settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhu Kristjan karnali?

Tweġiba


Jista’ Kristjan ġenwin ikun karnali? Sabiex inwieġbu sew dil-mistoqsija, ejjew l-ewwel niddefinixxu eżatt it-terminu “karnali.” Il-kelma “karnali” hi traduzzjoni tal-kelma Griega sarkikos, li litteralment tfisser “tal-laħam.” Din id-deskrizzjoni narawha fil-kuntest tal-Kristjani fl-1 Korintin 3:1-3. F’dal-passaġġ, l-appostlu Pawlu qed jindirizza l-qarrejja bħala “aħwa,” terminu li juża kważi esklussivament biex jirreferi għal Kristjani oħra; imbagħad ikompli biex jiddeskrivihom bħala “karnali.” Għaldaqstant, nistgħu nikkonkludu li l-Kristjan possibbli jkun karnali. Il-Bibbja tagħmilha assolutament ċara illi ħadd mhu bla dnub (1 Ġwanni 1:8). Kull darba li nidinbu, inkunu qed naġixxu b’mod karnali.

Biex nifhmu sew, filwaqt li possibbli li Kristjan għal xi żmien ikun karnali, Kristjan ġenwin ma jistax jibqa’ karnali għal għomru. Xi wħud jabbużaw minn din l-idea ta’ “Kristjan karnali” billi jgħidu li huwa possibbli li xi ħadd jemmen fi Kristu, imbagħad ikompli jgħix il-kumplament ta’ ħajtu b’mod karnali għal kollox, mingħajr ebda evidenza ta’ twelid ġdid jew li hu ħliqa ġdida (2 Korintin 5:17). It-tali kunċett assolutament mhuwiex bibliku. Ġakbu 2 jagħmilha ċarissima illi fidi ġenwina dejjem tipproduċi u tnixxi l-opri tajba. Efesin 2:8-10 jiddikjara li filwaqt li aħna salvati bil-grazzja biss permezz tal-fidi biss, dik is-salvazzjoni tirriżulta fl-opri. Jista’ Kristjan veru, fi żmien meta jiżbalja jew jirribella, jidher qisu karnali? Iva. Jista’ Kristjan ġenwin jibqa’ karnali? Le.

Billi s-siġurtà eterna hi fatt skritturali, anke l-Kristjan karnali xorta hu salvat. Is-salvazzjoni ma tistax tintilef, għaliex is-salvazzjoni hi don t’Alla li ma jerġax jieħu lura (ara Ġwanni 10:28; Rumani 8:37-39; 1 Ġwanni 5:13). Anke fl-1 Korintin 3:15, il-Kristjan karnali se jkun salvat: “Jekk ix-xogħol ta’ xi ħadd se jkun maħruq għalkollox, se jsofri telfa, frattant hu nnifsu se jkun salvat, imma hekk bħallikieku minn ġon-nar.” Mela l-mistoqsija mhix jekk xi ħadd li jikklejmja li hu Kristjan imma qed jgħix fil-ġisem jistax jitlef is-salvazzjoni, imma aktarx jekk dik il-persuna kinitx verament salvata oriġinarjament (1 Ġwanni 2:19).

Il-Kristjani li jsiru karnali f’imġibithom għandhom jistennew li Alla se jiddixxiplinahom fl-imħabba (Ebrej 12:5-11) sabiex ikunu rrestawrati f’xirka mill-qrib miegħu u jkunu mħarrġa fl-ubbidjenza lejh. L-għan t’Alla fis-salvazzjoni huwa li progressivament insiru dejjem aktar nixbhu lil Kristu (Rumani 12:1-2), insiru aktar spiritwali u inqas karnali, proċess li nafuh bħala s-santifikazzjoni. Sakemm ninħelsu mil-laħam midneb tagħna, se jibqa’ jkun hemm żbruffar ta’ karnalità. Però, għall-Kristjan ġenwin li hu fi Kristu, dawn l-iżbruffaturi ikunu l-eċċezzjoni, u mhux ir-regola.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhu Kristjan karnali?
© Copyright Got Questions Ministries