settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif nagħraf knisja tajba?

Tweġiba


Alla waqqaf il-knisja sabiex biha jwettaq l-għanijiet tiegħu fid-dinja. Il-knisja hi l-ġisem ta’ Kristu – il-qalb, l-idejn, ir-riġlejn u l-vuċi t’Alla li bihom jilħaq il-bnedmin fuq l-art. Knejjes tajbin issibhom f’forom u qisien differenti. Filwaqt li ż-żieda fin-numru jista’ jkun sinjal pożittiv (Atti 2:47; 5:14; 16:5), lanqas m’huwa garanzija li l-knisja hi bilfors tajba. Is-saħħa tal-knisja titkejjel b’riġa spiritwali u biblika aktarx milli bin-numri.

Filwaqt li m’hawn ebda denominazzjoni jew kongregazzjoni perfetta, il-Bibbja tippreżentalna diversi karatteristiċi sabiex bihom nagħrfu jekk knisja partikolari taqbilx mal-istandard divin.

Knisja b’saħħitha tgħallem duttrina tajba msejsa fuq il-Kelma t’Alla (Titu 1:9; 2:1; 1 Timotju 6:3–4; 2 Timotju 2:2). Meta l-aħwa jinġabru flimkien, kemm meta jiltaqgħu sabiex jqimu ’l Alla bħala kongregazzjoni u anke fi gruppi żgħar biex jistudjaw l-Iskrittura, il-Bibbja għandha tkun iċ-ċentru tat-tagħlim tagħhom. L-interpretazzjoni fidila u l-applikazzjoni għall-ħajja ta’ kuljum ta’ dottrina sana tipproduċi ħajja Kristjana ġenwina (1 Timotju 1:10; 4:6; 2 Timotju 3:15–17). Iċ-ċentralità tal-verità skritturali tissalvagwardja l-knisja lokali u l-mexxejja wkoll (2 Timotju 1:13–14; Titu 1:6–9). U meta l-verità biblika u dottrina sana jkunu l-priorità, difiżi, u mgħallma mingħajr kompromess, allura l-kwalitajiet l-oħra ta’ knisja b’saħħitha jsegwu b’mod naturali.

Knisja b’saħħitha tirrikonoxxi l-kwalifiċi bibliċi tal-mexxejja spiritwali. Ngħidu aħna, il-mexxejja jkunu rġiel li jibżgħu minn Alla, ma jkunux arroganti, ma jitlagħlhomx malajr, ma jkunux vjolenti, rgħiba, jew diżonesti; anzi huma ospitabbli, għarfa, retti, onesti, dixxiplinati u devoti (Titu 1:6–9; 1 Timotju 3:1–7).

Knisja b’saħħitha tipproduċi mexxejja skont l-eżempju ta’ Ġesù Kristu, li huwa r-ras tal-knisja (Efesin 1:22–23; 4:15; 5:23 Kolossin 1:18). Kristu kien imexxi billi jservi (Mattew 20:25–28; Ġwanni 13:12–17). Ġesù qatta’ l-parti l-kbira tat-tlett snin ministeru jinteraġixxi fil-qrib mat-tnax id-dixxipli, jgħallimhom u jħarriġhom, waqt li huma kellhom l-opportunità josservaw il-ħajja tiegħu. Għalliema tajbin jidentifikaw u jittrejnjaw mexxejja oħra (Atti 6:1-7).

Il-mexxejja bibliċi huma amministraturi tajbin tal-ministeru u r-riżorsi fdati lilhom minn Alla (1 Korintin 4:1–3; 9:17; 1 Pietru 4:10). Filwaqt li ma nistennewx li l-mexxejja jkunu perfetti, nistennew li jkunu mexxejja-qaddejja li jipparteċipaw fit-taħriġ tad-dixxipli, ifornu l-aħwa għall-ministeru, u jgħinu lill-qaddejja l-oħra tal-Mulej jimmaturaw u jsiru mexxejja li jibżgħu minn Alla (Efesin 4:11-16).

Knisja b’saħħitha tenfasizza t-tagħlim u t-taħriġ biex il-membri jsiru dixxipli leali u ferventi ta’ Kristu. Għalkemm m’humiex perfetti, id-dixxipli jagħrfu u jħobbu lil Sidhom, u huma kommessi li jobdu Kelmtu. (Ġwanni 8:31–32; 14:15; 1 Ġwanni 2:3–6). Id-dixxipolat jinkludi s-sehem fil-ħajja tal-knisja, il-bini ta’ relazzjonijiet awtentiċi mal-aħwa (Atti 2:42–47; 1 Korintin 10:17), it-tħaddim tad-doni ta’ ministeru u servizz (Rumani 12:4–8; 1 Korintin 12:7), il-kobor fil-qdusija (1 Tessalonikin 4:3–4; 5:23), u frott ta’ ġustizzja u tjieba (Ġwanni 15:5–8).

Knisja b’saħħitha tagħti sehemha fit-twettiq tal-Kummissjoni l-Kbira (Mattew 28:19-20), billi xxandar l-aħbar it-tajba li Ġesù Kristu miet bi tpattija għad-dnubiet, kien imqajjem mill-mewt għall-ħajja, u li issa qed isaltan, u joffri l-maħfra tad-dnubiet, ħajja ġdida fl-Ispirtu, u l-ħajja eterna lil dawk kollha li jindmu u jemmnu fih. L-evanġeliżmu jinkludi outreach lokali, il-missjonijiet fid-dinja, u anke l-aħwa jaqsmu l-evanġelju ma’ ħbiebhom u qrabathom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Bħala ambaxxaturi ta’ Kristu fuq l-art, l-aħwa huma msejħin biex ikunu “fwieħa ta’ Kristu għal Alla fost dawk li qed ikunu salvati u fost dawk li qed jintilfu; għal tal-aħħar aħna aroma minn mewt għall-mewt, u għal tal-ewwel aroma minn ħajja għall-ħajja” (2 Korintin 2:15–16).

Ninnotaw sinjali oħra ta’ knisja b’saħħitha fil-knisja emerġenti tal-Ktieb tal-Atti (Atti 2:42–47). Il-knisja bikrija kienet mogħtija għat-tagħlim bibliku, laqgħat għat-talb, il-qima t’Alla, u l-Ikla tal-Mulej. Dawn il-​Kristjani tal-​bidu ddedikaw ruħhom b’ħeġġa lil xulxin, u ffurmaw ambjent taʼ mħabba u ġenerożità li fih kienu jieħdu ħsieb xulxin. Knisja b’saħħitha llum turi entużjażmu simili għal għajxien Kristjan awtentiku, u tipparteċipa fl-għanijiet u l-ħidma ta’ saltnet Alla fuq l-art.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif nagħraf knisja tajba?
© Copyright Got Questions Ministries