settings icon
share icon
Mistoqsija

Liema huma l-aktar mistoqsijiet famużi/importanti fil-Bibbja?

Tweġiba


Hemm ħafna mistoqsijiet fil-Bibbja. Diffiċli nagħtu n-numru preċiż għax kultant hu diffiċli nkunu nafu jekk sentenza hix maħsuba bħala mistoqsija. Iżda l-iskulari tal-Bibbja jikkalkolaw illi hemm madwar 3,300 mistoqsija fil-Bibbja.

Din il-lista ta’ mistoqsijiet fil-Bibbja ċertament mhijiex kompluta. Hi biss ħarsa fuq fuq tal-mistoqsijiet l-iżjed famużi u importanti fil-Bibbja kollha.

“Tabilħaqq Alla qal...?” (Ġenesi 3:1).

Din hi l-ewwel mistoqsija fil-Bibbja u wkoll l-ewwel darba li xi ħadd xeħet dubju fuq Kelmet Alla. Satana jġarrab lil Eva biex tiddubita l-veraċità ta’ kliem Alla. Eva tirrispondi billi żżid ma’ Kelmtu: “U m’għandkomx tmissuha.” Alla qal lil Adam u Eva biex ma jiklux mis-siġra tan-nofs. Ma qalilhomx biex ma jmissuhiex. Adam u Eva jirrispondu għall-mistoqsija ta’ Satana billi ma obdewx il-Kelma t’Alla. Minn dak il-waqt kollox qabad it-triq tan-niżla, u l-kwistjoni kollha bdiet b’sempliċi mistoqsija ċkejkna.

“Fejn int?” (Ġenesi 3:9).

Din hi l-ewwel mistoqsija li Alla nnifsu jistaqsi fil-Bibbja. Naturalment, Alla kien jaf eżattament fejn Adam u Eva kienu jinsabu fiżikament. Il-mistoqsija saret għall-benefiċċju tagħhom. Essenzjalment il-Mulej kien qed jgħidilhom, “Ma obdejtunix; issa kif qed tħossukom? L-affarijiet qed jiġru bħalma ridtu jew bħalma pretendejtu?” Il-mistoqsija wkoll turi l-qalb t’Alla, li hi qalb ta’ ragħaj qed ifittex il-ħrief mitlufa sabiex iġibhom lura fil-merħla. Ġesù aktar tard kellu jiġi fostna biex “ifittex u jsalva lill-mitlufa” (Luqa 19:10).

“Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġenesi 4:9).

Din kienet ir-reazzjoni ta’ Kajjin meta Alla staqsieh fejn kien ħuh Abel. Apparti l-fatt li Kajjin kien għadu kif qatel lil ħuh, Kajjin kien qed jesprimi s-sentiment li aħna lkoll inħossu meta ma nkunux irridu nieħdu ħsieb ħaddieħor, jew ma jimportaniex minnhom. Aħna għassiesa ta’ xulxin? Iva, hekk hu. Dan ifisser li rridu nkunu nafu fejn hu ħaddieħor u x’qed jagħmel erbgħa u għoxrin siegħa kuljum? Ma tarax! Iżda jmissna ninvestu ruħna f’ħaddieħor b’tali mod u manjiera illi ninnotaw meta xi ħaġa mhix f’postha. Imissna ninteressaw ruħna biżżejjed biex nintervienu u ngħinu, jekk meħtieġ.

“Ewwilla l-Imħallef tal-art kollha ma jagħmilx is-sewwa?” ( Ġenesi 18:25).

Ċertament, l-Imħallef tagħna lkoll dejjem u f’kull ċirkostanza jagħmel is-sewwa, u s-sewwa biss. Abraħam staqsa dil-mistoqsija fl-appell tiegħu lil Alla biex jiffrankaha lill-ġust u jipproteġihom mill-ġudizzju. Jekk xi għemil t’Alla jidher inġust, mela allura m’aħniex nifhmu sew. Meta nilmentaw, “M’iniex nifhem kif Alla ġust u tajjeb jippermetti t-tali ħaġa,” dan jiġri għax ma nifhmux b’mod korrett xi jfisser tkun Alla ġust u tajjeb. Ħafna nies jassumi illi għandhom fehma aħjar tal-ġustizzja minn Alla nnifsu.

“Għadek tmantni l-integrità tiegħek? Isħet lil Alla u mut!” (Ġobb 2:9).

Il-Ktieb ta’ Ġobb jidwi b’din il-mistoqsija minn fomm mart Ġobb. Matul l-esperjenza qarsa tiegħu, Ġobb baqa’ jżomm l-integrità tiegħu. Ħbiebu ripetutament baqgħu jsostnu miegħu: “Bilfors għamilt xi dnub serju, biex Alla ġabek f’din il-kondizzjoni mwiegħra!” Finalment Alla jċanfar lil ħbiebu talli attakkawh u talli ppreżumew fuq ir-rieda sovrana tiegħu. Imbagħad Alla jammonixxi lil Ġobb billi fakkru illi Alla waħdu hu perfett f’mogħdijietu kollha. Fost il-mistoqsijiet li Alla fil-kobor tiegħu staqsa nsibu din: “Fejn kont int meta sejjist il-pedamenti tad-dinja?” (Ġobb 38:4). Impossibbli nlaħħqu mal-ħsibijiet divini.

“Jekk bniedem imut, se jerġa’ jgħix?” (Ġobb 14:14).

Ħlief għall-fidili li jkunu għadhom ħajjin meta jirritorna Sidna Ġesù, aħna lkoll se mmutu xi darba. Hemm ħajja wara l-mewt fiżika tagħna? Kulħadd jistaqsiha dil-mistoqsija xi darba jew oħra. Iva, ċertament hemm ħajja oħra wara l-mewt. L-importanti hu, fejn se nkunu: hux fl-infern jew inkella fil-ġenna. Kull bniedem xi darba jew oħra se jkollu jagħti rendikont tiegħu nnifsu, appena jmut (Ebrej 9:27). Hu appuntament li ma nistgħux naħarbuh. Ilkoll aħna ddestinati biex jintraddilna l-ġisem lura. Għax “ħafna li jorqdu fit-trab tal-art se jistenbħu: xi wħud għall-ħajja dejjiema, u oħrajn għall-għajb u stmerrija dejjiema” (Danjel 12:2).

“Kif jista’ żagħżugħ inaddaf triqtu?” (Salm 119:9).

Mal-mistoqsija hemm it-tweġiba wkoll: “Billi jgħassisha skont kelmtek.” Meta naħbu jew ngħożżu Kelmet Alla fi qlubna, l-istess Kelma żżommna lura mid-dnub. “F’qalbi ħbejt kelmtek sabiex ma nidnibx kontrik” (Salm 119:11). Il-Bibbja ma tgħidilniex kollox. Ma fihiex it-tweġiba għal kull mistoqsija immaġinabbli. Iżda l-Bibbja tgħarrafna kulma neħtieġu nkunu nafu biex ngħixu ħajja Kristjana li togħob lil Alla (2 Pietru 1:3). Il-Bibbja tinformana dwar l-għan ta’ ħajjitna u tgħallimna kif inwettqu dak l-iskop. Il-Bibbja tagħtina l-mezzi biex nilħqu t-tmiem tagħna. “Kull Skrittura hi ispirata minn Alla u siewja għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għall-korrezzjoni u għat-taħriġ fil-ġustizzja, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kwalifikat kompletament, fornut għal kull opra tajba” (2 Timotju 3:16-17).

“Lil min se nibgħat? U min se jmurilna?” (Isaija 6:8).

Il-profeta jwieġeb għal dil-mistoqsija billi jgħid, “Hawn jien, ibgħat lili!” Sikwit ir-reazzjoni tagħna aktar tixbah, “Hawn jien, iżda ibgħat lil xi ħadd ieħor.” Dal-vers hu popolari u spiss jintuża in konnessjoni ma’ missjonijiet internazzjonali. Iżda fil-kuntest Alla ma kienx qed jistaqsi lil xi ħadd biex jivvjaġġa għan-naħa l-oħra tal-pjaneta. Alla kien qed jippretendi li xi ħadd iwassal il-messaġġ tiegħu lill-Iżraeliti. Alla ried lil Isaija jiddikjara l-verità lin-nies li kien jagħmilha magħhom ta’ kuljum, il-poplu tiegħu stess, qrabatu u ħbiebu.

“Sid, kemm-il darba jista’ ħija jidneb kontra tiegħi u naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” (Mattew 18:21).

Kapaċi tkun sfida biex naħfru lil ħaddieħor. Is-suġġeriment ta’ Pietru, illi jaħfer sa seba’ darbiet, probabbilment deher għalih bħala wieħed fantastiku. It-tweġiba ta’ Ġesù wriet kemm il-maħfra tagħna sikwit hi debboli. Imissna naħfru għax Alla ħafrilna wisq u wisq aktar (Kolossin 3:13). Naħfru mhux għax il-persuna li offendietna ħaqqha jew jixraqilha. Ix-xerqa m’għandha x’taqsam xejn mal-grazzja. Naħfru għax hi l-azzjoni sewwa. Min joffendina forsi ma jixraqlux il-maħfra tagħna, iżda lanqas aħna ma kien jixraqilna l-maħfra divina. U frattant il-Missier ħafrilna – kompletament u totalment.

“Mela x’se nagħmel b’Ġesù?” (Mattew 27:22).

Din kienet il-mistoqsija ta’ Pilatu lill-folla miġbura waqt il-proċess ta’ Ġesù fil-qorti. It-tweġiba tagħhom: “Sallbu!” Ftit jiem qabel il-folla rreaġixxiet b’mod differenti ħafna: “Osanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem is-Sid!” (Mattew 21:9). Ħaġa tal-għaġeb kif mistennija bla mwettqa u ftit pressjoni kapaċi tibdel l-opinjoni pubblika. Fl-ewwel seklu n-nies li kellhom fehma żbaljata dwar Ġesù u l-missjoni tiegħu rriġettawh; hekk ukoll illum, dawk li jersqu lejn il-fidi Kristjana b’fehma mgħawġa eventwalment jabbandunaw l-istess fidi. Irridu nkunu żguri illi nippreżentaw lil Ġesù u l-evaġelju tiegħu b’mod korrett man-nies ta’ madwarna.

“Intom min tgħidu li jien?” (Mattew 16:15).

Dil-mistoqsija li Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu stess hi waħda mill-iżjed importanti li nistgħu nifformulaw. Għal bosta nies, Ġesù hu għalliem tajjeb. Għal xi wħud hu profeta. Għal oħrajn hu leġġenda. It-tweġiba ta’ Pietru, “Int il-Kristu, Bin Alla l-ħaj,” hi t-tweġiba korretta (Mattew 16:16). C. S. Lewis jindirizza l-kwistjoni dwar id-diversi opinjonijiet dwar min hu Ġesù fil-ktieb tiegħu, Mere Christianity: “Hawnhekk qed nipprova ma nħallix lil xi ħadd jgħid il-ħaġa belha li n-nies sikwit jgħidu dwaru: lest naċċetta lil Ġesù bħala għalliema morali kbir, iżda ma naċċettax il-klejm tiegħu illi hu Alla. Din hi l-ħaġa li ma jmissniex ngħidu. Bniedem li hu sempliċi bniedem u jgħid il-ħwejjeġ li qal Ġesù ma jkunx għalliem morali kbir. Ikun miġnun – fuq l-istess livell tal-individwu li jgħid hu hu bajda moqlija – jew inkella hu x-xitan tal-infern. Trid tagħmel l-għażla tiegħek. Jew Ġesù hu Bin Alla jew inkella miġnun jew xi ħaġa agħar. Tista’ twarrbu bħala baħnan, tista’ tobżoqlu u toqtlu bħala demonju, jew tista’ tinżel għarkupptejk quddiemu u ssejjaħlu Sid u Alla. Iżda ħa ma niġux b’diskors patronizzanti, kemm hu għalliem uman kbir. Ma ħallilniex din l-għażla.”

“Għax x’jiswielu bniedem jekk jiggwadanja d-dinja kollha u mbagħad jirvina r-ruħ tiegħu?” (Marku 8:36).

Jekk jiswielna ruħna, allura kwalunkwe ħaġa miksuba – imqar jekk tkun id-dinja kollha – ma tiswa xejn affattu. Ħasra kif il-maġġoranza tan-nies jiġru wara x-xejn, il-ħwejjeġ għaddiena ta’ did-dinja. Titlef ruħek għandha żewġ tifsiriet. L-ewwel, it-tifsira l-iżjed ovvja hi dik illi titlef ruħek għall-eternità, billi tkun issentenzjat għall-infern, għal dejjem bla tama. Madankollu, meta tfittex tirbaħ id-dinja kollha wkoll jiġrilek illi titlef ruħek b’mod differenti, matul għomrok. Qatt ma tesperjenza l-ħajja abbondanti li hi offruta lilna permezz ta’ Ġesù Kristu (Ġwanni 10:10). Salamun inxteħet fuq il-pjaċir u ma ċċaħħad minn xejn, u frattant qal: “Kollox bla sinifikat, ġiri wara r-riħ; xejn ma nkiseb” (Ekkleżjażti 2:10-11).

“Għalliem tajjeb, xi jmissni nagħmel biex niret il-ħajja eterna?” (Luqa 18:18). “X’għandi nagħmel biex inkun salvat?” (Atti 16:30).

Interessanti nqabbdu t-tweġibijiet differenti ta’ Ġesù u Pawlu għal prattikament l-istess mistoqsija. Ġesù, billi kien jaf illi ż-żagħżugħ sinjur kien jistma lilu nnifsu bħala ġust, qallu biex jobdi l-kmandamenti. Dan ħaseb illi kien ġust; Ġesù kien jaf illi l-materjaliżmu u r-regħba kienu qed ifixkluh milli tabilħaqq ifittex is-salvazzjoni. L-ewwel allura ħtieġlu jifhem illi kien midneb u għandu x’jambi Salvatur. Pawlu, billi rrealizza li l-għassies tal-ħabs kien lest biex ikun salvat, iddikjaralu, “Emmen fis-Sid Ġesù Kristu, u tkun salvat.” Il-kalzrier emmen, u l-familja tiegħu segwietu fil-fidi ġdida tiegħu. Importanti mela napprezzaw fejn jinsab l-individwu biex inkunu nistgħu ngħinuh aħjar, u niggwidawh b’mod għaqli fil-preżentazzjoni tal-evanġelju.

“Kif jista’ bniedem jitwieled meta hu xiħ? Jaqaw jista’ jidħol f’ġuf ommu għat-tieni darba u jitwieled?” (Ġwanni 3:4).

Nikodemu staqsa dawn id-domandi meta Ġesù qallu illi jeħtieġlu jkun imwieled mill-ġdid. In-nies illum għadhom ma jifhmux xi jfisser titwieled mill-ġdid. Kważi kulħadd jifhem illi t-twelid mill-ġdid mhuwiex referenza għal twelid fiżiku ieħor. Madankollu, il-maġġor parti tan-nies jibqgħu ma japprezzawx l-implikazzjoni sħiħa tal-konċett. Meta l-Ispirtu s-Santu jwellidna mill-ġdid nemmnu l-evanġelju u nibdew il-ħajja Kristjana tagħna. Jgħaddina minn stat ta’ mewt spiritwali għal stat ta’ ħajja spiritwali (Ġwanni 5:24). Insiru ħolqien ġdid (2 Korintin 5:17). Titwieled mill-ġdid ma jfissirx iżżid xi ħaġa mal-ħajja eżistenti tiegħek; ifisser tiġi rimpjazzata b’ħajja spiritwali ġdida, ħajja minn fuq.

“Nissoktaw fid-dnub sabiex tiżdied il-grazzja?” (Rumani 6:1).

Aħna salvati bil-grazzja, bla ma ħaqqna (Efesin 2:8). Appena nafdaw fi Kristu Ġesù, dnubietna kollha jinħafru, u aħna garantiti l-ħajja eterna. Is-salvazzjoni hi l-għotja tal-ħniena divina. Dan ifisser li Kristjan jista’ jgħix kif ifettillu, fid-dnub u l-ħażen, u xorta jkun salvat? Il-fatt hu illi Kristjan ma jgħixx kif irid jew kif ifettillu. Kristjan għandu Mgħallem ġdid; ma jservix iżjed lilu nnifsu. Kristjan jikber spiritwalment; jagħmel progress fil-ħajja etika tiegħu, għax Alla tah ħajja ġdida. Il-grazzja ma tfissirx liċenza għad-dnub. Il-prattika ta’ dnub bla ndiema tixħet fil-għajb il-grazzja; ma tistax tibqa’ fil-mogħdija tad-dnub u tippretendi li int salvat (1 Ġwanni 3:6). Iva, se jkun hemm żminijiet ta’ falliment u ribelljoni fil-ħajja Kristjana. U l-perfezzjoni morali mhijiex possibbli hawn fuq l-art. Iżda l-Kristjan jagħraf jgħix ħajja ta’ gratitudni għall-grazzja t’Alla, mhux jieħu vantaġġ jew jabbuża minnha. Il-bilanċ insibuh fil-kliem ta’ Ġesù lill-mara maqbuda fl-adulterju. Wara li baqa’ bla ma kkundannaha, qalilha, “Mur u tidnibx iżjed” (Ġwanni 8:11).

“Jekk Alla għalina, min jista’ jkun kontrina?” (Rumani 8:31).

Ulied Alla jaffaċċjaw oppożizzjoni f’din id-dinja (Ġwanni 15:18). Ix-xitan u d-demonji jeħduha kontrina. Ħafna nies f’din id-dinja jassaltawna b’diversi modi. Il-filosofiji, il-valuri, u l-prijoritajiet ta’ did-dinja huma opposti għalina. Fiżikament nistgħu nkunu megħluba, u saħansitra maqtula. Iżda mill-perspettiva tal-eternità Alla wiegħed li negħlbu (1 Ġwanni 5:4). X’inhi l-agħar ħaġa li tista’ tiġrilna f’din id-dinja? Għal dawk imwielda minn Alla, x’jiġrilhom appena jmutu? L-eternità fil-preżenza tiegħu hi glorjuża, aktar milli nimmaġinaw.

Hemm ħafna mistoqsijiet oħra fil-Bibbja: mistoqsijiet mingħand min qed ifittex lil Alla, mistoqsijiet mingħand nies żeblieħa, mistoqsijiet mingħand fidili skuraġġiti, u mistoqsijiet daparti t’Alla wkoll. Tibżax tistaqsi, u kun lest tilqa’ t-tweġiba t’Alla meta tasallek.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Liema huma l-aktar mistoqsijiet famużi/importanti fil-Bibbja?
© Copyright Got Questions Ministries