Alla qaddis. Paragunati ma’ tjubitu, “l-atti ġusti kollha tagħna huma bħala ħwejjeġ maħmuġa” (Isaija 64:6b). Mindu Adam dineb, kull bniedem hu ħati illi kiser il-kmandamenti ġusti t’Alla. “Għax kollha dinbu u neqsin mill-glorja t’Alla” (Rumani 3:23). Id-dnub mhuwiex biss ħwejjeġ gravi bħall-omiċidju u d-dagħa, iżda jinkludi wkoll imħabba għall-flus, mibegħda lejn il-proxxmu, u l-ingann tal-ilsien u l-kburija. Minħabba d-dnub, kulħadd ħaqqu l-mewt – separazzjoni eterna minn Alla fl-infern.

Għaliex Ġesù kellu jmut? – Għax il-wegħda rrekjidiet mewt ta’ wieħed innoċenti.

Għalkemm Alla keċċa lil Adam u Eva mill-ġnien, ma ħallihomx mingħajr tama ta’ rikonċiljazzjoni. Wiegħed illi kellu jibgħat Salvatur biex jegħleb lis-serpent (Ġenesi 3:15). Fil-frattemp il-bnedmin kellhom jissagrifikaw ħrief innoċenti, biex hekk jesprimu l-indiema tagħhom mid-dnub, kif ukoll juru l-fidi tagħhom f’sagrifiċċju futur mingħand Alla li jieħu fuqu l-piena tad-dnub. Alla reġa’ afferma l-wegħda inkwantu s-sagrifiċċju ma’ rġiel bħalma kienu Abraħm u Mosè. Hawn jinsab il-ġmiel fil-pjan perfett t’Alla: hu nnifsu provda l-uniku sagrifiċċju, ċoè lil Ġesù, biex jagħmel tpattija adegwata għad-dnubiet ta’ niesu. L-Iben perfett t’Alla wettaq ir-rikjesti tal-liġi perfetta t’Alla. Hu pjan brillanti. “Lil dak li ma kienx jaf dnub Alla għamlu dnub għalina, sabiex aħna nsiru l-ġustizzja t’Alla fih” (2 Korintin 5:21).

Għaliex kellu jmut Ġesù? – Għax il-profeti bassru mewtu.

Minn Adam sa Ġesù, Alla bagħat profeti, li wissew lill-bnedmin dwar il-kastig tad-dnub u fl-istess ħin ħabbru minn qabel il-miġja tal-Messija. Profeta minnhom, Isaija, jiddeskrivih hekk:

“Min emmen il-messaġġ tagħna? U lil min driegħ is-Sid kien irrivelat? Għax hu kiber quddiemu bħal rimja tarija, u bħal għerq minn art imqaxqxa. M’għandu ebda forma dinjituża jew maestà biex inħarsu lejh, lanqas dehra biex inkunu attirati lejh. Kien iddisprezzat u abbandunat mill-bnedmin, bniedem tad-dwejjaq u midħla tal-għali; u bħal wieħed li minnu n-nies taħbi wiċċha, kien iddisprezzat, u aħna ma stmajniehx. Żgurament l-għali tagħna hu nnifsu refa’, u ġarr id-dwejjaq tagħna; frattant aħna nfusna stmajnieh bħala milqut, midrub minn Alla u afflitt. Iżda hu kien minfud għat-trasgressjonijiet tagħna, kien misħuq għall-inikwitajiet tagħna; il-kastig għall-benesseri tagħna waqa’ fuqu, u bil-flaġellazzjoni tiegħu aħna fiqna. Aħna lkoll bħal nagħaġ żvijajna, kull wieħed minna dar għal triqtu stess, iżda s-Sid ikkawża illi l-inikwità tagħna lkoll taqa’ fuqu. Kien oppressat u kien afflitt, frattant ma fetaħx fommu; bħal ħaruf misjuq għall-qatla, u bħal nagħġa li hi siekta quddiem dawk li jġiżżuha, hekk hu ma fetaħx fommu. Bl-oppressjoni u l-ġudizzju ttieħed lil hemm; u inkwantu l-ġenerazzjoni tiegħu, min ikkonsidra illi hu kien maqtugħ minn art il-ħajjin, għat-trasgressjoni tal-poplu tiegħi li lilu d-daqqa kienet dovuta? Il-qabar tiegħu kien assenjat ma’ rġiel ħżiena, frattant hu kien ma’ raġel sinjur fil-mewta tiegħu, għax m’għamel ebda vjolenza, lanqas ma kien hemm qerq f’fommu. Iżda s-Sid għoġbu jisħqu, billi qiegħdu fil-għali; jekk jirrendi lilu nnifsu bħala offerta tal-ħtija, se jara nislu, se jipprolunga jiemu, u l-għoġba tajba tas-Sid ikollha r-risq f’idu. Bħala riżultat tat-tbatija ta’ ruħu, se jaraha u jkun sodisfatt. Bit-tagħrif tiegħu l-Ġust, il-Qaddej tiegħi, se jiġġustifika lil ħafna, billi jerfa’ l-inikwitajiet tagħhom” (Isaija 53:1-11). Xebbah is-sagrifiċċju tal-Messija ma’ ħaruf, maqtul għad-dnubiet ta’ ħaddieħor.

Sekli ta’ snin wara, il-profezija ta’ Isaija seħħet fis-Sid Ġesù, il-perfett, imwieled mill-verġni Marija. Meta l-profeta, Ġwanni l-Battista, rah, għajjat: “Araw, il-Ħaruf t’Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġwanni 1:29).

Il-folol inġabru madwaru għall-fejqan u t-tagħlim, iżda l-mexxejja reliġjużi stmerrewh. Il-geġwiġija tan-nies għajtet, “Sallbu!” Is-suldati sawtuh, irridikolawh, u sammruh mas-salib. Bħalma bassar Isaija, Ġesù kien mislub bejn żewġ kriminali iżda kien midfun f’qabar ta’ raġel sinjur. Iżda ma baqax fil-qabar. Billi Alla laqa’ s-sagrifiċċju tal-Ħaruf tiegħu, wettaq profezija oħra billi qajjem lill-Ġesù mill-mewt (Salm 16:10; Isaija 26:19).

Għala kellu jmut Ġesù? Ftakar, Alla qaddis ma setax iħalli d-dnub għaddej, bla ma jkun ikkastigat. Kieku kellna npattu għal dnubietna, allura postna jkun fin-nirien tal-infern għall-eternità, bla tama. Imma nistgħu nfaħħru lil Alla: żamm il-wegħda tiegħu, u bagħat fostna l-Ħaruf perfett tas-sagrifiċċju biex jerfa’ u jġorr dnubietna lil hemm, għal dawk kollha li jafdaw fih. Ġesù kellu jmut għax hu l-uniku wieħed li kapaċi jħallas il-penali għal dnubietna.

Jekk Alla qed jurik il-ħtieġa tiegħek għall-Ħaruf offrut fuq il-Kalvarju, fittex iżjed artikli li jitkellmu dwar il-mewta tiegħu.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Għaliex kellu jmut Ġesù?
© Copyright Got Questions Ministries