settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi d-definizzjoni tad-dnub?

Tweġiba


Id-dnub hu deskritt fil-Bibbja bħala t-trasgressjoni tal-liġi t’Alla (1 Ġwanni 3:4), u ribelljoni kontra Alla (Dewteronomju 9:7; Ġożwè 1:18). Id-dnub beda f’Luċifru, probabbilment l-isbaħ u l-aqwa fost l-anġli. Billi ma kienx kuntent bil-pożizzjoni tiegħu, xtaq ikun ogħla minn Alla, u hekk waqa’. Hawn nittraċċjaw il-bidu tad-dnub (Isaija 14:12-15). Sar magħruf bħala Satana, u webbel lill-bniedem biex jeħodha kontra Alla. Naqraw dwar dil-ġrajja fil-Ġenesi 3, meta fil-Ġnien tal-Għeden it-tentatur ġarrab lil Adam u Eva bl-istess ħajra li kellu hu, “intom se tkunu bħal Alla.” L-ewwel ġenituri tagħna rribellaw kontra l-Ħallieq u kontra l-kmand ċar tiegħu. Minn dakinhar id-dnub għadda tul il-ġenerazzjonijiet kollha u aħna, id-dixxendenti ta’ Adam, uritna d-dnub mingħandu. Rumani 5:12 jgħarrafna illi permezz ta’ Adam id-dnub daħal fid-dinja, u hekk il-mewt għaddiet għall-bnedmin kollha għax “il-ħlas tad-dnub hu l-mewt” (Rumani 6:23).

Permezz ta’ Adam l-inklinazzjoni ġewwiena għad-dnub laqtet lir-razza umana, u l-bnedmin allura huma midinbin fin-natura tagħhom. Meta Adam dineb, in-natura interna tiegħu kienet trasformata bid-dnub u t-tixwix tiegħu. Inqabad f’mewt spiritwali u fid-depravità, mgħoddija lill-bnedmin kollha li twieldu warajh. Aħna midinbin għax nagħmlu d-dnub, u nagħmlu d-dnub għax aħna midinbin. Din id-depravità hi magħrufa bħala dnub li writna. Bħalma nirtu karatteristiċi fiżiċi mingħand il-ġenituri tagħna, nirtu natura midinba mingħand Adam. Is-Sultan David ilmenta din il-kondizzjoni tan-natura umana, imwaqqa’ fid-dnub. “Ara, jien kont imwelled fl-inikwità,” jgħid, “u fid-dnub nisslitni ommi” (Salm 51:5).

Tip ieħor tad-dnub hu magħruf bħala dnub magħdud lilna. Hu r-riżultat talli konna kreditati bil-ħtija tad-dnub ta’ Adam (Rumani 5:18). Il-ħtija ta’ Adam hi attribwita jew kreditata lilna. Il-bnedmin kollha huma kkonsidrati bħala ħlejjaq li dinbu f’Adam u hekk jistħoqqilhom l-istess kastig għad-dnub bħal Adam. Wara d-dnub ta’ Adam, kulħadd sar suġġett għall-mewt, imqar qabel ma ngħatat il-liġi ta’ Mosè, minħabba d-dnub magħdud lilna, li jaffettwa l-qagħda tagħna quddiem Alla.

Alla nqeda bil-prinċipju ta’ imputazzjoni biex jgħaddilna benefiċċji kbar meta kkonsidra d-dnub tal-fidili fil-kont ta’ Ġesù Kristu, li ħallas il-penali għal dak id-dnub – il-mewt – fuq is-salib. Meta Alla għadd jew qies id-dnub tagħna bħala ta’ Ġesù, trattah bħallikieku kien midneb, avolja ma kienx, u kellu jmut għad-dnubiet tad-dinja (1 Ġwanni 2:2). Huwa importanti nifhmu illi d-dnub kien imputat jew magħdud lilu, iżda hu ma wirtux mingħand Adam. Tgħabba bil-kastig għad-dnub, iżda qatt ma sar midneb. In-natura pura u perfetta tiegħu baqgħet bla mittiefsa mid-dnub. Kien trattat bħallikieku kien ħati hu nnifsu għad-dnubiet tagħna l-bnedmin, avolja ma kkommetta ebda dnub. Alla mbagħad qies il-ġustizzja u l-perfezzjoni ta’ Kristu lill-fidili, u kkredita fil-kont tagħhom il-ġustizzja tiegħu, bħalma kien ikkredita d-dnubiet tagħna fil-kont ta’ Kristu. “Lil dak li ma kienx jaf dnub Alla għamlu dnub għalina, sabiex aħna nsiru l-ġustizzja t’Alla fih” (2 Korintin 5:21).

It-tielet tip ta’ dnub hu d-dnub personali, dak li nikkommettu kuljum bħala bnedmin. Peress li writna natura midinba mingħand Adam, nagħmlu dnubiet individwali u personali. Id-dnubiet ivarjaw minn gideb apparentement innoċenti sal-omiċidju. Dawk li ma qegħdux il-fiduċja tagħhom f’Ġesù Kristu jkollhom iħallsu l-penali jew kastig għal dawn id-dnubiet personali, kif ukoll għad-dnub li wirtu, meqjus bħala tagħhom. Madankollu l-fidili – dawk li jafdaw f’Ġesù – huma meħlusa mill-kastig etern tad-dnub – mill-infern u l-mewt eterna. Issa wkoll ingħatatilhom il-qawwa biex jirreżistu d-dnub. Issa jistgħu jagħżlu jagħmlux dnubiet personali, għax għandhom il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fihom. Madankollu, meta l-Kristjan jidneb, l-Ispirtu jikkonvinċih (Rumani 8:9-11). Appena nistqarru d-dnubiet personali tagħna lil Alla, u nitolbuh jaħfrilna, inkunu restawrati għal xirka perfetta u komunjoni miegħu. “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust sabiex jaħfer dnubietna u jnaddafna minn kull inikwità” (1 Ġwanni 1:9).

Waħidna ninsabu kkundannati triplament: minħabba d-dnub li writna, id-dnub magħdud bħala tagħna, u d-dnub personali. L-uniku kastig ġust għad-dnub hu l-mewt (Rumani 6:23), mhux il-mewt fiżika biss iżda wkoll il-mewt eterna (Rivelazzjoni 20:11-15). Inroddu ħajr lil Alla illi d-dnub tagħna l-fidili hu kollu kemm hu msallab mas-salib ta’ Ġesù. Bil-fidi fih bħala s-Salvatur tagħna, issa aħna “għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, il-maħfra tat-trasgressjonijiet, skont l-għana tal-grazzja tiegħu” (Efesin 1:7).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi d-definizzjoni tad-dnub?
© Copyright Got Questions Ministries