settings icon
share icon
Mistoqsija

Il-Bibbja hi verament Kelmet Alla?

Tweġiba


It-tweġiba tagħna għal dil-mistoqsija mhux biss tiddetermina kif inħarsu lejn il-Bibbja u l-importanza tagħha għal ħajjitna, iżda wkoll tħalli impatt etern fuqna. Jekk il-Bibbja hi tabilħaqq Kelmet Alla, allura jmissna ngħożżuha, nistudjawha, nobduha, u nemmnuha bla dubju. Jekk il-Bibbja hi ġenwinament il-messaġġ t’Alla għalina, allura hi l-awtorità finali fl-oqsma kollha: x’nemmnu, kif imissna nġibu ruħna, u l-moralità. Ladarba l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla, meta nwarrbuha nkunu qed inwarrbu lil Alla nnifsu.

Il-fatt li Alla tana l-Bibbja hu evidenza ta’ mħabbtu lejna. Alla kkomunika magħna l-bnedmin kif inhu u kif nistgħu nidħlu f’relazzjoni sewwa miegħu. Dawn huma ħwejjeġ li ma stajniex insiru nafuhom kieku Alla ma żvelahomx għalina fil-Bibbja. L-Iskrittura Mqaddsa tikkontieni kulma l-umanità teħtieġ issir taf dwar Alla sabiex ikollha relazzjoni ġenwina miegħu.

Kif nistgħu nkunu nafu li l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla u mhux sempliċement ktieb tajjeb? X’hemm uniku dwar il-Bibbja li jisseparaha mill-kotba kollha l-oħra li qatt inkitbu? Hemm xi evidenza illi l-Bibbja hi verament il-Kelma t’Alla? Dawn it-tip ta’ mistoqsijiet jeħtiġilna neżaminawhom bis-serjetà. Ma jista’ jibqagħlna ebda dubju illi l-Bibbja difatti tikklejmja li hi Kelmet Alla. Dan jidher fil-kommendazzjoni ta’ Pawlu lill-kollega tiegħu: “mindu kont tarbija ilek taf l-Iskritturi sagri, li kapaċi jagħmluk għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi li hi fi Kristu Ġesù. Kull Skrittura hi ispirata minn Alla u siewja għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għall-korrezzjoni u għat-taħriġ fil-ġustizzja, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kwalifikat kompletament, fornut għal kull opra tajba” (2 Timotju 3:15-17).

Insibu evidenzi kemm interni kif ukoll esterni illi l-Bibbja hi verament il-Kelma t’Alla.

Evidenza interna illi l-Bibbja hi Kelmet Alla

Evidenzi interni huma dawk il-ħwejjeġ fil-Bibbja nfisha illi jixhdu għall-oriġni divina tagħha. Evidenza interna minnhom hi l-unità tagħha. Għalkemm fir-realtà hi ġabra ta’ sitta u sittin ktieb individwali, miktubin fuq tliet kontinenti, fi tliet lingwi differenti, tul perjodu ta’ madwar elf u ħames mitt sena, minn aktar minn erbgħin awtur minn kull qasam tal-ħajja, il-Bibbja difatti hi ktieb wieħed unit mill-bidu sat-tmiem, bla ebda kontradizzjonijiet. Din l-unità hi unika, u taqta’ l-Bibbja bħala ktieb għalih. Hi evidenza tal-oriġni divin tal-kliem li Alla ispira lill-awturi biex jirrekordjaw.

Evidenza interna oħra illi tindika li l-Bibbja hi verament Kelmet Alla hi l-profezija. Il-Bibbja fiha mijiet ta’ profeziji dettaljati li għandhom x’jaqsmu mal-futur ta’ diversi ġnus, bliet u difatti l-umanità kollha. Il-profeziji l-oħra jikkonċernaw il-miġja tal-Messija, is-Salvatur ta’ dawk kollha li jemmnu fih. Il-profeziji bibliċi mhumiex bħall-profeziji oħra misjuba f’kotba reliġjużi jew bħal ta’ awturi sekulari, fosthom Nostradamus. Il-profeziji bibliċi huma estremament dettaljati. Hemm ’il fuq minn tliet mitt profezija dwar Ġesù Kristu fil-Patt il-Qadim. Mhux biss tbassar l-arblu tar-razza tiegħu u fejn kellu jitwieled, iżda wkoll kif kellu jmut u illi kellu jirxoxta mill-qabar. Sempliċement m’hemm ebda mod loġiku kif nistgħu nispjegaw il-profeziji mwettqa fl-Bibbja ħlief billi nemmnu fl-oriġni divina tagħhom. M’hemm ebda ktieb reliġjuż ieħor bl-ammont ta’ profezija dettaljata kif misjuba fil-Bibbja.

It-tielet evidenza interna favur l-oriġni divina tal-Bibbja hija l-awtorità unika u l-qawwa tagħha. Din l-evidenza hi aktar soġġettiva mill-ewwel tnejn, u frattant tifforma testimonjanza setgħana illi l-Bibbja hi Kelmet Alla. L-awtorità tal-Bibbja ma tixbahx l-awtorità ta’ kwalunkwe ktieb ieħor. Din il-qawwa tidher fil-mod kif ħafna u ħafna nies kienu trasformati biha. Vittmi ta’ droga kienu mfejqa biha, l-omosesswali meħlusin biha, nies mormija u bla tama sabu bidu ġdid biha, kriminali mwebbsa kienu riformati biha, il-midinbin imċanfra biha, u l-mibegħda mdawra fi mħabba biha. Il-Bibbja ċertament tippossiedi qawwa dinamika li tittrasforma r-ruħ; dan hu biss possibbli għax hi tabilħaqq il-Kelma li ħarġet minn fomm Alla.

Evidenza esterna illi l-Bibbja hi Kelmet Alla

Hemm ukoll evidenzi esterni illi jindikaw li l-Bibbja hi tabilħaqq Kelmet Alla. Waħda minnhom hi l-istoriċità tal-Bibbja. Peress li l-Bibbja tagħti dettalji ta’ avvenimenti storiċi, il-preċiżjoni tagħha hi suġġetta għall-verifika, bħal kwalunkwe dokument storiku ieħor. Bl-evidenza arkeoloġika u b’kitbiet oħra barra mill-Bibbja, ir-rakkonti storiċi tal-Bibbja ġew provati ripetutament bħala akkurati u veri. Difatti, l-evidenza arkeoloġika u l-evidenza mill-manuskritti li jissapportjaw il-Bibbja jagħmluha l-ktieb l-aktar dokumentat fid-dinja antika. Billi l-Bibbja tirrekordja bi preċiżjoni avvenimenti li nistgħu nivverifikawhom storikament, dan kollu jservina biex naċċettaw il-klejm illi hi Kelmet Alla. Hekk niġu f’pożizzjoni li nistgħu nafdawha fi kwalunkwe materja li tindirizza.

Evidenza esterna oħra favur l-affermazzjoni li l-Bibbja hi Kelmet Alla hi din: l-integrità tal-awturi umani tagħha. Meta nistudjaw il-ħajja tal-awturi tagħha, insibuhom onesti u sinċiera. Il-fatt illi kienu lesti jmutu, anke bi mwiet ħorox u kattivi, għal kulma emmnu, hu xhieda illi dawn l-irġiel tabilħaqq emmnu li Alla tkellem permezz tagħhom. L-awturi li kitbu l-Patt il-Ġdid u mijiet oħra ta’ fidili (1 Korintin 15:6) kienu jafu l-verità għax qattgħu ħin ma’ Ġesù Kristu wara li kien irxoxta mill-mewt. L-inkontru tagħhom mas-Salvatur irxoxtat ħalla impatt tremend fuqhom. Minn nies beżgħana u timidi saru lesti jmutu għall-messaġġ li Alla żvelalhom. Il-ħajja u l-mewt tagħhom jixhdu għall-fatt illi l-Bibbja hi verament Kelmet Alla.

Evidenza esterna oħra illi l-Bibbja hi tabilħaqq Kelmet Alla hija l-fatt li l-Bibbja hija indistruttibbli. Il-Bibbja sofriet attakki salvaġġi u attentati ħorox biex tinqered, wisq aktar minn kwalunkwe ktieb ieħor fil-ġrajja umana. Minn imperaturi Rumani bikrija, bħalma kien Dijoklezjanu, għad-dittaturi komunisti, sal-atej moderni, il-Bibbja rribattiet l-assalti persistenti kontriha. Issopraviviet u għadha sal-lum il-ktieb l-iżjed ippubblikat fid-dinja.

Matul l-istorja, ix-xettiċi stmaw il-Bibbja bħala mitoloġika, iżda l-arkeoloġija kkonfermatha bħala sett ta’ dokumenti storiċi. L-opponenti attakkaw it-tagħlim tagħha bħala primittiv u skadut, iżda l-konċetti morali u legali tagħha ħallew influwenza pożittiva fuq soċjetajiet mal-kontinenti kollha. Għadha l-mira tal-attakk mill-psewdoxjenza, il-psikoloġija u movimenti politiċi, u frattant tibqa’ vera u rilevanti llum bħalma kienet meta nkitbet oriġinarjament. Dan ma jgħaġġibniex. Wara kollox, Ġesù qal, “Is-sema u l-art għad jgħaddu ’l hinn, imma kliemi żgurament mhux se jgħaddi ’l hinn” (Marku 13:31).

Il-Bibbja, unika fost il-kotba, ittrasformat ħajjiet bla għadd u influwenzat kulturi sħaħ. Wara li nqisu sewwa l-evidenza, nistgħu ngħidu mingħajr dubju illi Alla tkellem u, iva, il-Bibbja hi verament il-Kelma tiegħu.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Il-Bibbja hi verament Kelmet Alla?
© Copyright Got Questions Ministries