settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif jista’ Kristjan jegħleb il-biża’ li jagħti xhieda u jevanġelizza?

Tweġiba


Hemm diversi fatturi li jikkawżawlek biża’ fl-evanġeliżmu: jista’ jkun għax tistħi; okkażjonijiet fil-passat jew fil-preżent meta ġejt miċħud jew anke umiljat; m’intix kapaċi tpoġġi fi kliem it-testimonjanza personali; nuqqas ta’ għarfien tal-Iskirittura; ma tafdax biżżejjed lill-Mulej; u anke injoranza għala l-bnedmin jirrifjutaw l-evanġelju. Abbli jkun diffiċli li ssib il-kawża proprja għall-biża’, u anke meta tifhem ir-raġuni xorta jista’ jkun li ma jirnexxilekx tkeċċi l-biża’ tiegħek. Però aħna kmandati biex inkunu qalbiena għal Ġesù (Efesin 6:19), allura abbli għandna bżonn nipperseveraw, pass wara pass. Sadanittant, nistgħu napplikaw xi prinċipji bażiċi u nsinnu l-ħiliet tagħna, billi l-biża’ jista’ jintrebaħ bill-preparazzjoni (2 Timotju 3:16-17).

Jekk m’aħniex nimxu f’xirka ma’ Kristu, m’aħniex se nkunu kapaċi nagħtu xhieda effettiva għal Kristu, allura jeħtieġ inkunu qed ngħixu ħajja Kristjana konsistenti. “Hekk ħallu dawlkom jiddi quddiem in-nies” (Mattew 5:16). Jekk hu possibbli rridu nkunu qed nattendu knisja li hi fidila u tgħallem il-Bibbja. Mhux biss, dejjem nistgħu ntejbu l-għarfien tagħna tal-Iskriittura, u jmissna nistudjaw sew l-Evanġelju skont Ġwanni.

Sidna qasam il-vanġelu ma’ ħafna nies differenti. Fehem sew lil Nikodemu u lill-mara ħdejn il-bir, u dak it-tagħrif użah biex jiġbidhom lejh (Ġwanni kapitli 3 u 4). Anke l-approwċ tagħna jmissu jkun wieħed imfassal għal kull individwu. Waqt li nkunu qed nitkellmu ma’ xi ħadd li ma jemminx, jeħtieġ nipprovaw niskopru x’qed iżommu lura mis-salvazzjoni. Ġeneralment, hemm tliet fatturi li jfixklu n-nies milli jemmnu: inċertezzi u dubji dwar Alla, biża’ minn Alla, u mibgħeda lejn Alla, li tinkludi disprezz lejn it-tagħlim tiegħu u lejn Ibnu.

L-istudju tal-Evanġelju skont Ġwanni jurina illi ċ-ċavetta biex ikollna suċċess fl-evanġeliżmu hi l-imħabba. Ġesù ħabb lin-nies sal-punt li għannaq is-salib u l-firda mill-Missier. Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, nistgħu nitgħallmu nħobbu lin-nies aktar. Meta nagħmlu hekk, se nkunu motivati naqsmu magħhom l-aħbar it-tajba, għaliex ix-xewqa tagħna li nsalvaw lin-nies mill-kastig etern tikber. L-imħabba timbuttana biex nikkomunikaw l-aħbar it-tajba. L-Ispirtu s-Santu jiftħilna bibien billi jikkonvinċi n-nies rigward dnubhom u jqanqlilhom xewqa biex ikunu salvati, u saħansitra jirranġa ċ-ċirkostanzi biex ilaqqana magħhom. Xogħolna hu biss li nitkellmu man-nies u nispjegawlhom li s-salvazzjoni possibbli għal kull midneb, u li nippreżentaw l-aħbar it-tajba tas-salvazzjoni.

Ħafna, bħal Mosè, isibuha diffiċli jitkellmu (Esodu 4:10). Madankollu, jekk qegħdin nimxu sew bħala Kristjani; jekk nistudjaw u nippjanaw; jekk nafdaw l-Ispirtu s-Santu, dak li jikkonvinċi u jwelled mill-ġdid (Ġwanni 16:8; Titu 3:5); jekk nirrejalizzaw illi l-falliment hu aċċettabbli, u Alla jberikna meta n-nies iwarrbuna (Luqa 6:22); u jekk verament inħobbu l-bnedmin u nixtiequ niggwidawhom lejn il-ġenna, għandna nsibu mod kif nevanġelizzaw li jgħodd għalina. Metodu wieħed li nistgħu nikkonsidraw hu li nippreparaw u nimmemorizzaw testimonjanza sempliċi ta’ dak li Ġesù għamel għalina. Din tajjeb tinkludi ċertu kliem kruċjali. Tajjeb ukoll nimmemorizzaw xi ftit vrus mill-Iskrittura li għandhom x’jaqsmu mal-vanġelu u mat-testimonjanza tagħna. Imbagħad, jekk xi waħda minn dawn il-kelmiet tissemma’ waqt il-konverżazzjoni, f’kuntest adatt, nistgħu niddiskutu t-testimonjanza tagħna jew nikkowtaw xi vers u nispjegaw xi jfisser. Jekk jistaqsuna mistoqsijiet relevanti nistgħu nwieġbu bil-kunfidenza li l-Ispirtu s-Santu qed jiftaħ il-qalb. Jekk il-persuna l-oħra ma turi ebda interess, nistgħu nkomplu bil-konverżazzjoni tal-bidu mingħajr ma nimtlew b’ansjetà. Tal-inqas inkunu żrajna żerriegħa.

Studja l-Kelma, għix il-ħajja Kristjana, ħalli l-Ispirtu s-Santu jagħmel xogħlu (Ġwanni 3:8), u kun attent għall-opportunitajiet biex taqsam il-vanġelu. Hu prvileġġ li tkun parti fix-xandir tal-aħbar it-tajba t’Alla lid-dinja. Hekk kif inwettqu l-Kummisjoni l-Kbira, għandna l-wegħda kbira ta’ Ġesù, “Ara, jien magħkom il-jiem kollha” (Mattew 28:20). Minn xiex għandna nibżgħu?

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif jista’ Kristjan jegħleb il-biża’ li jagħti xhieda u jevanġelizza?
© Copyright Got Questions Ministries