Mistoqsija
Kif nista’ jkolli l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni?
Tweġiba
L-assigurazzjoni tas-salvazzjoni hija, fi kliem sempliċi, li tkun taf fiż-żgur li int salvat. Ħafna Kristjani matul l-istorja kitbu dwar l-esperjenzi personali ta’ taħbit u konflitt intern dwar is-salvazzjoni tagħhom. Il-problema ewlenija hi din: ħafna segwaċi ta’ Ġesù Kristu jfittxu l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni f’postijiet ħżiena.
Għandna t-tendenza li nfittxu l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni fl-affarijiet li Alla qed jagħmel f’ħajjitna, fit-tkabbir spiritwali tagħna, fl-għemejjel tajbin, u fl-ubbidjenza lejn il-Kelma t’Alla matul il-mixja Kristjana tagħna. Filwaqt li dawn l-affarijiet huma evidenza tas-salvazzjoni, m’għandniex nibbażaw l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni fuqhom. Għal kuntrarju, messna nfittxu l-assigurazzjoni fil-verità oġġettiva tal-Kelma t’Alla. Għandu jkollna fiduċja kunfidenti li aħna salvati abbażi tal-wegħdiet li Alla ddikjara, mhux minħabba l-esperjenzi suġġettivi tagħna.
Kif, mela, jistaʼ jkollok l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni? Ikkunsidra l-1 Ġwanni 5:11–13: “Din hi t-testimonjanza, illi Alla tana l-ħajja eterna, u dil-ħajja hi f’Ibnu. Min għandu l-Iben għandu l-ħajja; min m’għandux lil Bin Alla m’għandux il-ħajja. Ktibtilkom dawn il-ħwejjeġ, lilkom li temmnu fl-isem ta’ Bin Alla, sabiex tkunu tafu illi għandkom il-ħajja eterna” (1 Ġwanni 5:11-13). Min għandu l-Iben? Huma dawk li emmnu fih (Ġwanni 1:12). Jekk għandek lil Ġesù, għandek il-ħajja. Mhux ħajja temporanja, imma eterna. U, skont l-1 Ġwanni 5:13, inti tista tkun taf li għandek din il-ħajja ta’ dejjem.
Alla jridna nkunu żguri mis-salvazzjoni tagħna. M’għandniex ngħixu l-ħajja Kristjana niddubitaw u ninkwetaw ta’ kuljum jekk aħniex salvati jew le. Il-Bibbja tippreżentalna l-pjan tas-salvazzjoni ċar daqs il-kristall. Emmen f’Ġesù Kristu (Ġwanni 3:16; Atti 16:31). Temmen li Ġesù miet biex iħallas il-piena għal dnubietek u qam mill-imwiet (Rumani 5:8; 2 Korintin 5:21)? Qed tafda fih biss għas-salvazzjoni ta’ ruħek? Jekk it-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet hija “Iva,” allura inti salvat! Kun assigurat u warrab id-dubji ’l hemm. Għożż f’qalbek il-wegħdi tal-Kelma t’Alla, u ma jkollok l-ebda inċertezza dwar ir-realtà tas-salvazzjoni eterna tiegħek.
Ġesù nnifsu jassigura lil dawk li jemmnu fih: “Jien nagħtihom il-ħajja eterna, u b’ebda mod ma jintilfu, qatt; u ħadd mhu se jaħtafhomli minn idi. Missieri, li tahomli, hu ikbar minn kulħadd; u ħadd mhu kapaċi jaħtafhom minn id il-Missier” (Ġwanni 10:28–29). Il-ħajja eterna hija, appuntu, eterna, għal dejjem, bla tmiem. M’hemm ħadd, lanqas inti nnifsek, li jista’ jeħodlok id-don tas-salvazzjoni mogħti lilek minn Kristu.
Ejja nifirħu f’dak li tgħidilna l-Kelma t’Alla: minflok niddubitaw, nistgħu ngħixu b’fiduċja sħiħa! Jista’ jkollna l-assigurazzjoni mill-Kelma taʼ Kristu li s-salvazzjoni tagħna qatt mhu se tiġi nieqsa. Is-siġurtà tagħna hija bbażata fuq is-salvazzjoni perfetta u sħiħa li Alla pprovdilna permezz ta’ Ġesù Kristu. Tafda fil-Mulej Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tiegħek? Jekk twieħeb, “Iva,” kun assigurat: inti salvat.
English
Kif nista’ jkolli l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni?