settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi tfisser coram Deo?

Tweġiba


Coram Deo hi frażi bil-Latin li tinsab fil-Vulgata (it-traduzzjoni antika tal-Bibbja bil-Latin); tfisser “quddiem wiċċ Alla” jew “fil-preżenza t’Alla.” Fil-Vulgata, il-frażi coram Deo tidher f' Salm 55:13 (Salm 56:13 fi traduzzjonijiet moderni). Bil-Malti, il-vers jgħid, “Għax int ħlistli ’l ruħi mill-mewt u ħarist riġlejja mill-waqgħa, biex nimxi quddiem Alla<\i> (coram Deo) fid-dawl tal-ħajjin” (enfasi miżjuda).

Coram Deo tintuża l-aktar fil-knejjes Riformati, iżda denominazzjonijiet Kristjani oħra u l-Kattoliċi adottaw dil-frażi wkoll. Hemm diversi skejjel u knejjes li jinkludu l-frażi coram Deo f'isimhom.

Coram Deo tintuża minn ħafna Kristjani bħala tfakkira li l-ħajja kollha hija dwar Alla, u li rridu ngħixuhu sabiex nigglorifikawh u nonorawh. Skont R. C. Sproul, l-essenza ta’ coram Deo hi din: “Li tgħix il-ħajja kollha tiegħek fil-preżenza t’Alla, taħt l-awtorità t’Alla, u għall-glorja t’Alla” (“Xi tfisser ‘coram Deo’?” ligonier.org/blog/what-does-coram-deo-mean, aċċessata 6/3/20). Fit-teoloġija, il-frażi kisbet tifsira aktar profonda bħala filosofija għall-għixien tal-fidi Nisranija.

Li wieħed jgħix ħajtu “quddiem Alla” huwa kunċett skritturali, peress li l-Mulej huwa omnipreżenti u jaf kull azzjoni u ħsieb tagħna (Salm 139:1–4, 7–10). Peress li Alla ħalaqna għall-glorja tiegħu (Isaija 43:7), messna ngħixu għalih u s-sebħ tiegħu. Kif naqraw f’Salm 115:1 , "Mhux lilna, o Mulej mhux lilna, iżda lil ismek agħti glorja għat-tjieba tiegħek u għall-fedeltà tiegħek." Meta ngħixu coram Deo nagħrfu li fl-aħħar mill-aħħar aħna ngħixu għal Alla, u mhux għall-approvazzjoni, ir-rikonoxximent, jew l-ammirazzjoni tal-bnedmin (ara Galatin 1:10). Peress li Alla waħdu fdiena mid-dnub, hu biss jistħoqqlu kull glorja u tifħir (Atti 4:12; Titus 3:5).

Coram Deo huwa l-oppost ta’ dak li hu mgħallem fid-dinja llum. Il-midja tad-divertiment tippreżentalna kontinwament stil ta’ ħajja li fiha Alla huwa totalment assenti. Il-fehma predominanti tas-soċjetà hija li għandna niffukaw fuqna nfusna u nagħmlu dak li naħsbu li hu tajjeb għalina. It-tir tal-ħajja moderna huma l-popolarità, il-fama u l-għana. B’kuntrast, coram Deo tfakkarna li għandna ngħixu għall-udjenza taʼ wieħed: il-Mulej Alla. Li nimxu quddiem Alla u ngħixu biex nigglorifikawh tinfluwenza l-oqsma kollha ta’ ħajjitna, waqt li nkunu lesti biex ngħidu lill-oħrajn dwar l-iskop tagħna li ngħixu għal Ġesù (1 Pietru 3:15).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi tfisser coram Deo?
© Copyright Got Questions Ministries