settings icon
share icon
Mistoqsija

X’jagħmel il-Kristjaneżmu uniku?

Tweġiba


Il-Kristjaneżmu hu tassew uniku, jew hu waħda mill-ħafna toroq li jwasslu għall-verità? Il-Kristjaneżmu hu verament uniku fost ir-reliġjonijiet diversi madwar id-dinja? Jekk iva, x’jagħmlu uniku? Il-Kristjaneżmu għandu elementi partikolari li reliġjonijiet oħra m’għandhomx.

1. Ir-reliġjonijiet l-oħra kollha jeżortaw lill-bniedem biex jogħla lejn Alla u jipprova jaqbdu bl-isforzi tiegħu. Il-Kristjaneżmu hu l-unika reliġjon fejn Alla jitbaxxa u jaqbad lill-bniedem.

2. Reliġjonijiet oħra huma sistemi xi jmissek tagħmel jew ma tagħmilx biex tħabbeb lil Alla miegħek, mentri l-Kristjaneżmu hu relazzjoni m’Alla.

3. Il-Kristjaneżmu jħares lejn il-Bibbja bħala s-sors singulari għall-verità.

4. Il-Kristjaneżmu hu msejjes fuq l-avveniment l-iktar meraviljuż tal-istorja umana – il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù.

Inkwantu l-ewwel kustjoni, forom oħra ta’ reliġjon iħaddnu sistema ta’ opri – dawk li jmissna nagħmlu u xi jmissna nevitaw – sabiex jagħmluna “tajbin biżżejjed” biex nogħġbu lil Alla u nimmeritaw il-favur tiegħu. Mill-banda l-oħra l-Kristjaneżmu hu bbażat fuq il-prinċipju bibliku li qatt ma nistgħu nkunu tajbin biżżejjed fil-preżenza ta’ Alla perfett u qaddis. Il-Liġi ta’ Mosè ngħatat biex tagħtina prova kemm m’aħniex kapaċi nżommuha. Galatin 3 jiddeskrivi l-għan tal-liġi. Hi tutur u għalliema, maħsuba biex tmexxina lejn Kristu għax bl-osservanza tal-liġi ħadd ma jkun ġustifikat (voldiri meqjus bħala ġust) quddiem Alla (Galatin 2:16). Impossibbli żżomm il-liġi perfettament. Dan żvelahulna Ġesù b’dak li hu sejjaħlu l-ewwel u l-ikbar kmandament: “Ħobb lis-Sid Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu” (Mattew 22:37). Dan ifisser tħobbu b’kull fakoltà tiegħek erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, mit-tnissil tiegħek sa mewtek. Hi biċċa xogħol impossibbli. Iżda aktarx milli jikkundannana bħala trasgressuri, nies li ksirna l-liġi, Alla provdielna sostitut – Ibnu Ġesù Kristu – li obda l-liġi perfettament għan-nom tagħna. Bil-fidi fih, billi nilqgħu lilu u l-ħidma tiegħu għas-salvazzjoni tagħna, Alla jaħfrilna u jgħoddna bħala ġusti quddiemu. Hawn hi d-differenza kruċjali bejn il-Kristjaneżmu u r-reliġjonijiet l-oħra kollha.

Inkwantu t-tieni punt, il-Kristjaneżmu mhuwiex sistema reliġjuża, iżda relazzjoni vitali m’Alla, waħda li jibdieha hu u jmantniha hu. Il-Kristjani jemmnu li l-umanità kienet maħluqa speċifikament biex ikollha relazzjoni m’Alla, iżda d-dnub issepara l-bnedmin minnu (Rumani 3:23; 5:12). Il-Kristjaneżmu jgħallem li Ġesù Kristu mexa fuq din l-art: hu Alla veru u frattant ukoll bniedem veru (Filippin 2:6-11), u miet fuq is-salib biex jirrestawra r-relazzjoni bejn il-Ħallieq u l-ħlejjaq, miksura minħabba d-dnub. Wara mewtu fuq is-salib, Kristu kien midfun, u qam fiżikament mill-qabar. Issa jgħix fuq il-leminija tal-Missier, u jinterċiedi għall-fidili għal dejjem (Ebrej 7:25). L-intimità ta’ din ir-relazzjoni hi murija b’żewġ stampi sbieħ. Issa m’għadniex meqjusa bħala trasgressuri, ħatja illi ksirna l-liġi, iżda ġejna adottati fil-familja t’Alla bħala wliedu (Efesu 1:5). Aktar intimu minn hekk, il-fidili huma l-ġisem ta’ Kristu, u hu r-ras tagħna (Efesin 1:22-23), billi xtrana b’demmu stess (Ebrej 9:12). Ebda reliġjon oħra ma tagħmel dikjarazzjonijiet bħal dawn jew imqar tibda biex tersaq lejn din il-verità inkredibbli.

Ħaġa oħra li tagħmel il-Kristjaneżmu uniku hija s-sors ta’ informazzjoni tiegħu. Ir-reliġjonijiet kollha għandhom xi tip ta’ bażi ta’ tagħrif illi jispjega t-twemmin u l-prattiċi tar-reliġjon, iżda ebda waħda m’għandha sors wieħed ta’ informazzjoni bħalma għandu l-Kristjaneżmu, li jibbaża t-tagħrif tiegħu fuq il-Bibbja, il-Kelma miktuba t’Alla, u allura infallibbli u bla żball. Il-Bibbja hi kulma hu neċessarju għall-fidi u l-imġiba tagħna. L-Insara jemmnu li l-Bibbja hi ispirata – litteralment “bin-nifs t’Alla.” Hi l-messaġġ tiegħu, u allura kulma tgħallem hu ta’ awtorità finali (2 Timotju 2:16-17; 2 Pietru 1:20-21). Għalkemm hemm reliġjonijiet oħra li jinqdew bil-profezija, mhumiex korretti, bħalma ninnotaw il-profezija biblika. Ebda reliġjon minnhom ma tipponta lejn xi ħadd bħal Ġesù li għamel dikjarazzjonijiet uniċi u wettaq mirakli meraviljużi.

Finalment, ir-resurrezzjoni ta’ Ġesù Kristu mill-qabar hi l-avveniment li jagħmel il-fidi Kristjana tabilħaqq unika; tipprovdi l-bażi fondamentali għall-fidi tagħna. Fil-Kristjaneżmu, il-qawmien fiżiku tiegħu hu vitalment importanti. Mingħajru l-fidi tagħna hija impossibbli, u inutli wkoll (1 Korintin 15:14). Kien il-qawmien ta’ Ġesù li bidel il-ħajja u r-rotta tad-dixxipli bikrija. Wara li kien mislub, is-segwaċi tiegħu beżgħu u ħarbu. Iżda meta raw lis-Sid irxoxtat, irrealizzaw illi kulma Ġesù kien qal u għamel jagħti prova illi hu tabilħaqq Alla li mexa fostna bħala bniedem. Ebda mexxej jew fondatur ta’ reliġjon oħra ma miet mewta sostituzzjonarja għall-midinbin, kellu l-qabar tiegħu mgħasses, u mbagħad wara tlett ijiem reġa’ deher lil ħafna nies. Ir-resurrezzjoni hi prova qawwija dwar min hu Ġesù, u li tabilħaqq irnexxielu jwettaq il-missjoni tiegħu b’suċċess: ċoè jipprovdi l-uniku mezz ta’ fidwa għall-midinbin. La Budda, la Moħammed, la Konfuċju u lanqas Krixna ma qamu fiżikament mill-qabar. Ġesù biss qam fiżikament mill-mewt, mexa fuq l-ilma, qajjem lil nies oħra mill-mewt, għamel mirakli diversi, u kklejmja li hu Alla nnifsu. Għeleb il-mewt. Biss fil-Kristjaneżmu għandna l-persuna unika ta’ Kristu li saħaq u wera li hu tabilħaqq il-Ħallieq tagħna, Alla nnifsu. Il-mirakli tiegħu huma evidenza qawwija illi hu tabilħaqq divin. Issa li qam mill-mewt, nifhmu għala kklejmja illi hu t-triq li twassal għand il-Missier, kif ukoll il-verità u l-ħajja (Ġwanni 14:6). Ħadd mhu kapaċi jasal għand il-Missier jekk mhux bil-medjazzjoni u l-ħila ta’ Ġesù.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’jagħmel il-Kristjaneżmu uniku?
© Copyright Got Questions Ministries