settings icon
share icon
Mistoqsija

Suppost li jkun hemm knisja waħda biss?

Tweġiba


Il-kelma tradotta “knisja” fil-Patt il-Ġdid hija ekklesia, li litteralment tfisser l-imsejħin. F’sens wieħed, il-knisja hija l-grupp ta’ nies li Alla sejjaħ għalih innifsu minn kull post u minn kull żmien. F’dan is-sens, hemm knisja waħda biss – imxebbħa ma’ ġisem wieħed kompost minn dawk kollha li jemmnu fi Kristu u li Alla sejjaħ għalih innifsu – il-fidili ħajjin u anke dawk mejtin, minn kull parti tad-dinja.

Il-Patt il-Ġdid juża wkoll il-kelma knejjes (fil-plural) bħal f’dawn il-versi: “Isellu għalikom il-knejjes tal-Asja. Akwila u Priska, mal-knisja li tiltaqa’ f’darhom, isellu ħafna għalikom fis-Sid” (1 Korintin 16:19), u, Pawlu “għadda mis-Sirja u ċ-Ċiliċija, isaħħaħ il-knejjes” (Atti 15:41). Hawnhekk il-kelma tirreferi għal ġemgħat tal-aħwa li jiltaqgħu f’post partikolari. F’dan is-sens, hemm ħafna knejjes.

Mela nistgħu nifhmu “l-knisja” f’żewġ aspetti: hemm knisja waħda biss, ġisem wieħed, l-għadd sħiħ tan-nies imsejħin għal Alla; fl-istess waqt, hemm manifestazzjonijiet lokali taʼ dak il-​ġisem f’postijiet differenti, u dawn jissejħu “knejjes.” Aħna familjari ma’ dan il-kunċett bil-mudell modern ta’ franchise tan-negozju. Minn banda waħda, hemm korporazzjoni McDonald’s waħda. Madankollu, f’sens kemmxejn differenti, hemm ħafna McDonald’s fid-dinja. Hemm kumpanija waħda li tinsab f’ħafna postijiet differenti. Hekk ukoll meta nitkellmu dwar il-knisja, inkunu nirreferu għall-knisja universali u l-knisja lokali, jew fi kliem ieħor, il-knisja inviżibbli u l-knisja viżibbli. (Il-knisja universali hija “inviżibbli” fis-sens li qatt ma tiltaqa’ kollha flimkien u ħadd ma jista’ josservaha bl-istess mod li josserva knisja lokali.)

F’ċertu sens, hemm knisja waħda biss, il-Ġisem ta’ Kristu. F’sens ieħor, hemm ħafna manifestazzjonijiet lokali taʼ dak il-​ġisem, li jissejħu wkoll “knejjes.” Kull knisja lokali jista’ jkollha karatteristiċi uniċi skont fejn tkun u n-nies li jiffurmawha, bħalma kull ristorant McDonald’s jista’ jkollu tqassim u arranġament tal-imwejjed differenti. McDonald’s fl-Amerika Ċentrali jew f’Hong Kong ikollu xi għażliet fil-menu differenti mill-McDonald’s standard fl-Istati Uniti. Dan il-kunċett jinftiehem faċilment u mhux kontroversjali. Kieku l-knejjes lokali kollha jkunu fi qbil sħiħ ma’ xulxin, b’varjazzjonijiet żgħar biss fl-istil u l-enfasi, allura probabbilment ma kien ikollna ebda problema. Imma fil-fatt hemm disparità kbira fil-prattika u t-tagħlim tal-knejjes diversi, u għalhekk tqum il-mistoqsija: mhux suppost li jkun hemm knisja waħda biss?

Hemm knejjes indipendenti; dan ifisser li mhumiex regolati minn xi nies barra mill-knisja nfisha. Dawn isegwu l-Patt il-Ġdid skont kif jifhmuh u jwieġbu direttament lil Kristu. Knejjes oħra jagħmlu parti minn denominazzjoni li teżerċita kontroll fuqhom. Il-problema tqum meta knisja tkun temmen jew tipprattika xi ħaġa kompletament differenti minn knisja oħra, filwaqt li t-tnejn isostnu li qed isegwu t-tagħlim tal-Patt il-Ġdid, u li qed joqgħodu għall-awtorità ta’ Kristu. Din il-problema kienet teżisti mill-ewwel snin tal-Kristjaneżmu.

Meta Ġesù tela’ s-sema, hu ħalla l-appostli biex jeżerċitaw awtorità fil-knisja. Dawn l-irġiel tkellmu f’isem is-Sid u kitbu l-biċċa l-kbira tal-Patt il-Ġdid. Madankollu, anke fil-bidu tal-knisja kien hemm min sfida l-​awtorità tal-​appostli. Pawlu kellu jissielet kontinwament kontra xi wħud li għamlu minn kollox biex ifixkluh f’ħidmietu. Wara li kien jistabbilixxi knisja f’xi belt u jitlaq lejn belt oħra, dawn l-irġiel kienu jidħlu warajh u jgħidu li t-tagħlim tiegħu kien skorrett jew mhux komplut jew imaqdru lil Pawlu nnifsu. F’xi każijiet, it-tagħlim il-ġdid tant kien kuntrarju għall-verità tal-evanġelju li Pawlu kellu jikkundannah, u lil dawk li xandruh, bl-aktar mod qawwi (ara Galatin 1:6–9). F’każijiet oħra, fejn l-aħwa fil-knejjes bdew jidentifikaw ma’ mexxej jew ieħor, Pawlu wissihom li m’għandux ikun hemm firdiet u partiti: “Issa nappellalkom, l-aħwa, f’isem Sidna Ġesù Kristu, sabiex taqblu lkoll flimkien u ma jkunx hemm diviżjonijiet fostkom, imma tkunu magħmulin kompluti fl-istess moħħ u fl-istess ġudizzju. Għax kont informat dwarkom, ħuti, minn dawk ta’ Kloe, illi hemm it-tilwim fostkom. Issa rrid infisser dan, illi kull wieħed minnkom jgħid, ‘Jien ta’ Pawlu,’ u l-ieħor, ‘Jien ta’ Apollo,’ u l-ieħor, ‘Jien ta’ Kefa,’ u jerġa’ l-ieħor, ‘Jien ta’ Kristu.’ Il-Kristu safa diviż? Jaqaw Pawlu ssallab għalikom, jew tgħammidtu f’isem Pawlu?” (1 Korintin 1:10–13). Jidher ċar, mela, li anke fi żmien l-appostli, kien hemm firdiet fil-knisja.

Wara li l-appostli mietu, ir-responsabbiltà għaddiet fuq mexxejja oħra biex jgħallmu l-Bibbja u jżommu l-integrità tal-knisja. Madankollu, bħal fi żmien l-appostli, dejjem kien hemm xi wħud li għawwġu l-evanġelju u ġabru segwaċi warajhom. Oħrajn għallmu l-verità u ġabru segwaċi sforz il-personalità u l-istil tagħhom. It-tgħawwiġ tal-evanġelju, madankollu, mhumiex l-unika raġuni għalfejn jeżistu denominazzjonijiet u knejjes lokali differenti. Il-knejjes varji ffurmaw ukoll minħabba differenzi stilistiċi u kulturali, u mhux minħabba differenzi dottrinali. Dawn ir-raġunijiet varji taw lok għall-kotra ta’ knejjes u denominazzjonijiet lokali li għandna llum. Ilkoll isostnu li qed isegwu lil Ġesù Kristu u t-tagħlim tal-Patt il-Ġdid, iżda evidentement ma jistgħux ikunu lkoll tajbin. U sfortunatament xi wħud twarrbu mill-lealtà lejn Kristu u mit-tagħlim tal-Patt il-Ġdid.

Il-knejjes huma magħmula minn nies midinbin li jinbidlu maż-żmien. Kultant xi nies fi ħdan knisja lokali, jew diversi knejjes fi ħdan denominazzjoni, jibdlu t-twemmin tagħhom u jkunu jridu joħorġu mill-knisja jew denominazzjoni u jiffurmaw waħda ġdida li tirrifletti t-twemmin ġdid tagħhom. Jiġri wkoll li knisja jew denominazzjoni tibdel it-twemmin tagħha, u membri individwali jew knejjes jagħżlu li jinfirdu minħabba din il-bidla. Għalhekk jiġu ffurmati knejjes jew denominazzjonijiet ġodda. Hekk ġara fil-bidu tas-seklu għoxrin meta ħafna denominazzjonijiet abbandunaw it-twemmin fil-awtorità tal-Iskrittura. Ħafna Kristjani telqu minn dawn id-denominazzjonijiet “liberali” jew “modernisti” u bdew oħrajn “fundamentalisti.” Riċentement, peress li ħafna knejjes bdew jinnormalizzaw l-imġieba omosesswali u jordnaw lin-nisa għall-ministeru, individwi u knejjes kellhom jinfirdu minnhom biex jifformaw jew jingħaqdu ma’ knejjes bit-twemmin aktar bibliku.

Minħabba d-differenzi fit-twemmin u l-interpretazzjoni tal-Patt il-Ġdid, kien inevitabbli li jiġu fformati knejjes u denominazzjonijiet differenti. Jista’ jkun impossibbli għall-individwu li jsib knisja li taqbel perfettament mat-twemmin tiegħu. Bl-istess mod, knisja tista’ tkun f’denominazzjoni li ma tirriflettix perfettament it-termini tas-sħubija. Kull individwu u kull knisja għandhom jiddeċiedu, abbażi tal-istudju tal-Kelma t’Alla, liema kwistjonijiet huma ta’ importanza kritika, u fejn jista’ jsir kompromess għall-fini ta’ sħubija.

Knejjes individwali u anke denominazzjonijiet ta’ spiss jikkoperaw ma’ knejjes u denominazzjonijiet oħra għaliex jaqblu dwar dottrina essenzjali. Pereżempju, il-pastors magħrufa John MacArthur u R.C. Sproul kienu ħbieb kbar. Ħadmu flimkien f’konferenzi u ssieltu spalla ma’ spalla fi ġlidiet dwar l-awtorità tal-Kelma t’Alla u l-integrità tal-evanġelju. Madankollu, huma kellhom differenzi sinifikanti fuq kwistjonijiet sekondarji bħall-magħmudija u l-profezija dwar l-aħħar taż-żminijiet. Saħansitra ddibattew bejniethom dwar xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet. Filwaqt li ma setgħux jgħaqqdu l-knejjes tagħhom, xorta waħda kienu kapaċi jixxierku u jikkoperaw ma’ xulxin fl-ispirtu tal-imħabba u l-unità Kristjana. Dan hu eżempju tajjeb ta’ għaqda fid-diversità, prinċipju li għandu jkun inkoraġġit fost l-Insara.

Il-knejjes Evanġeliċi lkoll jaqblu fuq tagħlim ewlieni bħat-Trinità, l-awtorità tal-Iskrittura, u l-ġustifikazzjoni bil-grazzja permezz tal-fidi. Infatti diversi knejjes Evanġeliċi Battisti, Indipendenti u Presbiterjani jikkoperaw ma’ xulxin f’diversi oqsma. Madankollu, x’aktarx li qatt mhu se jkunu jistgħu jingħaqdu u jsiru knisja waħda għaliex huwa impossibbli li jirrikonċiljaw it-twemmin differenti tagħhom fuq ħwejjeġ sekondarji. Il-biċċa l-kbira tal-knejjes Battisti jemmnu fit-tmexxija mill-kongregazzjoni, filwaqt li l-knejjes Presbiterjani jemmnu li l-presbiteri għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet finali. Ma jistax ikollok iż-żewġ sistemi ta’ tmexxija fl-istess knisja. Bl-istess mod, il-Battisti jemmnu li l-magħmudija hi maħsuba għal dawk li jemmnu u jagħżlu li jitgħammdu bħala sinjal tal-fidi tagħhom fi Kristu, filwaqt li l-Presbiterjani jemmnu fil-magħmudija tat-trabi bħala sinjal tal-fidi tal-ġenituri. Jista’ jkollok knisja partikolari li tipprattika forma jew oħra tal-magħmudija, imma ma jistax ikollok knisja waħda li tgħallem li t-trabi għandhom jitgħammdu u fl-istess ħin tinsisti li m’għandhomx jitgħammdu. Allura huwa inevitabbli li jkun hawn knejjes differenti, u f’ċertu sens dan huwa neċessarju sabiex jinżamm is-sliem.

Idealment, għandu jkun hemm knisja waħda biss; madankollu, aħna ma ngħixux f’dinja ideali. Qed ngħixu f’dinja mwaqqa’ fid-dnub. Hemm xi wħud li jgħawwġu l-​Kelma t’Alla u jqarrqu b’ħafna iżda xorta waħda jsejħu l-organizzazzjonijiet tagħhom “knisja.” Oħrajn partu l-awtorità tal-​Kelma t’Alla ma’ ideat moderni filwaqt li xorta waħda baqgħu jsejħu lilhom infushom knisja Kristjana. Imbagħad hemm oħrajn li huma sinċieri iżda żbaljati fl-interpretazzjoni tal-Kelma t’Alla dwar kwistjonijiet sekondarji. L-ebda knisja mhi perfetta. Madankollu, il-knejjes kollha li jgħallmu l-Kelma t’Alla u jgħixu l-evanġelju huma parti mill-knisja universali ta’ Kristu. Alla juża d-diversità tal-knejjes biex jirrifletti l-karattru tiegħu u jwassal l-evanġelju lid-dinja. Huwa importanti li kull Nisrani jingħaqad ma’ knisja fejn il-Bibbja hi meqjusa bħala l-ogħla awtorità. Huwa importanti wkoll li knejjes Evanġeliċi individwali u denominazzjonijiet jikkoperaw ma’ knejjes Evanġeliċi oħra sabiex id-diviżjoni fuq kwistjonijiet sekondarji tibqa’ tassew sekondarja. Dawk kollha li verament jemmnu f’Ġesù Kristu, u l-knejjes kollha li jħaddnu u jxandru l-evanġelju, huma tassew magħqudin flimkien minkejja l-ħwejjeġ li jifirduhom.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Suppost li jkun hemm knisja waħda biss?
© Copyright Got Questions Ministries