settings icon
share icon
Mistoqsija

Il-Kristjan jista’ jkun ippossedut minn demonju?

Tweġiba


Filwaqt li l-Bibbja ma tistqarrx espliċitament jekk Kristjan jistax ikun ippossedut minn xi demonju jew le, ċerti veritajiet bibliċi relatati mas-suġġett juruna biċ-ċar li l-Kristjani ma jistgħux ikunu pposseduti minn demonju. Hemm differenza enormi bejn li tkun ippossedut minn demonju u tkun oppressat jew influwenzat minnu. Il-possessjoni demonika tinvolvi kontroll dirett u sħiħ mid-demonju fuq il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tal-persuna (Mattew 17:14-18; Luqa 4:33-35; 8:27-33). L-oppressjoni jew l-influwenza demonika tinvolvi attakk spiritwali minn demonju jew demonji kontra persuna u tħajjir lejn aġir midneb. Ninnotaw kif fil-passaġġi kollha fil-Patt il-Ġdid li jgħallmuna dwar l-iggwerrar spiritwali, ma nsibux struzzjonijiet kif għandna nkeċċu demonju minn ġo fidil (Efesin 6:10-18). Il-fidili għandhom jirreżistu lix-xitan (Ġakbu 4:7; 1 Pietru 5:8-9), mhux ikeċċuh ’il barra.

Fl-Insara jgħammar l-Ispirtu s-Santu (Rumani 8:9-11; 1 Korintin 3:16; 6:19). Żgur li l-Ispirtu s-Santu mhux se jippermetti li demonju jipposiedi l-istess persuna li fiha jgħammar hu. Ma jgħaddilniex minn moħħna li Alla jista’ jħalli wieħed minn uliedu, mixtri minnu bid-demm ta’ Kristu (1 Pietru 1:18-19), u magħmul kreatura ġdida (2 Korintin 5:17), ikun ippossedut u kkontrollat minn demonju. Veru, bħala fidili, niggwerraw kontra Satana u d-demonji tiegħu, iżda mhux minn ġewwa fina. L-appostlu Ġwanni jiddikjara, “Intom minn Alla, tfal ċkejknin, u għelibtuhom, għax ikbar min hu fikom milli min hu fid-dinja” (1 Ġwanni 4:4). Min hu Dak li jinsab fina? L-Ispirtu s-Santu. Min hu dak fid-dinja? Satana u d-demonji tiegħu. Allura, il-fidil għeleb id-dinja ta’ demonji, u b’hekk l-argument favur il-possediment ta’ Kristjan ma jistax ikun issapportjat mill-Iskrittura.

Bl-evidenza biblika qawwija li Kristjan ma jistax ikun ippossedut minn demonju, xi għalliema tal-Bibbja jużaw it-terminu “iddemonizzat” biex jiddeskrivu kif demonju jista’ jieħu kontroll ta’ Kristjan. Xi wħud jargumentaw illi għalkemm Kristjan ma jistax ikun ippossedut minn demonju, jista’ jiġi “iddemonizzat.” Id-deskrizzjoni ta’ wieħed iddemonizzat tipikament hi identika għal dik ta’ wieħed indemonjat. Allura, tibqa’ l-istess kwestjoni. Billi tinbidel it-terminoloġija ma jinbidilx il-fatt li demonju ma jistax jgħammar jew jieħu l-kontroll sħiħ ta’ Kristjan. Ċertament, għall-Kristsani, l-influwenza demonika u l-oppressjoni huma realtajiet, però ma nkunux skritturali jekk ngħidu li Kristjan jista’ jkun indemonjat jew iddemonizzat.

Ħafna mir-raġunar wara l-kunċett tal-iddemonizzat ġej mill-esperjenzi personali ta’ xi wħud meta jaraw xi ħadd li “definittivament” kien Kristjan juri evidenza li hu kkontrollat minn xi demonju. Però, importanti ħafna li ma nħallux l-esperjenzi personali jinfluwenzaw l-interpretazzjoni tagħna tal-Iskrittura. Aktarx, irridu ngħaddu l-esperjenzi tagħna mill-għarbiel tal-Iskrittura (2 Timotju 3:16-17). Meta naraw lil xi ħadd li ħsibna li hu Kristjan jesibixxi aġir ta’ indemonjat imissna niddubitaw il-ġenwinità tal-fidi tiegħu/tagħha. Dan m’għandux jibdlilna l-konvinzjoni jekk Kristjan jistax ikun ippossedut minn demonju. Forsi l-individwu verament hu Kristjan u qed ikun oppressat severament minn demonju jew qed isofri min problemi psikoloġiċi serji. Però għal darb’oħra, l-esperjenzi tagħna jridu jkunu ttestjati mill-Iskrittura, mhux il-kontra.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Il-Kristjan jista’ jkun ippossedut minn demonju?
© Copyright Got Questions Ministries