settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif tista’ knisja tikseb unità vera u biblika?

Tweġiba


Il-​Bibbja tenfasizza l-​importanza tal-unità. L-għaqda hija “tajba” u “pjaċevoli” (Salm 133:1). L-għaqda hija assolutament essenzjali għax il-knisja hija “l-ġisem ta’ Kristu” (1 Korintin 12:27), u ġisem ma jistax ikun mifrud jew maqsum fih innifsu. Jekk il-ġisem jinqasam f’biċċiet ma jibqax aktar ġisem. Ġesù jrid li l-knisja tiegħu tkun magħquda fil-fidi.

Is-sigriet tal-unità jibda minn kif inħarsu lejna nfusna fil-ġisem u kif inħarsu lejn l-oħrajn. Il-vers ewlieni li jindirizza dan huwa Filippin 2:3: “Tagħmlu xejn b’ambizzjoni egoistika jew b’vanaglorja, iżda bl-umiltà kkonsidraw lil xulxin superjuri għalikom infuskom.” Il-firda fil-knisja sikwit tiġi meta naġixxu b’mod egoist u nqisu lilna nfusna aħjar mill-oħrajn. Pawlu jkompli jispjega aktar fil-vers li jmiss: “Mentri kull wieħed m’għandux iħares lejn l-interessi tiegħu nnifsu biss, iżda kull wieħed ukoll lejn l-interessi tal-oħrajn.” Sfortunatament, il-knejjes li jesperjenzaw firdiet, konflitti u taqlib huma ġeneralment mimlija b’nies li jfittxu l-bżonnijiet, ix-xewqat u l-ambizzjonijiet tagħhom biss. Imġieba bħal din hija karatteristika taʼ dawk li ma jemmnux, u mhux ta’ dawk li għandhom l-attitudni ta’ Kristu. Il-firda fil-knisja turi li l-membri tagħha qed jimxu bħan-nies tad-dinja u mhux b’devozzjoni lejn Alla, kif fakkar Pawlu lill-Korintin: “Għax intom għadkom karnali. Għax ladarba fostkom hemm il-ġelosija u l-ġlied, m’intomx karnali u timxu bħal sempliċi bnedmin?” (1 Korintin 3:3).

Imma Pawlu jgħidilna li għandna nqisu l-​bżonnijiet tal-oħrajn qabel tagħna. “B’kull umiltà u manswetudini, bil-paċenzja, tissaportu ’l xulxin fl-imħabba” (Efesin 4:2). Knisja magħmula minn nies bħal dawn tgawdi l-paċi, l-għaqda u l-armonija. Bniedem umli jħares lejn d-difetti personali fid-dawl tal-perfezzjonijiet ta’ Kristu. Ma joqgħodx ifittex id-difetti f’ħaddieħor, u meta jarahom, huwa jitkellem il-verità bl-imħabba u bl-intenzjoni li jgħin u jibni lil ħuh fix-xbieha ta’ Kristu. Bniedem umli jara l-korruzzjoni moħbija f’qalbu, flimkien mal-motivi impuri u ambizzjonijiet ħżiena. Imma ma jfittixx li jesponi l-iżbalji, id-difetti, u l-blugħat tal-oħrajn. Jara malajr il-ħażen ta’ qalbu stess, waqt li jifraħ fit-tjieba u l-imħabba li jara f’ħaddieħor.

Fuq kollox, bħala Nsara, għandna nħarsu lejn xulxin fid-dawl tas-salib. L-Insara sħabna huma dawk li għalihom Kristu sofra u miet sabiex ipartat il-perfezzjoni ġusta tiegħu mad-dnub tagħhom (2 Korintin 5:21). Kif nistgħu ma noffrulhomx l-imħabba, il-kumpassjoni u l-grazzja ta’ Missierna? Kif nistgħu nbaxxu, nikkritikaw jew nimmalafamaw lil dawk li bħalna huma mifdija bid-demm prezzjuż taʼ Kristu? Ma konniex ilsiera tad-dnub meta sejħilna, mitlufin u bla tama, mejta fit-trasgressjonijiet u d-dnubiet tagħna stess (Efesin 2:1)? Imma aħna issa lsiera ta’ Kristu, ilsiera tal-ġustizzja, u bħala qaddejja tal-Imgħallem ħanin, il-kompitu tagħna mhuwiex li nitlewmu u nissieltu għal drittijietna imma li nirriflettu l-grazzja u l-imħabba tiegħu lejn kulħadd. Knisja mimlija b’nies bħal dawn, ilkoll igawdu “s-salvazzjoni komuni”, hija knisja ta’ veru, li tissara bis-sħiħ għall-fidi kommessa lill-qaddisin darba għal dejjem (ara Ġuda 1:3).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif tista’ knisja tikseb unità vera u biblika?
© Copyright Got Questions Ministries