settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhu midneb?

Tweġiba


F’sens l-iżjed ġenerali, midneb hu persuna li tagħmel id-dnub, voldiri tikser il-liġi t’Alla (Luqa 18:13). Il-kelma Griega tradotta “midneb” fil-Bibbja għandha l-idea ta’ wieħed li mmissja l-marka, bħal arċier li ma jolqotx il-bersall. Hekk, midneb hu wieħed li jgħarralu milli jolqot l-istandard t’Alla, u allura difatti qed jimmissja l-iskop ta’ ħajtu.

Ordinarjament, naħsbu dwar midneb bħala xi ħadd li hu estremament immorali, ħażin u pervers. Iżda l-Bibbja tgħarrafna li kull persuna hu midneb: “għax kollha dinbu, u jonqsu mill-glorja t’Alla” (Rumani 3:23). Minħabba l-att oriġinali ta’ diżubbidjenza, kommess minn Adam, il-bnedmin kollha wirtu natura midinba (Rumani 5:12-14). Huma kreditati bil-ħtija tad-dnub ta’ Adam (Rumani 5:18). Ġesù Kristu waħdu hu bla dnub: “m’għamilx dnub, u lanqas ma nstabet ħjiena fuq fommu” (1 Pietru 2:22).

F’termini teoloġiċi, huwa korrett nifhmu l-kelma “midneb” mhux bħala deskrizzjoni moralistika jew ta’ ġudizzju, iżda aktarx bħala kelma ta’ relazzjoni. Kull min hu sseparat minn Alla minħabba d-dnub hu midneb, għadu tiegħu. “Il-midneb” jiddefinixxi l-istat miksur tar-relazzjoni ta’ persuna m’Alla. Il-midinbin huma dawk li kisru l-liġi qaddisa t’Alla (1 Ġwanni 3:4). Il-midinbin huma lsiera tad-dnub (Ġwanni 8:34). Jiffaċċjaw il-ġudizzju t’Alla (Ġuda 14-15). U jinsabu fit-triq lejn il-mewt u l-qirda dejjiema (Eżekjel 18:20; Ġakbu 1:5).

Il-qasma bejn il-midinbin u Alla tista’ tingħalaq biss bl-att tal-fidwa, maħduma għalina minn Alla nnifsu. F’Ibnu Ġesù żarna hawn fid-dinja; hu “Alla magħna.” Ġesù mbagħad qalgħalna l-għotja tal-Ispirtu s-Santu, biex jgħammar magħna. Fuq in-naħa umana ta’ dil-firda, in-nies l-iżjed virtużi u twajba huma xorta waħda midinbin, u l-iżjed nies vili u korrotti huma midinbin ukoll. Kulħadd midneb. Iżda Alla jħobb id-dinja u bagħat lil Ibnu biex inkunu salvati permezz tiegħu, bil-fidi fih (Rumani 5:8).

Dawk li jemmnu f’Ġesù Kristu għandhom dnubiethom maħfura u huma mogħtija l-ħajja eterna. “Għax Alla hekk ħabb id-dinja, illi ta l-uniku Iben tiegħu, sabiex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja sabiex jiġġudika d-dinja, iżda sabiex id-dinja tkun salvata permezz tiegħu” (Ġwanni 3:16-17).

Il-Bibbja tpenġi lill-midinbin fi stati diversi u modi ta’ eżistenza. In-nies li ma jgħixux skont il-liġijiet t’Alla huma kkonsidrati bħala midinbin (Salm 1). Dawk li huma infidili għall-patt ta’ Iżrael m’Alla, u telquh għal allat oħra, huma deskritti bħala midinbin mill-profeta (Ħosea 1-3).

Il-Lhud reliġjużi stmaw lill-Ġentili bħala midinbin (Galatin 2:15), kif ukoll lin-nies li ma żammewx it-tradizzjonijiet jew preskrizzjonijiet ċerimonjali tal-Fariżej. It-trasgressuri li kisru l-liġi huma msejħa midinbin fil-Bibbja (1 Timotju 1:9). Nies imċappsa b’ċerti delitti jew vizzji huma kkonsidrati bħala midinbin (Luqa 15:2; 18:13; 19:7). “Midneb” hi terminu użat għall-pagani (Mattew 26:45), dawk speċjalment midinba (Galatin 2:17), u nisa ta’ reputazzjoni ħażina (Luqa 7:37).

Meta Ġesù għex fostna, sfida l-fehmiet dominanti ta’ żmienu dwar il-midinbin, partikolarment dawk tal-elit reliġjużi. Ġesù ħarbat l-istatus quo billi għamilha mal-midinbin. “Issa kienu qegħdin joqorbu lejh id-dazjarji kollha u l-midinbin biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej kif ukoll l-iskribi bdew ibarqmu u jgħidu, ‘Dan jilqa’ l-midinbin u jiekol magħhom.’” Il-Fariżej allura xlew lil Ġesù illi hu midneb (Ġwanni 9:24).

Il-missjoni ta’ Kristu fuq l-art, it-twettiq tal-għan etern t’Alla, kienet ir-restawrazzjoni u s-salvazzjoni tal-midinbin. Ġesù qal illi min jidhirlu li hu b’saħħtu m’għandux x’jambih, iżda l-morda. Ma deherx fostna biex isejjaħ lill-ġusti, iżda lill-midinbin (Marku 2:17; 1 Timotju 1:5). Xejn ma jġib aktar ferħ f’qalb il-Mulej, jew aktar hena fis-sema, milli meta midneb hu restawrat għal relazzjoni sewwa m’Alla (Luqa 15:7,10).

Bħala midinbin, aħna lkoll ma nolqtux il-bersall tal-perfezzjoni. Ilkoll ninsabu ħatja kif mixlija. Jekk nikklejmjaw li m’għandniex dnub inkunu sempliċement qed inqarrqu bina nfusna u ma naqblux mal-verità tal-fatti (1 Ġwanni 1:8). Id-dnub – ir-ribelljoni kontra Alla, id-diżubbidjenza, il-ksur sfaċċat tal-liġi ġusta tiegħu – jeħtieġ ikun ikkastigat. Il-midinbin mhumiex kapaċi jħallsu l-penali tad-dnub bla ma jintilfu, għax il-piena dovuta hi l-mewt, separazzjoni minn Alla għall-eternità (Rumani 6:23). Biss Ġesù għex skont il-perfezzjoni tal-liġi divina, bla l-iċken nuqqas. Allura hu biss hu kwalifikat biex jagħmel tpattija sħiħa għad-dnubiet ta’ dawk li jafdaw fih. B’mewtu fuq is-salib, Kristu ssodisfa l-ġustizzja t’Alla. Għal dawk li jiddependu u jafdaw fih, jeħlishom mill-kundanna. Dawk li jirċevuh bil-fidi huma salvati (Rumani 3:25).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhu midneb?
© Copyright Got Questions Ministries