Mistoqsija
Il-Bibbja tgħallimna biex naħfru u ninsew?
Tweġiba
Il-frażi “aħfer u insa” mhix fil-Bibbja. Madankollu, insibu numru ta’ vrus li jikkmandawna sabiex “naħfru ’l xulxin” (pereżempju, Mattew 6:14 u Efesin 4:32). Kristjan li mhuwiex lest jaħfer lil ħaddieħor se jsib ix-xirka tiegħu m’Alla mfixkla (Mattew 6:15) u jaħsad l-imrar u t-telf tar-rikumpensa (Ebrej 12:14–15; 2 Ġwanni 1:8).
Il-maħfra hi deċiżjoni tar-rieda. Ladarba Alla jikkmandana biex naħfru, irridu nagħmlu għażla konxja li nobdu ’l Alla u naħfru. Abbli l-ħati ma jkunx jixtieq il-maħfra, u lanqas qatt jinbidel, però dan ma jinnegax ix-xewqa t’Alla li aħna jkollna spirtu li jaħfer (Mattew 5:44). Idealment, il-ħati jfittex ir-rikonċiljazzjoni, imma, jekk le, min ġarrab l-offiża xorta jista’ jieħu deċiżjoni li jaħfer.
Sintendi, impossibbli ninsew għal kollox dnubiet li saru kontra tagħna. Ma nistgħux b’mod selettiv “niddilitjaw” avvenimenti mill-memorja. Il-Bibbja tistqarr li Alla mhux se “jiftakar” iżjed fl-inikwitajiet tagħna (Ebrej 8:12). Imma Alla xorta għadu omnixjenti (jaf kollox). Alla jiftakar li aħna “dnibna u nonqsu mill-glorja t’Alla” (Rumani 3:23). Però, billi ġejna maħfura, pożizzjonalment (jew ġudizjarjament), aħna issa ġustifikati. Il-ġenna hi tagħna, daqslikieku dnubna qatt ma seħħ. Jekk, permezz tal-fidi fi Kristu, aħna nappartienu għalih, Alla ma jikkundannaniex minħabba dnubietna (Rumani 8:1). F’das-sens ngħidu li Alla “jaħfer u jinsa.”
Jekk b’“aħfer u insa” wieħed irid ifisser, “Nagħżel illi naħfer lill-ħati f’ġieħ Kristu u se nkompli ngħix ħajti,” allura din kors t’azzjoni għaqli u qaddis. Sakemm hu possibbli, imissna ninsew dak li jinsab warajna u niġġebdu għal dak li hemm quddiemna (Filippin 3:13). Imissna naħfru ’l xulxin “bħalma wkoll Alla fi Kristu ħafer lilkom” (Efesin 4:32). Ma rridux inħallu l-għerq tal-imrar jisponta fi qlubna (Ebrej 12:15).
Madankollu, jekk b’“aħfer u insa” wieħed ifisser, “Se nġib ruħi bħallikieku qatt ma sar dnub u ngħix bħallikieku ma niftakrux,” allura se nsibu ruħna fl-inkwiet. Pereżempju, vittma ta’ stupru tista’ tagħżel li taħfer lil min stupraha, imma dan ma jfissirx li hi ġġib ruħha bħallikieku d-dnub qatt ma sar. L-Iskrittura ma tgħallimx li trid tqatta’ ħin waħedha mal-istupratur, speċjalment jekk dan jibqa’ bla indiema. Il-maħfra tfisser li ma tibqax tgħodd id-dnub kontra l-persuna, però l-maħfra hi differenti mill-fiduċja. Ikun għaqli tieħu l-prekawzjonijiet neċessarji, u ġieli d-dinamika ta’ relazzjoni tkun trid tinbidel. “Il-bniedem għaqli jara ġej l-għawġ u jinħeba: iżda dawk li moħħhom dgħajjef jibqgħu sejrin, u jkunu kkastigati” (Proverbji 22:3). Lis-segwaċi tiegħu Ġesù qalilhom sabiex “ikunu għalhekk astużi bħas-serpenti, u innoċenti bħall-ħamiem” (Mattew 10:16). Fil-kuntest li wieħed ikun fil-kumpanija tal-midinbin bla ndiema, irridu nkunu “innoċenti” (lesti naħfru) iżda fl-istess waqt “astużi” (attenti).
L-ideal hu li l-ħati jindem verament mid-dnub u għall-persuna offiża li taħfer u tinsa. Il-Bibbja tgħidilna li l-indiema vera tirriżulta f’tibdil fl-azzjonijiet (Luqa 3:8–14; Atti 3:19) u li l-imħabba ma tirrekordjax il-ħażen soffert (1 Korintin 13:5) u tgħatti multitudni ta’ dnubiet (1 Pietru 4:8). Madankollu, it-tibdil tal-qlub hu x-xogħol t’Alla, u sakemm il-ħati jkollu bidla tal-qalb vera u sopranaturali, ikun għaqli li nillimitaw il-livell ta’ fiduċja li nagħtu ’l dik il-persuna. Li nimxu b’kawtela ma jfissirx li ma nkunux ħfirna. Tfisser biss li aħna m’aħniex Alla u ma nistgħux naraw qalb l-individwu.
English
Il-Bibbja tgħallimna biex naħfru u ninsew?