Mistoqsija
Satana kif inhu l-alla ta’ did-dinja (2 Korintin 4:4)?
Tweġiba
Il-frażi l-alla ta’ did-dinja (jew alla ta’ daż-żmien) tindika li Satana huwa l-influwenza maġġuri fuq l-ideali, l-opinjonijiet, l-għanijiet, u l-veduti tal-parti l-kbira tal-bnedmin. L-influwenza tiegħu tilħaq il-filosofiji, l-edukazzjoni, u l-kummerċ kollu tad-dinja. Meta l-bnedmin jgħixu bħallikieku Alla ma jeżistiex, awtomatikament ikunu qed isegwu l-alla ta’ did-dinja. Il-ħsibijiet empji, l-ideat distruttivi, l-ispekulazzjonijiet varji, u r-reliġjonijiet foloz ta’ did-dinja kollha nibtu mill-gideb u l-qerq ta’ Satana.
Fl-Efesin 2:2 Satana huwa msejjaħ ukoll “il-ħakkiem tas-setgħa tal-arja.” Fi Ġwanni 12:31 huwa “l-ħakkiem ta’ did-dinja”. Dawn it-titli u ħafna oħrajn juru l-kapaċitajiet ta’ Satana. Huwa jeżerċita ċerta awtorità u setgħa fuq id-dinja. Mhuwiex sultan, imma prinċep, tip ta’ ħakkiem. F’ċertu sens jaħkem fuq id-dinja u fuq il-bnedmin li jgħixu fiha: “Id-dinja kollha qiegħda fil-kontroll tal-Ħażin” (1 Ġwanni 5:19).
B’dan ma jfissirx li Satana jiggverna d-dinja kompletament; Alla għadu sovran. Satana mhuwiex Alla imma huwa alla – bl-a żgħira. Alla, fl-għerf infinit u inskrutabbli tiegħu ppermetta lil Satana jopera fid-dinja fil-konfini li Alla stess poġġielu. Il-limiti ta’ Satana jidhru ċar f’Ġobb 1 u 2. Hemmhekk, Satana jrid jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla, u jidher li għandu bżonn il-permess t’Alla biex jesegwixxi l-pjanijiet tiegħu. Satana, f’ebda mument ma jista’ jagħmel kulma jrid, għax Alla jirrestrinġilu azzjonijietu.
Satana jista’ jkun l-alla ta’ did-dinja, però d-dominju tiegħu hu limitat għall-infidili. Ulied Alla, dawk li huma mwielda mill-ġdid, m’għadhomx taħt il-gvern ta’ Satana. Alla l-Missier “ħelisna mid-dominju tad-dlam, u ttrasferiena għas-saltna tal-Iben ta’ mħabbtu” (Kolossin 1:13). L-appostlu Pawlu, u kull evenġelist bħalu, huma mibgħutin minn Alla sabiex idawru lin-nies “mid-dominju ta’ Satana lejn Alla” (Atti 26:18). L-infidli, anke jekk jaħsbu li huma liberi, jinsabu maqbudin “fin-nassa tax-xitan” (2 Timotju 2:26) u qegħdin “taħt il-kontroll tal-Ħażin” (1 Ġwanni 5:19).
Bħala l-alla ta’ did-dinja, Satana jeżerċita s-setgħa tiegħu fuq il-bnedmin infidili tad-dinja sabiex iżommhom ’il bogħod minn Ġesù. It-2 Korintin 4:4 jindikalna li hu responsabbli għall-għamad spiritwali tan-nies mingħajr Kristu: “L-Alla ta’ did-dinja għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja tal-Kristu.” Satana jaħtaf u jisraq l-evanġelju minn qlub il-bnedmin (Mattew 13:19). Jippromwovi filosofiji foloz u “dottrini tad-demonji” (1 Timotju 4:1). Il-filosofiji ta’ Satana huma l-fortizzi li fihom il-bnedmin jinżammu maqfulin, u li minnhom għandhom bżonn jingħataw il-libertà minn Kristu.
Bħala l-alla ta’ did-dinja, Satana ferrex il-gideb tiegħu mat-truf kollha tal-art. Ħafna mill-gidbiet rabbew l-għeruq u jqarrqu b’miljuni ta’ nies. Hawn uħud mill-aktar popolari:
• “Alla ma jeżistix” • “Alla ma jimpurtahx” • “Alla mhuwiex affidabbli” • “Alla hu ħażin” • “Ġesù ma rxoxtax” • “Jekk tkun tajjeb biżżejjed tmur il-ġenna”
Bħala l-alla ta’ did-dinja, Satana jimbotta l-aġenda tiegħu, u l-miskredenti jsegwuh. Għall-grazzja t’Alla, Sidna huwa akbar minn dan l-alla ta’ did-dinja, bħalma ta prova ta’ dan kull darba li skonġra xi demonju, (pereżempju Marku 1:39). Ġesù ġie biex “jiftaħ għajnejn l-għomja, joħroġ l-ilsiera mill-ħabs u ’l dawk li qegħdin fid-dlam minn dar l-għeluq” (Isaija 42:7). L-alla ta’ did-dinja lanqas jibda ħdejn il-Mulej Ġesù (Ġwanni 12:31).
English
Satana kif inhu l-alla ta’ did-dinja (2 Korintin 4:4)?