settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhuma l-aspetti ta’ laqgħa ta’ qima tassew biblika?

Tweġiba


Il-bniedem hu maħluq biex iqim lill-Ħallieq tiegħu. Is-salmista jesprimi din il-verità hekk, “Bħalma għażżiela mlebilba għall-ilma ġieri, hekk ruħi hi mlebilba għalik, o Alla” (Salm 42:1). Ċiċerun, li kien jgħix fl-ewwel seklu q.K, osserva li r-reliġjon, fil-forom diversi tagħha, hi karatteristika universali tal-bniedem. Ladarba il-bnedmin iqimu lil xi ħadd jew lil xi ħaġa, tajjeb nistaqsu: X’inhi l-qima? Lil min, u kif għandna nqimu? X’jikkostitwixxi servizz taʼ qima bibliku? U, l-aktar importanti, aħna aduraturi vera (Ġwanni 4:23) jew aduraturi foloz?

Kristu kkmanda li l-aduraturi veri jqimu ’l Alla fl-ispirtu u fil-verità (Ġwanni 4:24). L-appostlu Pawlu spjega li aħna nqimu bl-Ispirtu t’Alla (Filippin 3:3), jiġifieri l-qima vera tingħata biss minn dawk li huma salvati bil-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, u li għandhom l-Ispirtu s-Santu jgħix fi qlubhom. Il-​qima fl-​ispirtu tirreferi wkoll għall-​attitudni xierqa tal-​qalb, mhux sempliċement li tosserva ​riti u ritwali. Il-qima fil-verità tfisser adorazzjoni skont dak li Alla wera dwaru nnifsu fl-Iskrittura. Sabiex il-qima tagħna tkun biblika, trid tkun taqbel mat-tagħlim ta’ Kristu (2 Ġwanni 1:9; ara wkoll Dewteronomju 4:12; 12:32; Apokalissi 22:18–19). Il-qima vera hi msejsa fuq l-istruzzjonijiet mogħtija fil-Bibbja.

L-Insara fil-knisja tal-ewwel seklu impenjaw ruħhom f’diversi atti ta’ devozzjoni fil-laqgħat tagħhom. Dawn iservuna ta’ mudell sabiex il-qima tagħna tkun tassew biblika: l-Ikla tal-Mulej (Atti 20:7); it-talb (1 Korintin 14:15–16); il-kant għall-glorja t’Alla (Efesin 5:19); l-offerta (1 Korintin 16:2); il-qari tal-Iskrittura (Kolossin 4:16); u l-ippritkar tal-Kelma t’Alla (Atti 20:7).

Il-komunjoni u t-talb ukoll kienu elementi essenzjali tal-laqgħa tal-knisja bikrija. L-Ikla tal-Mulej tfakkar il-mewt ta’ Ġesù sakemm jerġa’ jiġi (1 Korintin 11:25–26). It-talb għandu jkun dirett lil Alla biss (Neħemija 4:9; Mattew 6:9), u skont ir-rieda tiegħu (1 Ġwanni 5:14). It-talb komunitarju huwa importanti għaliex iġib l-għaqda (Ġwanni 17:22-23), l-inkoraġġiment (1 Tessalonikin 5:11) u jħeġġeġ lill-aħwa għall-imħabba u l-għemejjel tajbin (Lhud 10:24).

Il-kant huwa aspett ieħor tal-qima Kristjana. L-appostlu Pawlu jgħidilna biex inkellmu lil xulxin b’salmi, innijiet u kanzunetti spiritwali, inkantaw u ngħannu tifħir minn qalbna lis-Sid (Efesin 5:19). Il-kant ta’ għanjiet spiritwali hu mezz biex nipproklamaw u nitgħallmu l-verità dwar Kristu (Kolossin 3:16).

Parti mill-​qima biblika hija l-offerta, kif l-appostlu Pawlu ta struzzjonijiet lill-​knisja taʼ Korintu: “Issa rigward il-kolletta għall-qaddisin: bħalma dderiġejt lill-knejjes tal-Galazja, hekk ukoll agħmlu intom. Fl-ewwel jum ta’ kull ġimgħa, ħalli kull wieħed minnkom iwarrab u jfaddal kwalunkwe ammont skont kemm jaqla’” (1 Korintin 16:1–2). L-għoti regolari għall-avvanz tal-evanġelju huwa responsabbiltà serja. Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ, u mhux bit-tqanżiħ jew għax imġiegħel (2 Korintin 9:7). Barra minn hekk, l-għotjiet volontarji tal-aħwa huma l-uniku metodu bibliku għall-finanzjament tax-xogħol tal-knisja.

Fl-aħħarnett, il-predikazzjoni u t-tagħlim huma aspetti ewlenin tal-qima vera. It-tagħlim tagħna jrid ikun l-Iskrittura biss – għax il-Bibbja hi l-mezz uniku li tforni lill-Insara għall-ħajja u t-twemmin (2 Timotju 3:16–17). Il-predikatur u l-għalliem ġenwin ixandar biss il-Kelma t’Alla u jserraħ fuq l-Ispirtu t’Alla biex jilħaq l-imħuħ u l-qlub tas-semmiegħa tiegħu. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju, “Ipprietka l-kelma; kun lest fi żmienu u barra minn żmienu; ikkonvinċi, ċanfar, eżorta, b’kull paċenzja u tagħlim” (2 Timotju 4:2). Laqgħa tal-knisja li ma tinkludix il-Kelma t’Alla bħala komponent ewlieni mhix servizz ta’ qima biblika.

Hekk kif insegwu l-mudell tal-qima vera fl-Iskrittura, ejjew inqimu ’l Alla b’ħeġġa kbira. M’għandniex nagħtu l-impressjoni lid-dinja li l-qima t’Alla tagħna hija ritwal tedjanti u bla ħajja. Aħna konna mifdija mid-dnub. Ejja għalhekk infaħħru lill-Ħallieq tagħna bħala wliedu, grati għall-barkiet kostanti tiegħu. “Għaldaqstant, ladarba nirċievu saltna li ma tistax tkun imriegħda, ħa nuru gratitudni, li biha nkunu nistgħu nqimu ’l Alla b’mod aċċettabbli, b’riverenza u timenza” (Ebrej 12:28-29).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhuma l-aspetti ta’ laqgħa ta’ qima tassew biblika?
© Copyright Got Questions Ministries