Mistoqsija
X’jonqos fl-afflizzjonijiet ta’ Kristu (Kolossin 1:24)?
Tweġiba
Fil-Kolossin 1:24 Pawli jikteb, “Issa nifraħ fis-sofferenzi tiegħi għalikom, u nimla f’laħmi dak li għad jonqos fl-afflizzjonijiet tal-Kristu għal ġismu, li hu l-knisja.” Nafu li l-mewta ta’ Kristu kienet il-pagament sħiħ u suffiċjenti għal dnubna. Mela x’ried ifisser Pawlu meta qal li kien hemm xi ħaġa li “għad tonqos” fl-afflizzjoniniet ta’ Kristu?
Pawlu mhuwiex jgħid li fit-tbatijiet li Kristu ġarrab bħala tpattija għad-dnubiet tad-dinja hemm xi ħaġa nieqsa jew defiċjenti. Aktarx, Pawlu qed jgħid li t-tbatijiet li hu (Pawlu) ġarrab għal Kristu huma nieqsa. Għalkemm sofra ħafna afflizzjoni, Pawlu kien għadu mhux ikkonformat mas-Salvatur fit-tbatijiet tiegħu. Traduzzjonijiet oħra ta’ Kolossin 1:24 joħorġu s-sens aktar b’mod ċar: Pereżempju n-New Living Translation tgħid; “Kuntent li qed insofri f’ġismi, għaliex b’hekk qed nipparteċipa fit-tbatijiet ta’ Kristu li jkomplu f’ġismu, li hi l-knisja.” Innota li n-nuqqas hu min-naħa ta’ Pawlu, u mhux min-naħa ta’ Kristu.
Anke fit-2 Korintin 1:5 Pawlu jitkellem dwar it-tbatijiet tiegħu fir-rigward it-tbatijiet ta’ Kristu: “Għax bħalma joktru s-sofferenzi tal-Kristu f’ħajjitna, hekk ukoll permezz tal-Kristu joktor il-faraġ tagħna.” Is-sofferenzi ta’ Pawlu għan-nom tal-knisja ma kinux bla skop. Ippermettewlu jkun ta’ faraġ lill-fidili l-oħra li kienu għaddejjin minn diffikultajiet. Din ukoll parti oħra ta’ dak li Pawlu ried ifisser fil-Kolossin 1:24 meta rrefera għal dit-tbatija bħala qed isseħħ “għal ġismu,” jiġifieri l-ġisem ta’ Kristu, l-għadd tal-fidili.
Nafu biċ-ċert li l-appostlu Pawlu ġarrab kotra ta’ tbatijiet matul il-ministeru tiegħu. Iltaqa’ ma’ swat eċċessiv, priġuneriji, tħaġġir, u wisq aktar (2 Korintin 11:23–28). Aktar ma kienu ħorox it-tbatijiet ta’ Pawlu, aktar ra l-għaqda tiegħu mas-Sid li tant bata għalih. Fil-Galatin 6:17 jikteb, “Jien inġorr fuq ġismi l-marki ta’ Ġesù.” L-afflizzjonijiet ta’ Pawlu ma ħasduhx. Meta ġie ikkummissjonat għall-missjoni tiegħu, il-Mulej Ġesù qal, “Jien għad nurih kemm jeħtieġlu jbati għal ismi” (Atti 9:16).
Ġesù għallimna li f’did-dinja għad ikollna t-tribulazzjoni (Ġwanni 16:33). “Jekk id-dinja tobgħodkom, tafu illi bagħdet lili qabilkom” (Ġwanni 15:18). Pawlu u Barnaba, waqt l-ewwel vjaġġ missjonarju tagħhom, żgur raw kemm kien veru dal-kliem ta’ Ġesù hekk kif żaru mill-ġdid l-ibliet fejn kienu waqqfu knejjes, “jissodaw l-erwieħ tad-dixxipli, jinkuraġġuhom jibqgħu fil-fidi.” Qalu, “B’ħafna tribulazzjonijiet jeħtiġilna nidħlu f’saltnet Alla” (Atti 14:22). It-tagħlim ta’ Pawlu li l-Kristjani jmisshom jistennew it-tbatija, u li s-sofferenzi tiegħu jimlew dak li “kien jonqos”, insibuh mifrux fil-ħidma tiegħu. Però nsibu wkoll it-tema tal-ferħ fit-tbatija. Minħabba f’hekk Pawlu seta’ jgħid, “nifraħ fis-sofferenzi tiegħi għalikom” (Kolossin 1:24; ara wkoll Filippin 2:17).
Fil-qosor, Pawlu ma kienx qed ibati biex mingħalih jimmerita l-grazzja jew jaqla’ s-salvazzjoni; lanqas ma kien qed jikkumplimenta jew itemm it-tbatijiet li Ġesù esperjenza personalment. Aktarx, Pawlu kkunsidra t-tbatijiet tiegħu bħala għajnuna li setgħet tikkonformah mal-immaġni ta’ Kristu. Anke aħna nistgħu nħarsu lejn it-tiġrib u l-afflizzjonijiet tagħna bħala mezz li jagħmluna nixbhu aktar lil Ġesù, billi konna “ippredestinati biex inkunu kkonformati mal-immaġni ta’ Ibnu” (Rumani 8:29). Sakemm ningħaqdu ma’ Kristu fil-glorja, bħala parti mill-proċess ta’ taqdis t’Alla, se jkollna nesperjenzaw xi ftit mill-istess sofferenzi li Ġesù Kristu ġarrab.
English
X’jonqos fl-afflizzjonijiet ta’ Kristu (Kolossin 1:24)?