settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi t-tieni miġja ta’ Ġesù Kristu?

Tweġiba


It-tieni miġja, jew it-tieni avvent, ta’ Ġesù Kristu hi t-tama tal-fidili kollha. Jemmnu li Alla jinsab fil-kontroll ta’ kollox, u hu fidil għall-wegħdi u profeziji li għaddielna fil-Bibbja Mqaddsa. Fl-ewwel miġja tiegħu Ġesù Kristu ġie fuq l-art bħala tarbija f’maxtura f’Betleħem, bħalma kien imbassar. Ġesù wettaq bosta mill-profeziji dwar il-Messija matul twelidu, il-ħajja, il-ministeru, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Madankollu hemm profeziji dwar il-Messija li Ġesù għadu ma wettaqhomx. It-tieni miġja ta’ Kritu se tkun ir-ritorn tiegħu biex iwettaq il-profeziji li fadal. Fl-ewwel miġja tiegħu, Ġesù kien il-Qaddej li jsofri. Fit-tieni miġja tiegħu, Ġesù se jkun is-Sultan konkwistatur. Fl-ewwel miġja tiegħu, Ġesù għex f’ċirkostanzi baxxi u umli. Fit-tieni miġja tiegħu Ġesù se jasal bl-armati tas-sema.

Il-profeti tal-Patt il-Qadim ma ddistingwewx fiċ-ċar iż-żewġ miġjiet ta’ Kristu. Dan jidher, pereżempju, f’Isaija 7:14; 9:6-7 u f’Żakkarija 14:4. Bħala riżultat illi l-profeziji donnhom qed jitkellmu dwar żewġ individwi, ħafna skulari Lhud emmnu illi se jkun hemm Messija li jsofri u Messija li jikkonkwista. Ma fehmux illi hemm Messija wieħed, u jwettaq iż-żewġ rwoli. Ġesù wettaq ir-rwol tal-qaddej li jsofri (Isaija 53) fl-ewwel miġja tiegħu. Ġesù se jwettaq ir-rwol tal-Ħellies u s-Sultan fit-tieni miġja tiegħu. Żakkarija 12:10 u Rivelazzjoni 1:7, li jiddeskrivu t-tieni miġja, iħarsu lura lejn Ġesù li kien minfud. Iżrael u d-dinja kollha għad jagħlu talli ma aċċettawx lill-Messija l-ewwel darba li deher.

Meta Ġesù tela’ s-sema, l-anġli ddikjaraw lill-appostli, “Irġiel Galilin, għaliex tinsabu weqfin tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li ttella’ minn magħkom fis-sema, hekk għad jerġa’ jiġi bil-mod kif osservajtuh sejjer fis-sema” (Atti 1:11). Żakkarija 14:4 jidentifika l-post tat-tieni miġja bħala l-Għolja taż-Żebbuġ. Mattew 24:30 jiddikjara, “U mbagħad se jidher is-sinjal ta’ Bin il-Bniedem fis-sema, u mbagħad se jagħlu t-tribujiet kollha tal-art, u se jaraw lil ‘Bin il-Bniedem ġej fuq is-sħab tas-sema’ b’setgħa u glorja kbira.” Titu 2:13 jiddeskrivi t-tieni avventi bħala “l-manifestazzjoni glorjuża.”

It-tieni miġja hi deskritta simbolikament fir-Rivelazzjoni 19:11-16: “U rajt is-sema miftuħ, u ara, żiemel abjad, u dak bilqiegħda fuqu hu msejjaħ Fidil u Veru, u bil-ġustizzja jiġġudika u jiggwerra. U għajnejh bħal fjamma nar, u fuq rasu ħafna kliel; għandu isem miktub fuqu li ħadd ma jafu ħlief hu nnifsu. U hu mlibbes b’libsa miblula fid-demm, u ismu hu msejjaħ il- Kelma t’Alla. U l-eżerċti li huma fis-sema, imlibbsin għażel fin, abjad u nadif, kienu jsegwuh fuq żwiemel bojod. U minn fommu ħierġa xabla misnuna, sabiex biha jolqot il-ġnus, u ‘hu se jiggvernahom b’virga tal-ħadid,’ u hu jgħaffeġ il-magħsar tal-inbid tal-għadab furjuż t’Alla, l-Omnipotenti. U fuq il-libsa u fuq koxxtu għandu isem miktub: ‘Sultan is-slaten u Sid is-sidien.’”

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi t-tieni miġja ta’ Ġesù Kristu?
© Copyright Got Questions Ministries