settings icon
share icon
Mistoqsija

X'inhi l-importanza tal-ikla tal-Mulej?

Tweġiba


L-Ikla tal-Mulej hi esperjenza li tqanqal ir-ruħ minħabba l-profondità tat-tifsira tagħha. Lejlet il-passjoni tiegħu, waqt iċ-ċelebrazzjoni antika tal-Għid, Ġesù waqqaf l-Ikla jew il-Kommunjoni, li aħna għadna nosservaw sal-lum. Hija parti integrali mill-qima Kristjana. Tfakkarna fil-mewt u l-qawmien ta’ Sidna, u nħarsu ’l quddiem lejn ir-ritorn glorjuż tiegħu.

L-Għid kien l-aktar festa sagra tas-sena reliġjuża Lhudija. Il-Lhud kienu jiftakru fl-aħħar kastig fuq l-Eġittu, il-mewt tal-ewwel imwieled mill-Eġizzjani, filwaqt li l-Iżraelin kienu mħarsa bid-demm taʼ ħaruf imċappas fuq il-bibien ta’ djarhom. Kienu jixwu l-ħaruf u jiekluh bil-ħobż bla ħmira. Alla kkmanda li din il-festa tkun ċċelebrata fil-ġenerazzjonijiet ta’ wara. L-istorja nsibuha f’Esodu 12.

Waqt l-aħħar ċena – iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid – Ġesù ħa ħobż u radd ħajr lil Alla, qasmu u tah lid-dixxipli, u qal: “‘Dan hu ġismi li hu mogħti għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi” bl-istess mod ħa t-tazza wara li ċċenaw, u qal, “Dit-tazza hi l-patt il-ġdid f’demmi, li hu msawwab għalikom” (ara Luqa 22:19-21). Temmew il-festa billi kantaw innu (Mattew 26:30), u ħarġu bil-lejl lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Kien hemm li, kif kien imbassar, Ġesù ġie ttradut minn Ġuda. L-għada Ġesù ġie msallab.

Ir-rakkonti tal-Ikla tal-Mulej jinsabu fl-Evanġelji sinottiċi (Mattew 26:26-29; Mark 14:17-25; Luqa 22:7-22). L-appostlu Pawlu kiteb ukoll dwar l-Ikla tal-Mulej (1 Korintin 11:23-29). Pawlu jinkludi din l-istqarrija: “Għalhekk kull min jiekol il-ħobż jew jixrob it-tazza tas-Sid indenjament ikun ħati ta’ dnub kontra l-ġisem u d-demm tas-Sid. Imma persuna għandha teżamina lilha nfisha, u hekk tiekol mill-ħobż u tixrob mit-tazza. Għax min jiekol u jixrob bla ma jiddixxerni l-ġisem jiekol u jixrob ġudizzju għalih innifsu” (1 Korintin 11:27-29). Xi jfisser li tipparteċipa indenjament, mhux kif jixraq? Ifisser li ma tagħtix kas it-tifsira vera tal-ħobż u l-inbid, u tinsa l-prezz tremend li ħallas Kristu għas-salvazzjoni tagħna. Ifisser ukoll li tħalli ċ-ċerimonja ssir ritwal mejjet u formali, jew li tieħu sehem mingħajr indiema. Għaldaqstant, għandna neżaminaw lilna nfusna qabel nieklu l-​ħobż u nixorbu t-​tazza.

Pawlu kiteb ukoll li, ‘kull darba li tieklu dal-ħobż u tixorbu t-tazza tniedu l-mewt tas-Sid sakemm jiġi” (1 Korintin 11:26). L-Ikla se tibqa’ tkun iċċelebrata sar-ritorn ta’ Sidna.

Dawn ir-rakkonti qosra juruna kif Ġesù uża żewġ elementi fraġli bħala simboli ta’ ġismu u demmu; għamilhom mafkar tal-mewt redentiva tiegħu – mhux monument tal-irħam jew tal-bronż, imma tal-ħobż u l-inbid.

Ġesù ddikjara li l-ħobż jissinfika ġismu, mogħti għalina fuq is-salib għall-fidwa tagħna (Salm 22:12-17; Isaija 53:4-7). L-inbid jissinifika demmu, u juri l-mewta terribbli li esperjenza għalina. Kristu wettaq id-diversi profeziji tal-Patt il-Qadim dwar il-Feddej li kellu jiġi (Ġenesi 3:15; Salm 22; Isaija 53). Meta ordna lid-dixxipli, “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi,” Ġesù indika li din ċerimonja kellha titkompla fil-futur. L-Ikla tal-Mulej turi wkoll li l-ħaruf tal-Għid kien jantiċipa l-miġja tal-Ħaruf t'Alla li tassew ineħħi d-dnub tad-dinja. Il-Patt il-Ġdid ħa post il-Patt il-Qadim meta Kristu, il-Ħaruf tal-Għid (1 Korintin 5:7), kien ssagrifikat (Lhud 8:8-13). Is-sagrifiċċji ta’ qabel m’għadhomx meħtieġa (Lhud 9:25-28). L-Ikla tal-Mulej hija t-tifkira ta’ Kristu; iċ-ċelebrazzjoni tal-barkiet kotrana li nirċievu bis-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib għalina.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X'inhi l-importanza tal-ikla tal-Mulej?
© Copyright Got Questions Ministries