Mistoqsija
Il-magħmudija neċessarja għas-salvazzjoni?
Tweġiba
It-twemmin li l-magħmudija hi neċessarja għas-salvazzjoni nsibuh bħala “riġenerazzjoni mill-ilma” (jew twelid ġdid bil-magħmudija). Il-konvinzjoni tagħna hi li l-magħmudija hi pass importanti ta’ ubbidjenza għall-Kristjan, però niċħdu bis-saħħa li l-magħmudija hi meħtieġa għas-salvazzjoni. Nemmnu bis-sħiħ li kull Kristjan imissu jkun magħmmed bl-immersjoni. Il-magħmudija tpenġi l-identifikazzjoni tal-fidil fil-mewt, id-difna, u r-resurrezzjoni ta’ Kristu. Rumani 6:3-4 jiddikjara, “Jew ma tafux illi aħna lkoll li konna mgħammdin fi Kristu Ġesù konna mgħammdin f’mewtu? Mela konna midfunin miegħu permezz tal-magħmudija fil-mewt, sabiex bħalma Kristu kien irxoxtat mill-imwiet permezz tal-glorja tal-Missier, hekk ukoll aħna nimxu fit-tiġdid tal-ħajja.” It-tgħaddis fl-ilma hu stampa tal-mew u d-difna ma’ Kristu; it-tlugħ mill-ilma jpenġilna r-resurrezzjoni ma’ Kristu.
Jekk biex insalvaw niddomandaw li xi ħaġa tiżdied mal-fidi, nispiċċaw b’salvazzjoni bbażata fuq l-opri. Jekk inżidu xi ħaġa mal-vanġelu inkunu qed ngħidu li l-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib ma kinitx biżżejjed biex takkwistalna s-salvazzjoni. Meta tgħid illi l-magħmudija hi neċessarja għas-salvazzjoni, tkun qed tgħid li biex il-mewt ta’ Kristu tkun suffiċjenti għas-salvazzjoni tagħna, irridu nżidu l-opri tajba tagħna magħha. Il-mewt ta’ Kristu biss ħallset għal dnubietna (Rumani 5:8; 2 Korintin 5:21). Il-pagament ta’ Ġesù għal dnubietna jgħaddi “fil-kont” tagħna bil-fidi biss (Ġwanni 3:16; Atti 16:31; Efesin 2:8-9). Għaldaqstant, il-magħmudija hi pass t’ubbidjenza importanti wara s-salvazzjoni però ma tistax tkun rekwiżit għas-salvazzjoni.
Veru, hemm xi vrus li donnhom jindikaw li l-magħmudija hi rekwiżit għas-salvazzjoni. Madankollu, billi l-Bibbja tgħidilna biċ-ċar ħafna li s-salvazzjoni nirċevuha bil-fidi biss (Ġwanni 3:16; Efesin 2:8-9; Titu 3:5), bilfors hemm interpretazzjoni aħjar ta’ dawk il-vrus. L-Iskrittura ma tikkontradix l-Iskrittura. Fiż-żminijiet bibliċi, persuna li tikkonverti minn reliġjon għal oħra spiss kienet tkun mgħammda biex il-konverżjoni tkun magħrufa. Il-magħmudija kienet il-mezz fejn wieħed kien jieħdu deċiżjoni pubblika. Dawk li kienu jirrifjutaw il-magħmudija jkunu qed jiddikjaraw li mhux veru emmnu. Allura, fl-imħuħ tal-appostlu u tal-ewwel dixxipli, l-idea ta’ fidil mhux mgħammed lanqas kienet tgħaddilhom minn moħħhom. Meta xi ħadd kien jikklejmja li emmen fi Kristu, iżda kien jistħi jipproklama l-fidi tiegħu fil-pubbliku, kien ikun qed jindika li ma kellux fidi ġenwina.
Kieku l-magħmudija hi neċessarja għas-salvazzjoni, il-għala Pawlu wasal biex qal, “Nirringrazzja ’l Alla illi ’l ħadd minnkom m’għammidt ħlief lil Krispu u ’l Gajju” (1 Korintin 1:14)? Għala qal, “Għax Kristu ma bagħatnix ngħammed, iżda biex inxandar l-evanġelju, mhux b’diskors t’għerf uman, sabiex is-salib tal-Kristu ma jitbattalx minn qawwietu” (1 Korintin 1:17)? Veru, f’dal-passaġġ Pawlu qed jargumenta kontra l-firdiet fil-knisja. Madankollu, kif jista’ jkun li Pawlu jasal jgħid, “Nirringrazzja ’l Alla illi ’l ħadd minnkom m’għammidt,” jew, “Għax Kristu ma bagħatnix ngħammed” kieku l-magħmudija kienet neċessarja għas-salvazjzoni? Li kieku l-magħmudija meħtieġa għas-salvazjzoni, Pawlu litteralment kien ikun qed jgħid, “Nirringrazzja ’l Alla li ma kontux salvati,” u “Għax Kristu ma bagħatnix biex insalva.” Dik kienet tkun dikjarazzjoni redikola u li ma titwemminx fuq fomm Pawlu. Aktar minn hekk, Pawlu jagħtina profil dettaljat ta’ dak li għalih kien il-vanġelu (1 Korintin 15:1-8), għaliex ittraskura milli jsemmi l-magħmudija? Kieku l-magħmudija hi rekwiżit għas-salvazzjoni, kif jista’ jkun li preżentazzjoni tal-vanġelju ma tinkludiex imqar ħjiel tagħha?
Il-magħmudija mhix neċessarja għas-salvazzjoni. Il-magħmudija ma ssalvanix mid-dnub imma minn kuxjenza ħażina. Fl-1 Pietru 3:21, Pietru għallem b’mod ċar li l-magħmudija ma kinitx xi att ċerimonjali ta’ tindif fiżiku, imma pleġġ ta’ kuxjenza tajba lejn Alla. Il-magħmudija hi simbolu ta’ dak li diġà seħħ fil-ħajja ta’ min fada fi Kristu bħala Salvatur (Rumani 6:3-5; Galatin 3:27; Kolossin 2:12). Il-magħmudija hi pass importanti ta’ ubbidjenza li kull Kristjan imissu jieħu. Il-magħmudija ma tistax tkun rekwiżit għas-salvazzjoni. Jekk nagħmluha hekk inkunu qed nopponu l-mewt u r-resurrezzjoni ta’ Ġesù Kristu.
English
Il-magħmudija neċessarja għas-salvazzjoni?