Mistoqsija
Kristjan jista’ u għandu jkollu passatempi?
Tweġiba
Id-dizzjunarju ta’ Webster jiddefinixxi passatemp bħala “l-insegwiment u l-ingaġġar f’attività, barra mis-sejħa personali, għar-rilassament.” Alla jaf li minn żmien għal żmien neħtieġu nirrilassaw ruħna u sempliċement nieħdu ftit tal-gost, però hemm bżonn li jkollna pjaċiri nodfa u qaddisa, mhux pjaċiri mondani u midinba. Allura ħażin li Kristjan ikollu passatemp? Mhux neċessarjament. Il-passatempi fihom infushom la huma tajbin u lanqas ħżiena. Is-sigriet huwa l-attitudni tal-persuna li qed tipparteċipa fil-passatemp.
Pawlu kiteb hekk, “U kull ħaġa kwalunkwe li tagħmlu, sew bil-kelma jew fl-att, agħmlu kollox f’isem is-Sid Ġesù, filwaqt li tirringrazzjaw ’l Alla l-Missier permezz tiegħu” (Kolossin 3:17). Kiteb ukoll, “Mela, sew jekk tieklu jew tixorbu jew kwalunkwe ħaġa oħra li tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja t’Alla” (1 Korintin 10:31). Il-barometru veru għall-passatempi tagħna jmissu jkun jekk dawn jigglorifikawx lil Alla jew le, jekk narawhomx bħala rigali minn Alla li għalihom nirringrazzjawh jew le, u jekk idawrulniex l-attenzjoni tagħna lil hinn minnu jew le. Illum, ħafna mid-divertiment tagħna għandu għeruqu fid-dnub, isebbħu u jitma’ l-leblieba tal-laħam u x-xenqa tal-għajnejn. Irridu noqogħdu b’seba’ għajnejn li l-passatempi tagħna mhumiex imnissla u mitmugħa mid-dnub.
Il-passatempi jkunu ħżiena jekk infittxuhom biex naħarbu minn Alla jew nagħmluhom b’attitudni ħażina. Nistgħu nipparteċipaw f’attivitajiet sportivi u ngawdu l-ħbiberija u l-eżerċizzju li dawn jipprovdu. Iżda jekk in-natura kompetittiva tagħna ġġegħilna nitkellmu ħażin meta nitilfu jew nilagħbu ħażin, jekk nisirqu fil-punteġġ, jew jekk nibdew naraw l-opponenti tagħna bħala għedewwa, allura dak ħażin u mhux ta’ ġieħ lil Alla. L-attivitajiet sportivi fihom infushom mhumiex ħżiena, però l-parteċipazzjoni tagħna fihom issir midinba minħabba l-attitudnijiet tagħna u kif navviċinawhom. Però jekk ingawduhom b’attitudni ta’ ringrazzjament lil Alla u l-parteċipazzjoni tagħna ma ttappanx ir-relazzjoni tagħna miegħu, allura l-isport jew il-passatemp ikun influwenza pożittiva f’ħajjitna.
It-tentazzjoni fil-passatempi hi li nużawhom biex naħarbu mill-ħajja u konsegwentement minn Alla. Jistgħu jisirqulna l-ħin, isiru idoli f’ħajjitna, u jfixkluna fl-impenn regolari tagħna biex nigglorifikaw ’l Alla f’kollox. Fi Kristu għandna libertà meraviljuża, però Pawlu offra din it-twissija: “Għax intom kontu msejħin għal-libertà, l-aħwa; biss taqilbux il-libertà tagħkom f’okkażjoni għal-laħam, iżda aqdu ’l xulxin bl-imħabba” (Galatin 5:13). Ilkoll nafu xi wħud li jaduraw l-isports u jaraw it-televiżjoni għal sigħat sħaħ, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa. Aktar jafu r-riżultati tal-logħob milli vrus mill-Iskrittura, aktar familjari ma’ ħajjet l-atleti professjonali milli ma’ ħajjet Kristu. B’mod ċar, dan hu żbaljat u ma jogħġobx lil Alla.
Għal darb’ oħra, il-passatempi mhumiex neċessarjament ħżiena, imma meta jaħkmuna u jneħħulna ħarsitna minn fuq Kristu, imbagħad ċertament li huma ħżiena. Anke l-aktar passatempi innoċenti li jikkonsmawna huma piż żejjed li rridu nwarrbu fil-ġenb għaliex iżommuna lura fit-tiġrija tagħna, li hi l-ħajja Kristjana (Ebrej 12:1). Test tajjeb huwa dan: dal-passatemp kemm huwa importantri għalija? Il-Mulej waħdu biżżejjed? Li kieku jitteħidli, nibqa’ kuntent bi Kristu. Allura, iva, il-Kristjani jistgħu jkollhom passatempi, però rridu nkunu ċerti illi qatt ma jieħdu post Kristu. Din hi t-tentazzjoni, u rridu naċċertaw ruħna li nevitawha.
English
Kristjan jista’ u għandu jkollu passatempi?