settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi jmissna nitgħallmu mill-istorja tar-raġel għani u Lazzru li hemm f’Luqa 16?

Tweġiba


F’Luqa 16:19-31 insibu rakkont dwar raġel għani li għex ħajja ta’ lussu estrem. Issa, mixħut barra x-xatba tad-dar tar-raġel għani, kien hemm raġel fqir ħafna jismu Lazzru li kien jikkuntenta ruħu mqar “bil-loqom li kienu jaqgħu mill-mejda tal-għani” (v. 21). L-għani kien idifferrenti għalkollox għall-qagħda mwiegħra ta’ Lazzru, u ma wrieh ebda mħabba, simpatija, jew kumpassjoni. Eventwalment, it-tnejn mietu. Lazzru mar il-ġenna, u r-raġel għani mar l-infern. Dan, ressaq appel quddiem “Missierna Abraħam” fil-ġenna, jitolbu biex forsi Lazzru jintbagħt biex iberridlu lsienu b’qatra ilma u jtaffilu “l-agunija tiegħu f’dik il-fjamma.” L-għani talab ukoll lil Abraħam sabiex jibgħat lil Lazzru lura fid-dinja biex iwissi ’l ħutu forsi dawn jindmu u ma jispiċċawx miegħu fl-infern. Iż-żewġ talbiet ma ntlaqgħux. Abraħam qal lill-għani li ladarba ħutu m’emmnux fl-Iskrittura, ma kinux se jisimgħu minn messaġġier, anke jekk dan jirxoxta mill-mewt.

Hemm ftit dubju jekk din l-istorja hix storja vera li ġrat inkella parabbola, billi ż-żewġ karattri msemmija b’isimhom (u dan jagħmilha unika fost il-parabboli). Insomma, parabbola jew mhix, xorta waħda hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu minn dal-passaġġ.

L-ewwel nett, Ġesù jgħallem li l-ġenna u l-infern it-tnjen postijiet reali, u litteri. B’niket, ninnotaw bosta predikaturi li jistħu u jaħarbu minn suġġetti skomdi bħalma hu l-infern. Xi wħud saħansitra jgħallmu dak li nsibuh bħala “universaliżmu” – it-twemmin li kulħadd se jmur il-ġenna. Però Kristu kemm-il darba tkellem dwar l-infern, l-istess għamlu Pawlu, Pietru, Ġwanni, Ġuda, u l-awtur tal-epistola lill-Ebrej. Il-Bibbja ċara li kull bniedem li għex se jqatta’ l-eternità jew fil-ġenna jew fl-infern. Bħar-raġel għani tal-istorja, numru kbir ta’ nies illum huma sodisfatti fihom infushom fil-konvinzjoni tagħhom li kollox sew għal ruħhom, u ħafna għad jisimgħu lis-Salvatur jgħidilhom xi ħaġa differenti meta jmutu (Mattew 7:23).

Dar-rakkont ipenġilna wkoll l-istampa li meta naqsmu l-orizzont etern, daqshekk. Ma jifdalx aktar ċansijiet. It-transizzjoni għall-istat etern isseħħ fil-mument li mmutu (2 Korintin 5:8; Luqa 23:43; Filippin 1:23). Meta l-fidilli jmutu, isibu ruħhom f’xirka konxja u fl-hena tal-ġenna. Meta l-infidili jmutu l-stess, se jsibu ruħhom fi stat konxju ta’ pwieni, sofferenzi, u turment fl-infern. Innota kif l-għani ma talabx li ħutu jitolbu għall-ħelsien tiegħu minn xi post bejn il-ġenna u l-infern, xi purgatorju, biex iħaffulu jew jiffaċilitawlu l-vjaġġ tiegħu lejn il-ġenna. Kien jaf li jinsab fl-infern, u anke r-raġuni għala kien hemm. Għalhekk dak li talab kien biex sempliċement ikun imfarraġ u biex tintbagħt twissija lil ħutu. Kien jaf li ma kien hemm ebda ċans li jaħrab minn fejn kien. Kien eternament isseparat minn Alla, u Abraħam għamilhielu ċara li ma kien hemm ebda tama li xi darba l-uġigħ, it-tbatija, jew id-dulur tiegħu kienu se jittaffew. In-nies fl-infern se jiftakru perfettament l-opportunitajiet kollha li tilfu u r-rifjut tagħom tal-vanġelu.

Bħal ħafna li llum jibilgħu “l-vanġelu tal-prosperità” l-għani kkunsidra r-rikkezzi materjali tiegħu bħala evidenza tal-imħabba u l-barka t’Alla. Bl-istess mod, emmen li l-fqir u l-magħkus, Lazzru, kien misħut minn Alla. Però, kif Ġakbu jgħidilna; “Għextu fil-lussu fuq l-art u tbahardejtu; ħaxxintu qlubkom f’jum ta’ tbiċċir” (Ġakbu 5:5). Mhux talli ma jdaħħlu l-ħadd il-ġenna, ir-rikkezzi għandhom is-setgħa li jisseparaw l-individwu minn m’Alla b’tali mod li ftit ħwejjeġ oħra kapaċi jagħmlu l-istess. Ir-rikkezzi jqarrqu (Marku 4:19). Mhuwiex impossibbli li xi ħadd sinjur jidħol il-ġenna (bosta eroj tal-Bibbja kienu sinjuri), però l-Iskrittura hi ċara li jkun diffiċli ħafna (Mattew 19:23-24; Marku 10:23-25; Luqa 18:24-25).

Is-segwaċi veri ta’ Kristu ma jiġux jaqgħu u jqumu mill-qagħda mwiegħra tal-fqir, bħar-raġel għani fl-istorja. Alla jħobb lill-fqar u jkun offiż meta wliedu jittraskurawhom (Proverbji 17:5; 22:9, 22-23; 29:7; 31:8-9). Fil-fatt, dawk li jħennu għall-fqir fir-realtà jkun qed iservu lil Kristu nnifsu (Mattew 25:35-40). Il-Kristjani jingħarfu mill-frott li jipproduċu. Bla dubju l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fi qlubna żgur se tħalli impatt fuq kif ngħixu u x’nagħmlu.

Kliem Abraħam f’versi 29 u 31, b’referenza għal to “Mosè u l-Profeti” (l-Iskrittura), jikkonfermaw illi meta nifhmu l-Kelma rivelata t’Alla l-inkredulità tagħna tinbidel f’fidi. (Ebrej 4:12; Ġakbu 1:18; 1 Pietru 1:23). Aktar minn hekk, jekk inkunu nafu l-Iskrittura, se nkunu megħjuna nifhmu li wlied Alla, bħal Lazzru, jista’ jkun li jbatu waqt li jinsab fuq l-art – it-tbatija hi waħda mill-ħafna konsegwenzi traġiċi tal-fatt li qed ngħixu f’dinja midinba u mwaqqa’.

Il-Bibbja tgħid li ħajjitna fuq din l-art qisha “sempliċement ċpar li jidher għal ftit u mbagħad jisparixxi” (Ġakbu 4:14). Is-soġġorn tagħna fuq din l-art hu eċċessivament qasir. Forsi l-aktar tagħlima importanti f’din il-ġrajja, mela hi, li meta l-mewt tiġi tħabbtilna il-bieb ikun hemm ħaġa waħda biss ta’ valur: ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù Kristu. “Għax x’se jiswielu bniedem, jekk jiggwadanja d-dinja kollha, imma mbagħad jirvina r-ruħ tiegħu?” (Mattew 16:26; Marku 8:36). Il-ħajja eterna tinsab biss fi Kristu. “Alla tana l-ħajja eterna, u dil-ħajja hi f’Ibnu. Min għandu l-Iben għandu l-ħajja; min m’għandux lil Bin Alla m’għandux il-ħajja” (1 Ġwanni 5:11-12). Il-verità hi, li jekk waqt li qegħdin fuq l-art nixtiequ ngħixu maqtugħin minn Alla, hu se jaqtalna xewqitna għall-eternità wkoll. Kif qal tajjeb ħafna ċertu wieħed predikatur, “Jekk titla’ fuq il-ferrovija tal-inkredulità, ikollok tibqa’ fuqha sal-aħħar destinazzjoni tagħha.”

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi jmissna nitgħallmu mill-istorja tar-raġel għani u Lazzru li hemm f’Luqa 16?
© Copyright Got Questions Ministries