Mistoqsija
Xi tfisser li mqar id-demonji jemmnu (Ġakbu 2:19)?
Tweġiba
Ġakbu 2:14 jibda’ b’diskussjoni dwar il-fidi mingħajr opri, u jinkludi punt qawwi li anke d-demonji jemmnu u jitkexkxu (Ġakbu 2:19). Il-“fidi” tad-demonji hi inutli, avolja jitkexkxu b’dak li jafu li hu veru. Nies li jgħidu illi “jemmnu” f’Alla waqt li ma jurux evidenza tal-fidi għandhom livell ta’ “twemmin” jixbah dak tad-demonji.
Ġakbu jpenġi l-utilità tal-opri tal-ħniena (Ġakbu 2:13) billi jpoġġi mistoqsija ipotetika dwar x’jiswa’ li jkollok il-fidi mingħajr opri, u jistaqsi b’mod retoriku jekk fidi bħal din tistax teħles lil xi ħadd (Ġakbu 2:14). Jekk dik il-fidi mhix akkumpanjata bl-opri, ma tistax teħles persuna mill-bżonn tagħha, bħal f’każ tal-ħu jew l-oħt bil-ġuħ (Ġakbu 2:15). Jekk dak li għandu l-fidi ma jagħmel xejn, dawk fil-bżonn jibqgħu fil-bżonn (Ġakbu 2:16). Dik il-fidi mejta jekk waħedha – ma tiswiex biex taqla’ ’l xi ħadd minn xi bżonn (Ġakbu 2:17).
Ġakbu joffri każ ipotetiku ieħor f’kapitu 2:18: xi ħadd abbli jissuġġerixxi li n-nies juru l-fidi tagħhom b’diversi modi (uħud permezz tal-opri u oħrajn mingħajrhom). Ġakbu jargumenta u jfakkar lill-qarrejja li l-fidi mingħajr l-opri ma tiswa’ xejn (Ġakbu 2:20). Qabel ma jagħmel dik l-istqarrija dwar kemm fidi mingħajr opri hija inutli, Ġakbu fl-eżempju li jġib jindirizza persuna ipotetika oħra (evidenti bl-użu tal-pronom personali fis-singular, għalkemm meta jindirizza lill-qarrejja, juża l-plural). Ġakbu jisfida lil dawk li jemmnu li Alla wieħed: s’hawnhekk imqar id-demonji jemmnuh dan – u jitkexkxu (Ġakbu 2:19). Id-demonji mhumiex jibdlu mġibiethom – mhumiex iwettqu l-bżonnijiet u lanqas iħennu għall-oħrajn—minkejja l-għarfien tagħhom dwar min hu Alla.
Meta jirrimarka kif anke d-demonji jemmnu ċerti ħwejjeġ dwar Alla, Ġakbu jimplika li xi ħadd illi jgħid li għandu l-fidi imma mhuwiex juriha bl-opri tiegħu, fil-prattika ma jiswa’ xejn l-istess bħad-demonji. Il-fidi ta’ xi ħadd ma teħlisx lill-oħrajn mill-bżonn. L-opri jagħmlu dan (Ġakbu 2:16). Il-fidi ma tipprovdiex il-ħniena lil xi ħadd, l-opri jagħmlu dan (Ġakbu 2:13). Ġakbu jkompli jfakkar lill-qarrejja, li diġà identifikahom bħala aħwa li għandhom il-fidi f’Ġesù Kristu (Ġakbu 2:1), li Abraħam kien iġġustifikat bl-opri meta offra ’l ibnu Iżakk bħala sagrifiċċju (Ġakbu 2:21) u li, meta Abraħam ħa azzjoni, l-Iskrittura seħħet meta tgħid li Abraħam kien iġġustifikat għax emmen lil Alla (Ġakbu 2:23, kwotazzjoni ta’ Ġenesi 15:6).
Ġakbu konxju ħafna li Abraħam kien ġustifikat bil-fidi (ara Ġenesi 15:6) aktar minn għaxar snin qabel ma offra lil Iżakk (fil-Ġenesi 22). Abraħam kien dikjarat ġust minn Alla wisq qabel l-att innifsu ta’ sagrifiċċju, u Pawlu jafferma li Abraħam kien ġustifikat bil-fidi tiegħu u mhux bl-opri (Rumani 3:28–5:1). Allura, Ġakbu qed jitkellem ċar dwar tip ta’ ġustifikazzjoni differenti; meta jirreferi għall-fatt li d-demonji jemmnu u jitkexkxu (Ġakbu 2:19), u mhux jitkellem dwar il-ġustifikazzjoni quddiem Alla (jew kif Alla jiddikjara ’l xi ħadd bħala ġust). Minflok, Ġakbu qed jitkellem dwar ġustifikazzjoni evidenti jew utli li l-bnedmin jistgħu jaraw, ġustifikazzjoni li turi ħniena (Ġakbu 2:13), u tissodisfa l-bżonnijiet (Ġakbu 2:16). Ġakbu qed jitkellem dwar il-ġustifikazzjoni quddiem il-bnedmin – u jissuġġerixxi li ħadd ma jista’ juri l-fidi tiegħu (lin-nies) mingħajr l-opri tajba (Ġakbu 2:18).
Ġakbu jżid li nkunu stupidi jekk naħsbu li wieħed jista’ jagħti prova tal-fidi mingħajr l-opri (Ġakbu 2:20). Kieku Ġakbu qed jirreferi għall-ġustifikazzjoni minn Alla u mhux għall-ġustifikazzjoni quddiem in-nies, allura hu u Pawlu jkunu f’kunflitt dirett bejniethom (qabbel Ġakbu 2:24 ma’ Rumani 3:28). Il-kuntest ta’ Pawlu hu dwar kif wieħed isir ġust quddiem Alla (Rumani 3:28), u Ġakbu jiddiskuti kif wieħed ipoġġi dan fl-użu prattiku. Aħna nuru l-fidi tagħna lill-bnedmin billi nuruhom ħniena (Ġakbu 2:13) u nissodisfawlhom il-ħtiġijiet tagħhom (Ġakbu 2:16).
Id-demonji jemmnu u jitkexkxu (Ġakbu 2:19), madankollu ma jurux ħniena lejn il-bnedmin u lanqas jissodisfawlhom il-bżonnijiet tagħhom – l-għarfien tagħhom t’Alla ma jirriżultax f’imġieba mibdula. Ġakbu jistenna wisq aktar minn dawk li huma ħutu u li emmnu f’Ġesù Kristu (Ġakbu 2:1).
English
Xi tfisser li mqar id-demonji jemmnu (Ġakbu 2:19)?