settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhu d-dnub ta’ ommissjoni?

Tweġiba


Ġakbu 4:17 jiddikjara, “Mela, għal dak li jaf x’inhu t-tajjeb li jmissu jagħmel, u ma jagħmlux, għalih hu dnub.” Dnub ta’ ommissjoni hu dnub ġej mill-fatt li ma tagħmilx xi ħaġa li l-Kelma t’Alla tikkmandak biex tagħmel. Normalment nużaw dan it-terminu f’kuntrast mal-frażi korrispondenti “dnub ta’ kummissjoni,” jew dnubiet li persuna tikkommetti b’mod attiv. Pawlu jpoġġi dawn iż-żewġ kunċetti maġenb xulxin fir-Rumani 7:14-20. Jilmenta t-tendenza tiegħu lejn iż-żewġ tipi ta’ dnubiet. Jagħmel dak li ma jridx jagħmel u li jaf hu ħażin – id-dnub ta’ kummissjoni – u ma jagħmilx dak li jaf li għandu jagħmel u li tant jixtieq jagħmel – id-dnub ta’ ommissjoni. Din stampa tan-natura ġdida f’kunflitt mal-laħam li fih tgħammar.

Fil-Patt il-Ġdid, l-eżempju klassiku ta’ dan mogħti minn Ġesù huwa r-rakkont tas-Samaritan it-Tajjeb. Wara li raġel issawwat u tħalla fi bżonn t’għajnuna, l-ewwel tnejn min-nies li għaddew – qassis u Levita, li kienu jafu sew x’suppost kellhom jagħmlu – m’għamlu xejn. It-tielet, Samaritan, waqaf u wera kumpassjoni lejn dak fil-bżonn (Luqa 10:30-37). Ġesù uża dan l-eżempju biex jgħallimna li aħna wkoll, bl-istess mod imissna ngħinu ’l dawk fil-bżonn. B’dan, wera biċ-ċar li meta nevitaw li nagħmlu t-tajjeb, nidinbu, l-istess bħalma nidinbu jekk infittxu nagħmlu l-ħażin.

Ġesù jkompli jiddeskrivi d-dnubiet ta’ ommissjoni f’Mattew 25:31-46. Il-mogħoż, dawk li jintbagħtu ’l barra minn Kristu, huma dawk li raw lil min hu bil-ġuħ u bil-għatx, u ma pprovdewlhomx ikel u xorb. Dawn huma dawk li raw lil min kien għeri, marid jew fil-ħabs, però m’għamlu xejn biex ilibbsuhom jew ifarrġuhom. Dawn kollha eżempji ta’ dnubiet ta’ ommissjoni. Fil-fatt ebda dnub ma sar kontra l-batuti – ma ġewħuhomx jew ħadulhom ħwejjiġhom intenzjonalment. Però d-dnub ta’ ommissjoni xorta waħda sar għax dawk li setgħu jipprovdulhom għażlu li ma jagħmlux hekk.

Fl-aħħar, l-appostlu Pawlu jipprovdielna dikjarazzjoni li tiġbor fiha u tispjega r-raġuni għala jmissna nagħmlu t-tajjeb u nevitaw li nwettqu dnubiet ta’ ommissjoni: “U ħa ma ngħejjewx nagħmlu t-tajjeb, għax fi żmien propizju se naħsdu jekk ma nintreħewx” (Galatin 6:9). Meta nagħmlu r-rieda tal-Missier smewwieti tagħna (Mattew 12:50), nevitaw id-dnubiet ta’ ommissjoni u jkollna ħajja produttiva u fil-milja tagħha; ħajja li togħġob ’l Alla (Rumani 12:1-2; Ġwanni 15:1–11).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhu d-dnub ta’ ommissjoni?
© Copyright Got Questions Ministries