Mistoqsija
Huwa possibbli li tbigħ ruħek lix-xitan?
Tweġiba
Fil-ħrafa tad-Dottor Faustus, raġel jagħmel trattat max-xitan – bi skambju għall-ġismu u ruħu, ir-raġel kellu jirċievi setgħa u pjaċiri sopranatuali għal 24 sena. Ix-xitan jaqbel mal-ftehim, u d-Dottor Faustus igawdi pjaċiri għal xi żmien, però l-qirda tiegħu kienet issiġilata. Fit-tmiem l-24 sena, Faustus jipprova jfixkel il-pjanijiet tax-xitan, però xorta waħda jispiċċa jmut mewta tal-biża’. Dil-leġġenda tagħmel sens jekk inqisuha bħala rakkont morali u bħala metafor għall-ħlas tad-dnub, però d-dettalji tal-istorja mhumiex bibliċi.
Fil-Bibbja m’hemm ebda każ fejn persuna “tbigħ ruħha” lil Satana, u lanqas insibu xi implikazzjoni li xi trattativa max-xitan hi possibbli. Dawn huma xi wħud mill-ħwejjeġ li l-Iskrittura tirrivelalna dwar Satana:
1) Satana għandu biżżejjed setgħa biex jopponi saħansitra l-anġli (Ġuda 9; Danjel 10:12-13).
2) Satana jipprova jqarraq billi jittravesti lilu nifsu bħala anġlu tad-dawl (2 Korintin 11:14-15).
3) Alla pprovdielna l-mezzi biex niddefendu lilna nfusna kontra l-attakki ta’ Satana (Efesin 6:11-12).
4) Is-setgħa ta’ Satana limitata mir-rieda t’Alla (Ġobb 1:10-12; 1 Korintin 10:13).
5) Bħala “l-alla ta’ did-dinja,” Satana jaħkem fuq dawk li jgħixu fid-dinja mingħajr Kristu (2 Korintin 4:4).
Veru, hemm xi wħud li jbatu għax jinsabu taħt il-kontrol ta’ Satana, bħal dik it-tfajla fil-belt ta’ Filippi li kellha spirtu bassari (Atti 16:16-19). Hemm ukoll dawk li ddekikaw lilhom infushom għas-servizz u x-xogħol tax-xitan, bħal Xmun is-saħħar (Atti 8:9-11) u Elima l-magu (Atti 13:8). Madankollu, f’dawn l-eżempji, il-qawwa t’Alla tirbaħ fuq l-iskjavitù ta’ Satana. Fil-fatt, Xmun jingħata ċans biex jindem (Atti 8:22). Ovvjament, ma kien hemm ebda “bejgħ” irrevokabblil ta’ ruħ Xmun.
Mingħajr Kristu, ilkoll ninsabu taħt il-kundanna tal-mewt (Rumani 3:23). Qabel ma nkunu salvati, aħna taħt il-jasar tax-xitan, kif inhu miktub fl-1 Ġwanni 5:19; “Id-dinja kollha qegħda taħt il-kontroll tal-Ħażin.” Ikun imfaħħar il-Mulej, li issa għandna Sid ġdid, wieħed li kapaċi jkisser il-ktajjen ta’ kull dnub u jilliberana (1 Korintin 6:9-11; Marku 5:1-15).
English
Huwa possibbli li tbigħ ruħek lix-xitan?