Mistoqsija
Kif jista’ jkun ġust kastig etern għad-dnubiet ta’ ħajja temporali waħda?
Tweġiba
Il-Bibbja tgħid li l-infern hu għall-eternità (Mattew 25:46). Ħafna jitfixklu għax din ma jarawhiex ġusta. Jiddubitaw u jistaqsu kif jista’ jkun ġust Alla meta jikkastiga ’l xi ħadd għall-eternità għax qatta’ 70, 80, 90, jew 100 sena jidneb. Kif jista’ jkun li l-ħajja finita tal-midneb jistħoqqilha kastig infinament twil?
Żewġ prinċipji jmisshom imexxuna biex naċċettaw u nemmnu li eternità fl-infern huwa l-kastig ġust għad-dnub, twila kemm kienet twila ħajjet il-midneb fuq l-art.
L-ewwel, il-Bibbja tiddikjara li kull dnub fl-aħħar mill-aħħar huwa kontra Alla (Salmi 51:4). It-tul tal-kastig jiddependi, parzjalment, fuq dak li lejh kien immirat ir-reat. F’qorti umana, attakk fiżiku kontra persuna komuni normalment jirriżulta f’multa u forsi xi ftit żmien fil-ħabs. Però attakk kontra president jew prim ministru ta’ pajjiż probabbilment jispiċċa b’sentenza t’għomor il-ħabs. U dan, avolja r-reat ikun sar darba u l-offiża ma kinitx xi azzjoni ripetuta matul il-ħajja. Alla hu infinitament akbar minn kull bniedem, u attakk kontrih hu bil-wisq agħar minn kwalunkwe reat kontra persuna umana. Attakk kontra esseru infinitament denju jistħoqqlu kastig infinit.
It-tieni, milli jidher, dawk li mhumiex mifdija jkomplu jidinbu wara mewthom. Dawk li jmorru l-infern se jsiru bla dnub u perfetti f’kolp? Le. Dawk li jmorru fl-eternità mingħajr Kristu se jkunu kkonfermati fi ħżunithom. Dawk li webbsu qlubhom se jibqgħu mwebbsa eternament. Fl-infern għad ikun hemm “il-biki u tgħażżiż tas-snien” (Mattew 25:30) imma ebda ndiema. Il-midinbin fl-infern jitħallew għan-natura midinba tagħhom, ikunu infettati bid-dnub, essseri malinni, immorali, u depravati għall-eternità. La għad ikunu mifdija u lanqas riġenerati. L-għadira tan-nar tkun il-post ta’ ribelljoni eterna kontra Alla – hekk kif l-istess ribelljoni tkun iġġudikata (Rivelazzjoni 20:14–15; ara wkoll Rivelazzjoni 16:9, 11). Dawk kollha mhux salvati “mhux biss” jidinbu għal 70, 80, 90 jew 100 sena. Jibqgħu jidinbu għall-eternità.
Essenzjalment, jekk xi ħadd jixtieq ikun isseparat minn Alla għall-eternità, Alla jaqtagħlu xewqtu. Il-fidili huma dawk li ’l Alla jgħidulu, “Ħa tkun magħmula r-rieda tiegħek.” L-infidili huma dawk li lilhom Alla jgħdilhom, “Ħa tkun magħmula r-rieda tagħkom.” Ir-rieda ta’ dawk mhux mifdija hi li jirrifjutaw lil Ġesù Kristu u jibqgħu fid-dnub; Alla jonora dik id-deċiżjoni u l-konsegwenzi tagħha għall-eternità.
English
Kif jista’ jkun ġust kastig etern għad-dnubiet ta’ ħajja temporali waħda?