Mistoqsija
Il-Bibbja xi tgħid dwar l-oppressjoni demonika?
Tweġiba
L-evidenza biblika lil Kristjan ma jistax ikun ippossedut minn demonju hija ċara u qawwija. Allura tinbet il-mistoqsija dwar l-influwenza li jista’ jkollu demonju fuq Kristjan. Ħafna għalliema tal-Bibbja, biex jiddistingwu mill-possessjoni demonika, jiddeskrivu l-influwenza demonika fuq Kristjan bħala “oppressjoni demonika”. Il-Bibbja tgħid li x-xitan qed ifittex li jiddevora lill-fidili (1 Pietru 5:8), u Satana u d-demonji tiegħu qed “inassu” kontra l-Kristjani (Efesin 6:11). Bħalma Satana pprova jagħmel ma’ Ġesù (Luqa 4:2), il-forzi demoniċi jħajjruna għad-dnub u jopponu l-isforzi tagħna biex nobdu ’l Alla. Jekk Kristjan jippermetti lil dawn id-demonji joħorġu vittorjużi f’dawn l-attakki, dak li jirriżulta huwa l-oppressjoni.
L-oppressjoni demonika hi meta demonju joħroġ rebbieħ għal xi żmien fuq Kristjan, jirnexxielu jittantah u jwaqqgħu fid-dnub, u jfixklu milli jservi ’l Alla b’testimonjanza qawwija. Jekk Kristjan jippermetti l-oppressjoni demonika f’ħajtu, l-oppressjoni kapaċi tiżdied sal-punt fejn id-demonju jgawdi influwenza qawwija fuq il-ħsibijiet, l-imġieba, u l-ispiritwalità tal-Kristjan. Dawk il-Kristjani li jħallu d-dnub għaddej kontinwament f’ħajjithom ikunu qed jiftħu lilhom infushom beraħ għal oppressjoni akbar u akbar. Biex tkun restawrata xirka m’Alla, dak li kapaċi jkisser il-qawwa tal-influwenza demonika, l-istqarrija tad-dnub u l-indiema huma neċessarji. L-appostlu Ġwanni jagħtina inkuraġġiment sod f’dan il-qasam: “Nafu illi kull min hu mwieled minn Alla ma jkomplix jidneb, iżda l-imnissel minn Alla jżomm lilu nnifsu, u l-Ħażin ma jmissux” (1 Ġwanni 5:18).
Għall-Kristjan, il-qawwa għar-rebħa fuq l-oppressjoni demonika dejjem hi disponibbli. Ġwanni jiddikjara, “Ikbar min hu fikom milli min hu fid-dinja” (1 Ġwanni 4:4). Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina (Rumani 8:9) hi dejjem disponibbli biex negħlbu l-oppressjoni demonika. Ebda demonju, lanqas Satana nnifsu, ma jirnexxielu jżomm Kristjan lura milli jċedi għall-Ispirtu s-Santu, u b’hekk il-Kristjan jirbaħ fuq kwalunkwe u kull oppressjoni demonika. Pietru jħeġġeġ lill-fidili sabiex jirreżistu lix-xitan, “sodi fil-fidi” (1 Pietru 5:9). Li tkun sod jew ferm fil-fidi jfisser li tistrieħ fuq il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex tirreżisti b’suċċess l-influwenza demonika. Il-fidi tinbena permezz tal-użu tad-dixxiplini spiritwali fosthom li titma’ ’l ruħek bil-Kelma t’Alla, li titlob regolarment, kif ukoll li tgawdi xirka mal-qaddisin t’Alla. Meta nsaħħu l-fidi tagħna b’dawn il-mezzi nkunu kapaċi ngħollu t-tarka tal-fidi li biha jirnexxielna “nitfu l-vleġeġ l-imqabbdin kollha tal-Ħażin” (Efesin 6:16).
English
Il-Bibbja xi tgħid dwar l-oppressjoni demonika?