Mistoqsija
Hemm ħajja wara l-mewt?
Tweġiba
Meta tkellem fid-disprament tiegħu, Ġobb staqsa, “Jekk bniedem imut, se jerġa’ jgħix?” (Ġobb 14:14). Kollha kemm aħna konna sfidati b’din il-mistoqsija. Teżisti xi ħajja wara l-mewt? X’jiġrilna appena mmutu? Nieqfu milli neżistu? Jaqaw bil-mewt nitilqu u nerġgħu nirritornaw lura lejn l-art? Kulħadd imur fl-istess post wara l-mewt, jew immorru f’postijiet differenti? Tassew hemm ġenna u infern?
Il-Bibbja tgħarrafna illi ċertament hemm ħajja wara l-mewt. Din id-dinja mhijiex l-unika realtà, u l-umanità ssawret għal xi ħaġa iżjed. Mal-mewt, il-ġisem jehda milli jiffunzjona u jibda l-proċess ta’ ritorn lejn l-art, iżda l-parti spiritwali tal-bniedem tissokta tgħix. “It-trab jirritorna lejn l-art mnejn ġie, u l-ispirtu jirritorna lejn Alla li tah” (Ekkleżjażti 12:7; cf. Salm 146:4).
Lil dawk mifdija u bi dnubiethom maħfura, Alla jagħti l-ħajja eterna, eżistenza hekk glorjuża illi ebda għajn qatt ma rat, jew il-widna ma semgħet, jew il-moħħ qatt immaġina xi pprepara Alla għal dawk li jħobbuh (1 Korintin 2:9). Dil-ħajja dejjiema hi magħquda intimament mal-persuna ta’ Ġesù Kristu. “Din hi l-ħajja eterna: illi jkunu jafu lilek, l-uniku Alla veru, u ’l dak li bgħatt int, Ġesù Kristu” (Ġwanni 17:3). Fit-talba ta’ Ġesù f’dan il-passaġġ jgħid illi l-ħajja ta’ dejjem hi ekwivalenti għat-tagħrif t’Alla u tal-Iben. “Kull min għandu l-Iben għandu l-ħajja” (1 Ġwanni 5:12).
Ġesù Kristu, Alla inkarnat, ġie fid-dinja biex iħallas għal dnubietna u jagħtina l-għotja tal-ħajja eterna. “Kien minfud minħabba t-trasgressjonijiet tagħna, misħuq minħabba l-inikwitajiet tagħna; il-kastig li ġabilna s-sliem kien fuqu, u bil-ġrieħi tiegħu tfejjaqna” (Isaija 53:5). Tlett ijiem wara t-tislib tiegħu, Ġesù wera l-vittorja tiegħu fuq il-mewt billi rxoxta mill-qabar – hu l-ħajja personifikata (Ġwanni 11:25), u l-prova finali illi hemm ħajja wara l-mewt.
Ir-resurrezzjoni ta’ Kristu hi avveniment dokumentat b’mod tajjeb ferm. L-appostlu Pawlu stieden lin-nies biex jistħarrġu ’l fuq minn ħames mitt xhud li raw b’għajnejhom stess lil Ġesù wara l-qawmien fiżiku tiegħu (1 Korintin 15:6). Ilkoll setgħu jagħtu testimonjanza qawwija għall-fatt illi Ġesù hu ħaj, u li tabilħaqq hemm ħajja wara l-mewt.
Ir-resurrezzjoni ta’ Kristu, li tagħtina t-tama ċerta ta’ ħajja wara l-mewt, hi l-pedament tal-fidi Kristjana (1 Korintin 15:12-19). Peress li Ġesù tqajjem mill-mewt, għandna l-fiduċja li aħna wkoll, membri tiegħu, se nkunu mqajma. Bħalma Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, “Għax jien ngħix, intom se tgħixu wkoll” (Ġwanni 14:19). Ġesù hu l-ewwel wieħed minn ħsad kbir ta’ dawk li għad ukoll jitqajmu għall-ħajja fiżika mill-ġdid (1 Korintin 15:23). Bħalma Alla qajjem il-ġisem ta’ Ġesù, hekk ukoll l-iġsma tagħna se joħorġu minn qabarhom meta Ġesù jirritorna (1 Korintin 6:14).
Il-fatt ta’ ħajja wara l-mewt ma jfissirx illi kulħadd se jmur il-ġenna. In-nies kollha jibqgħu jeżistu wara mewthom, u għad ikun hemm resurrezzjoni, iżda Alla jagħmel distinzjoni bejn il-qawmien tal-ġusti (dawk li huma fi Kristu) u tal-inġusti (dawk li jmutu fi dnubiethom). “Multitudnijiet li jinsabu reqdin fit-trab tal-art għad jistenbħu: xi wħud għall-ħajja dejjiema, u oħrajn għall-għajb u stmerrija dejjiema” (Danjel 12:2). Pawlu esprima ruħu hekk: “Għad ikun hemm resurrezzjoni kemm tal-ġusti kif ukoll tal-inġusti” (Atti 24:15).
Kull persuna trid tagħmel għażla f’din il-ħajja, għażla li tiddetermina d-destinazzjoni eterna tagħha. Hu maħtur għalina li mmutu darba, u immedjatament wara jsirilna l-ġudizzju (Ebrej 9:27). Dawk li huma magħduda bħala ġusti bil-fidi fi Kristu se jmorru għall-ħajja eterna, iżda dawk li jkunu rriġettaw lil Kristu bħala s-Salvatur se jkunu kkonsenjati għall-kastig etern fl-għadira tan-nar (Mattew 25:46). L-infern, bħall-ġenna, hu post litteru. Hu post fejn l-inġusti jġarrbu l-għadab eterna t’Alla, bla waqfien. L-infern hu deskritt bħala għadira tan-nar fejn l-abitanti jkunu tturmentati nhar u lejl għal dejjem ta’ dejjem (Rivelazzjoni 20:10). Fl-infern, se jkun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien; dan jindika pwieni intensi u rabja (Mattew 13:42).
Alla ma jieħu ebda pjaċir bil-mewt u t-telfien tal-ħżiena; anzi, jixtieqhom iduru mill-mogħdijiet ħżiena tagħhom sabiex jgħixu (Eżekjel 33:11). Iżda mhux se jisforzana jew iġegħilna nissottomettu. Jekk nagħżlu li niċħdu lil Kristu, l-uniku Salvatur, niċħdu l-hena li ppepara għalina, u ngħixu eternament apparti minnu. Il-ħajja fuq l-art hi tħejjija għall-ħajja li ġejja. Il-fidi fi Kristu tippreparana għall-ħajja wara l-mewt. “Min jemmen fih mhux iġġudikat, imma min ma jemminx hu diġà ġġudikat, għax m’emminx fl-isem tal-Iben uniku t’Alla” (Ġwanni 3:18).
Kulħadd se jesperjenza ħajja wara l-mewt b’xi mod jew ieħor. Għall-fidili fi Kristu, il-ħajja wara l-mewt hija ħajja eterna fil-ġenna m’Alla. Għall-infidili, il-ħajja wara mewthom hi eternità fl-għadira tan-nar. Kif nistgħu nirċievu l-ħajja eterna u nevitaw l-infern? Hemm mod wieħed biss – permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu. Ġesù qal, “Jien hu r-resurrezzjoni u l-ħajja; min jemmen fija, imqar jekk imut, se jgħix, u kull min jgħix u jemmen fija b’ebda mod ma jmut, qatt. Temmnu dan?” (Ġwanni 11:25-26).
L-għotja b’xejn tal-ħajja eterna hi għad-dispożizzjoni tagħna. “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja eterna; imma min ma jobdix lill-Iben mhux se jara l-ħajja, iżda r-rabja t’Alla tibqa’ fuqu” (Ġwanni 3:36). Mhux se ningħataw l-opportunità li naċċettaw l-għotja tas-salvazzjoni mingħand Alla wara mewtna. Id-destin etern tagħna hu deċiż matul għomorna bħalissa. Hu determinat skont inkunux irċivejna jew warrabna lil Ġesù Kristu. “Ara, issa ż-żmien aċċettabbli; ara, issa jum is-salvazzjoni” (2 Korintin 6:2). Jekk nafdaw fil-mewt ta’ Ġesù Kristu bħala l-pagament sħiħ għal dnubietna, u nemmnu fil-qawmien tiegħu mill-mewt, aħna mwiegħda l-ħajja eterna wara li mmutu, għejxien fil-glorja miegħu (1 Pietru 1:3-5).
Ħadt deċiżjoni għal Kristu minħabba dak li qrajt hawn fuq? Jekk iva, jekk jogħġbok ikklikkja fuq il-buttuna “Jien aċċettajt lil Kristu llum” li tidher hawn taħt.
English
Hemm ħajja wara l-mewt?