Mistoqsija
X’inhi l-predestinazzjoni?
Tweġiba
Fir-Rumani 8:29-30 naqraw, “U nafu illi kollox jaħdem flimkien għall-ġid ta’ dawk li jħobbu ’l Alla, għal dawk li huma msejħin skont l-għan tiegħu. Għax lil min kien jafhom minn qabel, ukoll ippredestinahom biex ikunu kkonformati mal-immaġni ta’ Ibnu, ħalli jkun hu l-primoġenitu fost ħafna aħwa.” Efesin 1:5 u 11 jiddikjaraw, “Ippredestinana għall-adozzjoni bħala wliedu, permezz ta’ Ġesù Kristu għalih innifsu, skont l-intenzjoni tajba tar-rieda tiegħu… Fih ukoll konna magħmulin werrieta, billi konna ppredestinati skont il-pjan ta’ dak li jopera kollox skont l-għan tar-rieda tiegħu.” Huma ħafna dawk li għandhom ostilità qawwija kontra d-dottrina tal-predestinazzjoni. Madankollu, il-predestinazzjoni hija dottrina biblika. Is-sigriet hu li nifhmu xi tfisser il-predestinazzjoni, skont il-Bibbja.
Fl-Iskrittura, il-kelmiet tradotti “predestinati”, kif inhuma fil-vrus li għadna kif ikkwotajna ġejjin mill-kelma Griega proorizo, li tfisser “tiddetermina minn qabel,” “taħtar,” “tiddeċiedi bil-quddiem.” Mela, il-predestinazzjoni hi li Alla ddetermina minn qabel li ċerti ħwejjeġ għandhom jiġru. X’inhu dak li Alla ddetermina minn qabel? Skont ir-Rumani 8:29-30, Alla ddetermina minn qabel li xi individwi kienu se jkunu kkonformati mal-immaġni t’Ibnu, jissejħu, ikunu ġustifikati u gglorifikati. Insibu numru kbir ta’ skritturi li jirreferu għall-fidili fi Kristu bħala dawk li ġew magħżulin (Mattew 24:22, 31; Marku 13:20, 27; Rumani 8:33, 9:11, 11:5-7, 28; Efesin 1:11; Kolossin 3:12; 1 Tessalonkin 1:4; 1 Timotju 5:21; 2 Timotju 2:10; Titu 1:1; 1 Pietru 1:1-2, 2:9; 2 Pietru 1:10). Il-predestinazzjoni hi dik id-dottrina biblika dwar Alla li fis-sovranità tiegħu għażel lil ċerti individwi għas-salvazzjoni.
Il-predestinazzjoni hija dottrina espliċitament biblika. Madankollu d-deċiżjoni tal-predestinazzjoni mhix separata mill-kumplament tal-karattru immutabbli t’Alla (Malakija 3:6). Hija konnessa mal-għarfien minn qabel tiegħu (Rumani 8:29, 11:2), ma’ mħabbtu (Efesin 1:4-5), u mal-pjan u l-għoġba tiegħu (Efesin 1:5). Alla jixtieq li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu għall-indiema (1 Timotju 2:4, 2 Pietru 3:9). Il-predestinazzjoni hija personali u relazzjonali, mhux kapriċċjuża.
L-aktar oġġezzjoni komuni għad-dottrina tal-predestinazzjoni hi li din mhix fer. Il-għala Alla jagħżel xi wħud u mhux oħrajn? Irridu niftakru li ħadd ma jistħoqqlu jkun salvat. Ilkoll dnibna (Rumani 3:23) u lkoll jixraqilna l-kastig etern (Rumani 6:23). B’riżultat ta’ dan, Alla jkun perfettament ġust kieku jħallina lkoll inqattgħu l-eternità fl-infern. Madankollu, Alla jagħżel li jsalva ’l xi wħud minna. Mhuwiex qed ikun inġust ma’ dawk li mhumiex magħżula, għaliex dawn jirċievu dak li ħaqqhom. Il-fatt li Alla jagħżel li juri l-grazzja tiegħu lil xi wħud ma jfissirx li qed ikun inġust mal-oħrajn. Ħadd ma jistħoqqlu xejn mingħand Alla; għaldaqstant, ħadd ma jmissu joġġezzjona li mhu jirċievi xejn mingħandu. Illustrazzjoni tajba hi ta’ raġel li jagħti l-flus lil ħamsa min-nies fost folla t’għoxrin. Tgħid il-ħmistax li ma rċevewx flus jirrabjaw? Probabbilment. Imma għandhom dritt jirrabjaw? Lanqas xejn! Għaliex? Għax ir-raġel ma kienx midjun magħhom. Sempliċement iddeċieda jkun grazzjuż ma’ xi wħud.
Jekk Alla qed jagħżel lil min isalva, allura dan ma jimminax ir-rieda ħielsa tagħna li nagħżlu u nemmnu fi Kristu? Il-Bibbja tgħid li lkoll għandna għażla – dawk kollha li jemmnu fi Kristu jkunu salvati (Ġwanni 3:16; Rumani 10:9-10). Il-Bibbja qatt ma tiddeskrivi lil Alla qed jirriġetta lil xi ħadd li emmen fih jew ikeċċi ’l xi ħadd li qed ifittxu (Dewteronomju 4:29). Il-veritajiet tal-predestinazzjoni sovrana u r-responsabbiltà tal-bniedem ma jeskludux lil xulxin. B’xi mod, il-predestinazzjoni taħdem id f’id mal-persuna li tinġibed minn Alla (Ġwanni 6:44) u temmen għas-salvazzjoni (Rumani 1:16). Alla jippredestina ’l dawk li jsalvaw, u aħna rridu nagħżlu lil Kristu biex insalvaw. Iż-żewġ fatti huma veri indaqs. Rumani 11:33 jipproklama, “O, il-fond tal-għana kemm tal-għerf kif ukoll tat-tagħrif t’Alla!”
English
X’inhi l-predestinazzjoni?