Mistoqsija
It-twissija fir-Rivelazzjoni 22:18-19 tgħodd għall-Bibbja kollha jew għall-Ktieb tar-Rivelazzjoni biss?
Tweġiba
Fir-Rivelazzjoni 22:18-19 insibu twissija għal kull min ibagħbas mat-test sagru: “Jien nixhed lil kull min jisma’ kliem il-profezija ta’ dal-ktieb: jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla se jżidlu l-flaġelli li huma miktubin f’dal-ktieb; u jekk xi ħadd ineħħi mill-kliem tal-ktieb ta’ dil-profezija, Alla se jneħħi sehmu mis-siġra tal-ħajja u mill-belt il-qaddisa, li huma miktubin f’dal-ktieb.” Il-mistoqsija hi jekk din it-twissija tgħoddx għall-Bibbja kollha inkella għall-Ktieb tar-Rivelazzjoni biss.
It-twissija hi mogħtija speċifikament għal dawk li jgħawwġu l-messaġġ tal-Ktieb tar-Rivelazzjoni. Ġesù nnifsu hu l-awtur tar-Rivelazjzoni, u dak li ta l-viżjoni lill-appostlu Ġwanni (Rivelazzjoni 1:1). B’dan il-mod Ġesù jikkonkludi l-ktieb b’konferma tat-testimonjanza tiegħu għall-finalità tal-profeziji li nsibu fir-Rivelazzjoni. Ġesù jwissi kontra kwalunkwe forma ta’ tgħawwiġ ta’ kliemu, sew jekk b’żidiet, tnaqqis, falsifikazzjonijiet, alterazzjonijiet, jew interpretazzjonijiet ħżiena intenzjonati. It-twissija hi ċara u terribbli. Il-flaġelli fir-Rivelazzjoni jaqgħu fuq kull min jinstab ħati li b’xi mod bagħbas mar-rivelazzjonijiet fil-ktieb, u dawk li jażżardaw jagħmlu dan mhux se jkollhom sehem mill-ħajja eterna fil-ġenna.
Issa għalkemm it-twissija fir-Rivelazzjoni 22:18-19 hi speċifikament għall-Ktieb tar-Rivelazzjoni, il-prinċipju japplika wkoll għal kull min jipprova jgħawweġ intenzjonalment Kelmet Alla. Mosè ta twissija simili fid-Dewteronomju 4:1-2, fejn lill-Iżraeliti avżahom biex jisimgħu u jobdu l-kmandamenti tal-Mulej, bla ma jżidu jew inaqqsu mill-Kelma rivelata tiegħu. Fil-Proverbji 30:5-6 wkoll insibu ammonizzjoni simili oħra indirizzata ’l kull min iżid mal-kliem t’Alla: għad ikun imċanfar u muri li hu giddieb.
Mela, għalkemm it-twissija fir-Rivelazzjoni 22:18-19 tgħodd speċifikament għall-Ktieb tar-Rivelazzjoni, il-prinċipju preżentat għandu jkun applikat għall-Kelma rivelata t’Alla kollha kemm hi. Irridu noqgħodu ħafna attenti kif niħħendiljaw il-Bibbja u nagħmlu dan b’attenzjoni u riverenza sabiex ma ngħawġux il-messaġġ tagħha.
English
It-twissija fir-Rivelazzjoni 22:18-19 tgħodd għall-Bibbja kollha jew għall-Ktieb tar-Rivelazzjoni biss?