Mistoqsija
Xi tfisser li m’hemm l-ebda kundanna għal dawk fi Kristu Ġesù (Rumani 8:1)?
Tweġiba
Waħda mill-isbaħ veritajiet tal-Iskrittura nsibuha fir-Rumani 8:1: “Għalhekk issa m’hemm l-ebda kundanna għal dawk fi Kristu Ġesù.”
Fl-epistola tiegħu lir-Rumani, Pawlu jippreżenta l-importanza tal-aħbar it-tajba ta’ Ġesù Kristu (Rumani 1:16–17). Neħtieġu din l-aħbar tajba għaliex il-bnedmin kollha, fi dnubiethom, jinsabu taħt kundanna (Rumani 1:18–3:20). Imbagħad, Pawlu jispjega l-vanġelu (Rumani 3:21–4:25) u xi jfisser li ma tibqax aktar taħt il-kundanna, filwaqt li jiddeskrivi l-implikazzjonijiet li nkunu dikjarati ġusti minn Alla (Rumani 5–8). Jikkonkludi dis-sezzjoni tal-epistola billi jafferma li l-ġustizzja mogħtija minn Alla hi għal dejjem u jasserixxi wkoll li issa m’hemmx aktar kundanna għal dawk fi Kristu Ġesù (Rumani 8:1). Pawlu jżid ukoll eżempju tal-affidabbilità t’Alla (Rumani 9–11) u jisfida lill-fidili biex iġibu ruħhom b’manjiera konsistenti mal-pożizzjoni ġdida tagħhom, waħda ta’ ġustizzja fi Kristu (Rumani 12–16).
Il-bżonn għas-salvazzjoni hu bżonn universali minħabba l-konnessjoni tagħna m’Adam u ma’ dnubu. Adam waqa’, in-natura tiegħu saret midinba, u l-umanità kollha ġġorr l-immaġni u x-xebħ tiegħu (Ġenesi 5). Il-bnedmin kollha mwielda minn Adam min-natura huma taħt il-kundanna u maqtugħin minn Alla bħalma kien Adam (Rumani 5:12–15). Però Pawlu jispjega kif dawk li emmnu fi Kristu issa pożizzjonalment jinsabu fi Kristu. Huma ġustifikati, iddikjarati ġusti, bil-grazzja permezz tal-fidwa li hi fi Kristu (Rumani 3:24), u issa huma ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù (Rumani 6:11). Għandhom il-ħajja eterna (Rumani 6:23). F’post ieħor, Pawlu jenfasizza li l-persuna li emmnet f’Ġesù issa għandha wkoll identità ġdida fi Kristu (Efesin 1:3–14). Fejn qabel kien hemm il-kundanna minn Alla, issa hemm il-ġustifikazzjoni minn Alla. Issa m’hemm l-ebda kundanna għal dawk fi Kristu Ġesù.
Il-pożizzjoni ġdida tal-fidili, milqugħa bil-grazzja permezz tal-fidi (Efesin 2:8–9), ma tistax tinbidel jew tittieħed lura. Ladarba Alla jiddikjara lil xi ħadd bħala ġust, ħadd ma jista’ bir-raġun jakkuża lill-persuna jew jikkundannah ġustament (Romans 8:31–34). Issa m’hemm l-ebda kundanna għal dawk fi Kristu Ġesù. Meta Ġesù miet fuq is-salib, ħa l-kundanna tagħna fuqu nnifsu; ħa l-kastig li kien dovut lilna lkoll (1 Pietru 3:18). Dawk kollha li jemmnu fih għandhom il-ħajja eterna (Ġwanni 6:47) u m’għadhomx aktar ikkundannati minn Alla.
Tajjeb ninnotaw li l-Verżjoni Awtorizzata, kif ukoll xi traduzzjonijiet oħra, fihom klawżola addizzjonali fir-Rumani 8:1: “Li jimxu mhux skont il-laħam, iżda skont l-Ispirtu.” Fil-kuntest, Pawlu jispjega kif dawk li emmnu fi Kristu huma dawk li jimxu fl-Ispirtu, u l-evidenza ta’ dan hu li għadnhom fihom l-Ispirtu t’Alla (Rumani 8:9). Anke kieku l-kliem miżjud tal-Verżjoni Awtorizzata mhumiex oriġinarjament f’vers 1, l-istess verità (li nimxu fl-Ispirtu) hi mwassla lilna fir-Rumani 8:4 u fir-Rumani 8:9. Dawk li “jimxu fl-Ispirtu” huma dawk “fi Kristu”; dawn żewġ modi kif niddeskrivu l-istess ħaġa. Fi kliem ieħor, l-istqarrija fir-Rumani 8:1 li issa m’hemm l-ebda kundanna għal dawk fi Kristu mhix kondizzjonali. Ladarba persuna temmen fi Kristu, hu jinsab fi Kristu, u ma jista’ qatt ikun mifrud mill-imħabba ta’ Kristu, kif jispjega Pawlu fir-Rumani 8:38–39. Ebda ħliqa (u dan jinkludi l-individwu nnifsu) ma tista’ tifred lil xi ħadd mill-imħabba t’Alla li hi fi Kristu. Meta Pawlu jafferma li issa m’hemm l-ebda kundanna għal dawk fi Kristu Ġesù (Rumani 8:1), nistgħu nkunu kunfidenti tal-pożizzjoni sikura tagħna fi Kristu.
English
Xi tfisser li m’hemm l-ebda kundanna għal dawk fi Kristu Ġesù (Rumani 8:1)?