Mistoqsija
Min se jmur l-infern?
Tweġiba
F’dawn l-aħħar snin, l-infern sar suġġett kontroversjali, anke fost il-Kristjani. Madankollu, il-kontroversja ħalaqha l-bniedem. It-twarrib tar-realtà tal-infern ġejja mill-inabbiltà umana li tirrikonċilja l-imħabba t’Alla mal-kastig etern jew minn rifjut totali tal-Kelma t’Alla. Anke ċertu nies li jipprofessaw il-Kristjaneżmu waslu għal konklużjonijiet xejn bibliċi. Xi wħud provaw jiddefinixxu mill-ġdid l-infern, joħolqu stat intermedju li ma ssibux fl-Iskrittura, jew jiċħdu l-infern għalkollox. Filli għamlu dan, qed jinjoraw it-twissija ta’ Ġesù fir-Rivelazzjoni 22:19, “Jekk xi ħadd ineħħi mill-kliem tal-ktieb ta’ dil-profezija, Alla se jneħħi sehmu mis-siġra tal-ħajja u mill-belt il-qaddisa, li huma miktubin f’dal-ktieb.”
Fil-Bibbja l-infern imsemmi 167 darba, xi drabi bħala Gehenna, Ħades, l-ispiera, l-Abbiss, jew kastig ta’ qirda eterna (Proverbji 7:27; Luqa 8:31; 10:15; 2 Tessalonkin 1:9). Ġesù tkellem dwar il-ġenna u l-infern bħala postijet reali (Mattew 13:41–42; 23:33; Marku 9:43–47; Luqa 12:5). Ir-rakkont ta’ Ġesù dwar ir-raġel għani u Lazzru kien ġrajja vera li turi r-realtà ta’ żewġ destinazzjonijiet eterni (Luqa 16:19–31). Il-ġenna hi l-għamara t’Alla (2 Kronaki 30:27) fejn Ġesù mar biex “jipprepara post” għal dawk li jħobbuh (Ġwanni 14:2). L-infern inħoloq “għax-xitan u l-anġli tiegħu” (Mattew 25:41). Iżda billi kull bniedem hu midneb, kull persuna “adulta” diġà hi kkundannata għall-infern (Rumani 3:10; 5:12; Ġwanni 3:18). Ilkoll kemm aħna ħaqqna l-infern bħala kastig ġust għar-ribelljoni tagħna kontra l-Mulej (Rumani 6:23).
Ġesù kien ċar li “jekk wieħed ma jitwilidx mill-ġdid, ma jistax jara saltnet Alla” (Ġwanni 3:3). Kien ukoll ċar li l-infern huwa kastig etern għal dawk li ma jobduhx (Mattew 25:46). It-2 Tessalonkin 1:8–9 jgħid li fl-aħħar Alla se “jagħti retribuzzjoni ’l dawk li ma jafux ’l Alla u ’l dawk li ma jobdux l-evanġelju ta’ Sidna Ġesù; li se jħallsu l-kastig ta’ qirda eterna lil hinn mill-preżenza tas-Sid u mill-glorja tas-setgħa tiegħu.” Dwar Ġesù, Ġwanni l-Battista qal, “Il-luħ tiegħu f’idu, u se jnaddaf sew il-qiegħa tiegħu, u għad jiġbor il-qamħ tiegħu fil-maħżen, imma l-karfa jaħraqha għalkollox b’nar li ma jintefiex” (Mattew 3:12).
Ġwanni 3:18 jispjega f’termini sempliċi min se jmur il-ġenna u min l-infern: “Min jemmen fih mhux iġġudikat, imma min ma jemminx hu diġà ġġudikat, għax m’emminx fl-isem tal-Iben uniku t’Alla.” Mela, dawk li jmorru l-infern huma dawk illi speċifikament m’emmnux fl-isem ta’ Ġesu. Temmen tfisser aktar minn sempliċi rikonoxximent tal-verità. Temmen fi Kristu għas-salvazzjoni jitlob trasferiment ta’ lealtà. Nieqfu nqimu lilna nfusna, nabbandunaw id-dnub, u nibdew inqimu ’l Alla bi qlubna, b’ruħna, u bil-qawwa tagħna (Mattew 22:36–37; Marku 12:30).
Alla jixtieq li kull persuna tqatta’ l-eternità miegħu (Mattew 18:14; 2 Pietru 3:9), però jonora d-deċiżjoni tagħna li naċċettawh jew nirrifjutawh (Ġwanni 4:14). Il-ġenna jmur kwalunkwe bniedem li jixtieq imur hemm (Ġwanni 1:12). Ġesù diġà ħallas il-prezz għas-salvazzjoni tagħna, però rridu naċċettaw dak ir-rigal u t-trasferiment tat-tmexxija ta’ ħajjitna minn fuqna għal fuqu (Luqa 9:23). Il-ġenna hu post perfett, u Alla ma jistax jieħu lil xi ħadd illi jinsisti li jibqa’ mqabbad ma’ dnubu stress. Irridu nkunu mnaddfa minn dnubna; jeħtieġ illi Alla jagħmilna ġusti f’għajnejh (2 Korintin 5:21). Ġwanni 1:10–12 jurina l-problema u s-soluzzjoni: “Kien fid-dinja, u d-dinja saret permezz tiegħu, u d-dinja m’għarfitux. Ġie fi ħwejġu stess, u niesu stess ma laqgħuhx. Imma dawk kollha li rċevewh, tahom il-jedd isiru tfal t’Alla, lil dawk li jemmnu f’ismu.”
Nistgħu nagħżlu li nafdaw fil-pagament li wettaq Ġesù għal dnubna, jew nagħżlu li nħallsu aħna għal dnubietna. Però rridu niftakru li l-ħlas għal dnubietna hu eternità fl-infern. C.S. Lewis poġġieha hekk: “Fl-aħħar mill-aħħar hemm biss żewġ tipi ta’ bnedmin: dawk li jgħidu lil Alla, ‘Ħa tkun magħmula r-rieda tiegħek,’ u dawk li lilhom Alla fl-aħħar jgħidilhom, ‘Ħa tkun magħmula r-rieda tiegħek.’”
English
Min se jmur l-infern?