settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi t-tifsira tal-ħajja?

Tweġiba


X’inhi t-tifsira tal-ħajja? Kif nista’ nsib għan, twettiq u sodisfazzjon fil-ħajja? Kif nista’ nikseb xi ħaġa ta’ sinifikat dejjiemi? Ħafna nies qatt ma waqfu biex jikkonsidraw dawn il-mistoqsijiet importanti. Iħarsu lura bosta snin wara u jiskantaw l-għala r-relazzjonijiet tagħhom waqgħu biċċiet u għala jħossuhom tant vojta, avolja forsi jkunu akkwistaw kulma mmiraw illi jilħqu. Bħalma Salamun josserva fil-Ktieb tal-Ekkleżjażti, ħafna skopjiet jiżvelaw il-vojtizza tagħhom biss wara ħafna snin moħlija fit-tfittxija tagħhom (Ekkleżjażti 1-2).

Fil-kultura umanistika tagħna, in-nies faċilment jgħarralhom milli jsibu l-iskop tal-ħajja. Jikkonċentraw fuq bosta proġetti, u jaħsbu illi bihom se jiskopru skop u sinifikat. Xi wħud mill-intrapriżi tagħhom jinkludu s-suċċess, ir-rikkezzi, relazzjonijiet tajbin, is-sess, il-pjaċir, u jagħmlu l-ġid lil ħaddieħor. In-nies jixhdu illi, filwaqt li ottenew l-għanijiet tagħhom inkwantu għana, relazzjonijiet u gost, xorta waħda fihom infushom iħossu l-baħħ, sentiment ta’ vojtizza li xejn qisu mhu kapaċi jimla.

L-awtur tal-Ktieb tal-Ekkleżjażti esplora għat-tifsira tal-ħajja f’bosta oqsma fiergħa. Jiddeskrivi s-sentiment ta’ vojtizza illi ħass: “Vanità! Vanità!...Kompletament vanità! Kollox hu vanituż!” (Ekkleżjażti 1:2). Is-Sultan Salamun, l-awtur tal-Ekkleżjażti, gawda rikkezzi bla kejl, għerf lil hinn minn kull persuna fi żmienu jew żminijietna, mijiet ta’ nisa, palazzi u ġonna illi kienu l-għira ta’ saltniet, l-aħjar ikel u nbid, u kull għamla ta’ trattenimenti. Fi stadju minnhom qal illi kulma qalbu xtaqet, fittixha (Ekkleżjażti 2:10). Frattant ġabar ħajtu “taħt ix-xemx” – ħajja mgħejxa bħallikieku kulma hemm fil-ħajja hu dak li jaraw għajnejna u nġarrbu bis-sensi tagħna – bħala vanituża u bla sens. Għala ħass dan il-vojt? Alla ħalaqna għal xi ħaġa lil hinn milli kapaċi nesperjenzaw bħalissa, f’din id-dinja. Salamun qal dwar Alla, “Huwa wkoll qiegħed l-eternità fi qlub il-bnedmin” (Ekkleżjażti 3:11). Fi qlubna ninsabu konxji illi l-ħwejjeġ ta’ bħalissa mhumiex it-totalità ta’ kulma hu.

Fil-Ktieb tal-Ġenesi nsibu ħjiel dwar it-tifsira tal-ħajja filli Alla ħalaq l-umanità fix-xbieha tiegħu stess (Ġenesi 1:26). Alla għamilna b’mod speċjali, u dan jagħtina valur intrinsiku; xejn ma jista’ jagħtina siwi ikbar. Billi aħna magħmulin biex nirriflettu l-immaġni tiegħu, għandna skop: illi nigglorifikaw lil Alla. Xejn ma jista’ jagħtina sodisfazzjoni ikbar.

Qabel ma l-umanità waqgħet, u allura qabel ma ġiet is-saħta tad-dnub fuq l-art, dawn il-ħwejjeġ kienu minnhom:

1) Alla għamel lill-bniedem ħlejqa soċjali (Ġenesi 2:18-25).
2) Alla sawwar lill-bniedem bħala ħaddiem (Ġenesi 2:15).
3) Alla kellu xirka u ħbiberija mal-bniedem (Ġenesi 3:8).
4) Alla ta lill-bniedem dominju jew ħakma fuq l-art (Ġenesi 1:26).

Dawn il-fatti għandhom sinifikat inkwantu l-iskop ta’ ħajjitna. Alla kellu l-intenzjoni illi l-umanità jkollha twettiq u sodisfazzjon, iżda l-kondizzjoni tagħna (speċjalment inkwantu l-komunjoni jew ħbiberija tagħna m’Alla) kienet affettwata negattivament bil-waqgħa ta’ Adam fid-dnub u s-saħta li rriżultat fuq l-art (Ġenesi 3).

Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni juri illi Alla hu kkonċernat. Irid jirrestawralna t-tifsira ta’ ħajjitna. Alla se jeqred il-ħolqien preżenti u joħloq smewwiet ġodda u art ġdida. F’dak iż-żmien, jirrestawra xirka sħiħa man-nies mifdija kollha, filwaqt li l-mitlufa jisfaw iġġudikati u mitfugħa fl-għadira tan-nar (Rivelazzjoni 20:11-15). Is-saħta minħabba d-dnub tkun għaddiet; ma jkunx fadal dnub, għali, mard, mewt jew uġigħ (Rivelazzjoni 21:4). Alla jgħammar mal-umanità salvata, u jkunu wliedu (Rivelazzjoni 21:7). Hekk, l-istorja tkun miġjuba sal-quċċata tagħha: Alla ħalaqna biex ikollna xirka miegħu. Il-bniedem dineb, u għarraq dik ix-xirka jew ħbiberija. Alla jirrestawra dik ix-xirka fl-istat etern. Jekk ngħixu għomorna billi niksbu kulma mmirajna li niksbu biex imbagħad immutu sseparati minn Alla għall-eternità tkun tabilħaqq l-ikbar traġedja! Iżda Alla għamilha possibbli għalina biex nidħlu f’din il-feliċità u barka dejjiema (Luqa 23:43), u l-ħajja fuq l-art tkun sodisfaċenti u mimlija sinifikat. Kif nistgħu naslu biex niksbu din l-hena eterna, din il-ġenna fuq l-art?

It-tifsira tal-ħajja restawrata permezz ta’ Ġesù Kristu

It-tifsira reali tal-ħajja, kemm issa kif ukoll fl-eternità, tinstab biss fir-restawrazzjoni tar-relazzjoni tagħna m’Alla. Din ir-restawrazzjoni hi possibbli biss permezz ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, li jirrikonċiljana m’Alla. Iħabbibna miegħu (Rumani 5:10; Atti 4:12; Ġwanni 1:12; 14:6). Is-salvazzjoni u l-ħajja eterna huma għotja mingħand Alla appena nafdaw f’Ġesù Kristu bħala s-Salvatur. Ladarba nirċievu s-salvazzjoni bil-grazzja permezz ta-fidi, Kristu jsawwarna fi ħlejjaq ġodda, u nibdew il-vjaġġ billi nikbru u nimmaturaw fih, u nitgħallmu niddependu fuqu.

Alla jridna nsiru nafu x’inhu s-sinifikat tal-ħajja. Ġesù qal, “Il-ħalliel ma jiġix ħlief biex jisraq, u joqtol, u jeqred; jien ġejt sabiex ikollhom il-ħajja, u jkollhom bl-abbondanza” (Ġwanni 10:10). Ħajja abbondanti jew mimlija hi waħda mogħnija b’sinifikat u nieqsa minn tidwir bla sens.

It-tifsira tal-ħajja hi mgeżwra fil-glorja t’Alla. Filli jsejjaħ lill-magħżulin tiegħu, Alla jgħid: “Ġibu lil dawk kollha li jikklejmjawni bħala Alla tagħhom, għax jien għamilthom għall-glorja tiegħi. Kont jien illi ħlaqthom” (Isaija 43:7). Għal dan l-għan ħalaqna: għall-manifestazzjoni tal-glorja u s-sebħ tiegħu. Kull darba li nissostitwixxu l-glorja tiegħu bil-glorja personali tagħna, insiru idolaturi u s-sinifikat tal-ħajja jiskappalna. Ġesù qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu u jerfa’ s-salib tiegħu u jsegwini. Għax kull min jixtieq isalva ħajtu għad jitlifha, imma kull min jitlef ħajtu minħabba fija għad isibha” (Mattew 16:24-25). U għandna din il-wegħda: “Tgħaxxaq fis-Sid, u se jagħtik ix-xewqat ta’ qalbek” (Salm 37:4).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi t-tifsira tal-ħajja?
© Copyright Got Questions Ministries