Mistoqsija
Alla jaħfer id-dnubiet il-kbar?
Tweġiba
Ħafna jagħmlu żball meta jħaddnu l-fehma li Alla jaħfer dnubiet “żgħar” bħall-gideb, ir-rabja, jew ħsibijiet impuri, imma mbagħad ma jaħfrix dnubiet “kbar” bħall-omiċidju jew l-adulterju. Dan mhux veru. Ebda dnub mhu kbir iżżejjed tant li Alla ma jistax jaħfru. Meta Ġesù miet fuq is-salib, miet biex iħallas il-prezz għad-dnubiet kollha tad-dinja (1 Ġwanni 2:2). Meta persuna tpoġġi l-fiduċja sħiħa tagħha għas-salvazzjoni f’Ġesù Kristu, dnubietha kollha jinħafrulha. Dan jinkludi d-dnubiet tal-passat, preżent, u futur – kbar u żgħar. Ġesù miet biex iħallas il-piena għad-dnubiet kollha tagħna, u ladarba jinħafru, jinħafrulna kollha kemm huma, huma x’inhuma (Kolossin 1:14; Atti 10:43).
Ilkoll ħatja tad-dnub (Rumani 3:23) u jistħoqqilna kastig etern (Rumani 6:23). Ġesù miet għalina, biex iħallas il-piena dovuta lilna (Rumani 5:8). Kull min jemmen fi Kristu għa-salvazzjoni jirċievi l-maħfra, ikunu xi jkunu d-dnubiet li jkun għamel (Rumani 6:23; Ġwanni 3:16). Issa, qattiel jew adulteru xorta se jkollhom jiffaċċjaw konsegwenzi (legali, relazzjonali, eċċ) serji minħabba r-reati tagħhom – wisq aktar minn xi ħadd li “kulma” hu giddieb. Però d-dnubiet ta’ qattiel jew adulteru jinħafrulhom kollha kompletament fil-mument li jemmnu u jpoġġu l-fiduċja sħiħa tagħhom fi Kristu.
Il-fattur determinanti hawn mhuwiex il-kobor tad-dnub; imma l-kobor tas-sagrifiċċju riparattiv ta’ Kristu. Jekk id-demm imxerred tal-Ħaruf t’Alla suffiċjenti biex jgħatti d-dnubiet kollha ta’ miljuni ta’ bnedmin li għad jemmnu fih, allura ċertament ma jistax ikun hemm limitu għad-daqs jew tip ta’ dnubiet li jgħatti. Meta qal, “Kollox mitmum,” temm id-dnub, twettqet ir-rikonċiljazzjoni u saret riparazzjoni sħiħa, inkisbet il-maħfra kompluta, inġieb is-sliem, u ntrebħet il-fidwa minn kull dnub. Kienet fidwa ċerta u sħiħa; la hemm bżonn, u lanqas jista’ jiżdied xejn aktar magħha. Mhux biss, imma saret għal kollox mingħajr il-kontribut jew l-għajnuna tal-bniedem, u ma tistax titħassar.
English
Alla jaħfer id-dnubiet il-kbar?