settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif nimmedita fuq il-Kelma t’Alla?

Tweġiba


Il-prattika spiritwali tal-meditazzjoni mhix xi ħaġa unika għall-Kristjaneżmu. Ħafna reliġjonijiet li mhumiex Kristjani u gruppi sekulari jipprattikaw il-meditazzjoni. Madankollu, meta l-Bibbja titkellem dwar il-meditazzjoni, kif spiss tagħmel, mhix qed tirreferi għal dik it-tip ta’ meditazzjoni li tfittex illi titfi, issikket, jew tbattal il-moħħ, bħalma jsir fil-forom ta’ meditazzjoni Buddisti jew Traxxendentali. L-Iskritturi jgħallmu meditazzjoni li b’mod attiv tinvolvi l-moħħ bl-iskop li l-individwu jifhem il-Kelma t’Alla u jpoġġiha fil-prattika. Kif nistgħu nimmeditaw fuq Kelmet Alla b’tali mod li tipproduċi fina ħajja qaddisa u mimlija frott quddiem Alla?

Fid-dinja Ebrajka antika, il-meditazzjoni dejjem kienet tinvolvi l-moħħ u timpenjah. Thomas Watson, ministru Puritan tas-seklu sbatax, iddedika parti kbira minn ħajtu għall-meditazzjoni biblika, kemm billi pprattikaha kif ukoll billi għallem dwarha. Din id-dixxiplina ddeskriviha b’mod xieraq fil-ktieb tiegħu Heaven Taken by Storm bħala “eżerċizzju qaddis tal-moħħ, fejn niftakru fil-veritajiet t’Alla, nixtarruhom bis-serjetà, u napplikawhom għalina nfusna.”

Skont id-definizzjoni ta’ Watson, nistgħu nimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla billi niftakru fil-veritajiet tiegħu. Li tiftakar jitlob minnek li b’mod attiv u b’atttenzjoni terġa’ ġġib quddiem għajnejk mill-memorja dak li taf dwar Alla minn Kelmtu: “Meta niftakar fik fuq soddti nimmedita fuqek fl-għases tal-lejl” (Salmi 63:6). Skont Salm 1:2, il-bniedem imbierek, li jipproduċi l-frott, u ġust, jitgħaxxaq b’Kelmet Alla u “fil-liġi tiegħu jimmedita nhar u lejl.” Dil-meditazzjoni hi kontinwa (“nhar u lejl”) u hi ffokata fuq Kelmet Alla (“il-liġi tiegħu”). Mela, nimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla billi nimlew imħuħna biha nhar u lejl.

Alla sejjaħ lil Ġożwè għal meditazzjoni vigoruża u kontinwa: “Dal-ktieb tal-liġi ma jitbiegħed qatt minn fommok, iżda aħseb fuqu nhar u lejl, biex tosserva kulma hemm miktub fih; għax imbagħad int tirnexxi f’kulma tagħmel, u jkollok ir-risq” (Ġożwè 1:8). Hawnhekk, il-meditazzjoni biblika titwessa’ minn sempliċement ħsieb għad-diskors (“minn fommok”). Il-passaġġ jiddikjara wkoll l-iskop tal-meditazzjoni, ċoè, l-ubbidjenza għall-Kelma t’Alla, li tipproduċi s-suċċess u r-risq quddiem Alla.

Id-deskrizzjoni li Watson jagħti tal-meditazzjoni tinkludi wkoll kontemplazzjoni serja, li tixtarr tal-verità t’Alla. Salm 119:15 jgħid, “Fuq il-preċetti tiegħek se nimmedita u nikkonsidra triqatek.” Allura l-meditazzjoni tinvolvi riflessjoni profonda u studju tal-Kelma t’Alla. Meta naqraw il-Bibbja, qegħdin naqrawha bil-mod u b’attenzjoni? Qegħdin naħsbu fuq it-tifsira tal-kliem u kif dawn għandhom x’jaqsmu ma’ ħajjtina u ma’ ħajjet ħaddieħor? Jekk dan hu l-każ, allura tabilħaqq qegħdin nimmeditaw fuq Kelmet Alla.

Il-meditazzjoni titlob minna l-ħin u sforz. Ma tistax tkun mgħaġġla. Tinvolvi li nirtiraw mid-distrazzjonijiet ta’ dil-ħajja sabiex insammru ħsibijietna fuq Alla u fuq Kelmtu. Filli nagħlqu barra l-istorbju ta’ did-dinja, inkunu aktar nistgħu niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq Alla u nifhmu triqatu: “Għandi aktar dixxerniment mill-għalliema kollha tiegħi, għax it-testimonjanzi tiegħek huma l-meditazzjoni tiegħi” (Salmi 119:99).

Fl-aħħar nett, kif ukoll semma Watson, il-meditazzjoni biblika tfittex li tapplika l-Kelma t’Alla għal ħajjitna. Salm 19:14 ipenġilna dil-verità: “Ħalli l-kliem ta’ fommi u l-meditazzjoni ta’ qalbi jkunu aċċettabbli fil-vista tiegħek, o Sid, blata tiegħi u Feddej tiegħi.” Il-meditazzjoni fuq Kelmet Alla togħġob ’l Alla għaliex tirriżulta fi trasformazzjoni ta’ ħajjitna. Hekk kif naqraw il-verità t’Alla u nitkellmuha, u nixtarruha bis-serjetà, l-Ispirtu s-Santu jagħtina l-abbiltà biex inpoġġu dik l-istess verità fil-prattika. Fil-Filippin 4:8–9, l-appostlu jagħtina din l-istampa mill-isbaħ u kompluta tal-meditazzjoni biblika: “Finalment, l-aħwa, kwalunkwe ħwejjeġ li huma veri, kwalunkwe ħwejjeġ onorabbli, kwalunkwe ħwejjeġ sewwa, kwalunkwe ħwejjeġ safjin, kwalunkwe ħwejjeġ amabbli, kwalunkwe ħwejjeġ ta’ reputazzjoni tajba, jekk hemm xi virtù u jekk hemm xi ħaġa lodevoli, aħsbu fuq dawn il-ħwejjeġ. U kulma tgħallimtu u rċevejtu u smajtu u rajtu fija, dawn ipprattikaw; u Alla tas-sliem ikun magħkom.”

Il-meditazzjoni hi mod kif Kelmet Alla ndaħħluha fina nfusna – inniżluha fil-fond fi qlubna – sabiex l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jaħdem permezz tagħha u jiggwidana, jgħallimna, jippurifikana, u jittrasformana minn ġewwa. Nistgħu nisimgħu l-Bibbja, naqrawha, nimmemorizzaw l-Iskrittura biex tidħol fi mħuħna, però mbagħad jeħtieġ ukoll li nixtarruha kontinwament fi qlubna sabiex nakkwistaw fehma aktar profonda tagħha u kif din tapplika għal ħajjitna.

Hawn erba’ pariri prattiċi kif timmedita fuq il-Kelma t’Alla:

1. Sib ħin u post speċifiku kuljum fejn taħseb li l-anqas se jtellfuk, jew ikollok distrazzjonijiet, sabiex tkun waħdek u timmedita fuq il-Kelma t’Alla.

2. Ibda bit-talb u itlob ’l Alla jgħinek fil-meditazzjoni tiegħek. Tista’ tistaqsi ’l Alla biex jiġbdek eqreb lejh, jiftaħlek għajnejk għall-verità tiegħu, jgħinek tapplika dik il-verità f’ħajtek, u jittrasformak hekk kif timmedita fuq il-Kelma t’Alla.

3. Agħżel porzjon żgħir mill-Iskrittura. Aħseb xi jfisser il-passaġġ. Studja fil-fond biex tifhmu fil-kuntest. Ħu noti. Staqsi mistoqsijiet. Immemorizza l-passaġġ jew parti minnu. Staqsi ’l Alla x’irid jgħidlek permezz ta’ dak it-test.

4. Ikkunsidra l-mod kif tista’ tapplika l-passaġġ f’ħajtek b’modi prattiċi, u itlob ’l Alla jgħinek biex tibqa’ tteraq fl-ubbidjenza għal dak li jurik.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif nimmedita fuq il-Kelma t’Alla?
© Copyright Got Questions Ministries