Mistoqsija
Satana jista’ jaqralna moħħna?
Tweġiba
L-ewwelnett, importanti niftakru li Satana mhuwiex omnipreżenti – ma jistax ikun f’aktar minn post wieħed fl-istess ħin. Alla waħdu jinsab kullimkien, u Alla biss jaf kollox, waqt li Satana jrid jiddependi fuq l-armata tiegħu ta’ demonji biex iwettqu l-pjanijiet tiegħu.
Jista’ Satana jew id-demonji tiegħu jaqrawlna mħuħna? Le! L-1 Slaten 8:39 jgħid li Alla biss jaf kull qalb umana. M’hawn ħadd li għandu dik il-ħila. Alla jaf x’se ngħidu qabel ngħiduh, waqt li l-ħsieb għadu qed ikun fformulat (Salmi 139:4). Ġesù, billi hu Alla fil-laħam, wera dil-kwalità divina t’għarfien tal-ħsibiejiet tal-bnedmin: “Hu nnifsu kien jaf x’kien hemm fil-bniedem” (Ġwanni 2:25; ara wkoll Mattew 9:4; Ġwanni 6:64).
Il-Bibbja veru li tgħallem illi Satana qawwi. Probabbli kien l-ogħla fost l-anġli mwaqqgħa, billi pperswada terz mill-anġli biex jingħaqdu miegħu fir-ribelljoni li beda (Rivelazzjoni 12:4). Anke wara l-waqgħa ta’ Satana, lanqas l-arkanġlu Mikiel m’ażżarda jikkonfrontah mingħajr l-għajnuna t’Alla (Ġuda 1:9). Satana huwa “l-ħakkiem tas-setgħa tal-arja, tal-ispirtu li issa jopera f’ulied id-diżubbidjenza” (Efesin 2:2b). Madankollu, is-setgħa ta’ Satana limitata, u li jaqralna mħuħna tmur lil hinn mill-abbiltà tiegħu.
Biex Satana u d-demonji tiegħu jaqrawlna mħuħna jrid ikollhom l-omnixjenza, ħaġa li m’għandhomx. Alla waħdu hu dak li kapaċi jgħaraf ħsibijietna. Madankollu, Satana u d-demonji tiegħu ilhom eluf ta’ snin josservaw u jittantaw lill-bnedmin. Ċertament, mal-medda taż-żmien, xi ħaġa tgħallmu. Anke mingħajr l-abbiltà li jkunu jafu ħsibijietna, kapaċi jobsru b’ċerta preċiżjoni x’inkunu qed naħsbu, imbagħad jipprovaw jużaw dawk il-ħsibijiet għall-vantaġġ tagħhom. Minħabba f’hekk aħna kkmandati; “Issottomettu rwieħkom għal Alla” (Ġakbu 4:7a), qabel ma ntqalilna “rreżistu lix-xitan” (Ġakbu 4:7b).
English
Satana jista’ jaqralna moħħna?