settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi sola Scriptura?

Tweġiba


Sola Scriptura tfisser illi l-fidi u l-imġiba tagħna għandhom ikunu msejsin fuq l-Iskrittura bħala l-ogħla awtorità għall-knisja. Wieħed jista’ jargumenta illi sola Scriptura mhijiex imsemmija direttament fl-Iskrittura. Hekk jagħmlu l-Kattoliċi. Iżda jonqsu milli jirrikonoxxu kustjoni importanti u kruċjali. Nafu illi l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla. Il-Bibbja tiddikjara lilha nfisha bħala messaġġ li ħareġ minn fomm Alla, bla żball, u supremament awtorevoli. Nafu wkoll illi Alla ma jibdilx ħsiebu u lanqas jikkontradixxi lilu nnifsu. Għalhekk, filwaqt li l- Bibbja nfisha ma targumentax espliċitament u direttament favur sola Scriptura, definittivament ma tħalli ebda tradizzjoni tikkontradixxi l-messaġġ tagħha. Sola Scriptura mhijiex kontra t-tradizzjoni; hi argument kontra dottrini kontradittorji għall-Bibbja jew li ma jinstabux fiha. L-uniku mod kif tkun taf fiċ-ċert x’jirrekjiedi Alla minna hu illi tkun fidil għal kulma rrivelalna hu fil-Bibbja Mqaddsa. Nistgħu nkunu nafu, lil hinn minn kull dubju, illi l- Iskrittura hi vera, supremament awtorevoli u affidabbli (ċoè, ta’ min jafdaha). Ma jistax jingħad l-istess għat-tradizzjoni.

Il-Kelma t’Alla hi l-awtorità finali u infallibbli għall-fidi Kristjana. It-tradizzjonijiet huma validi biss dment illi jikkonformaw, jew jaqblu, mal-Iskrittura. It-tradizzjonijiet illi jikkontradixxu l-Bibbja mhumiex mingħand Alla, u allura mhumiex aspett validu tal-fidi Nisranija. Sola Scriptura hi l-uniku mod kif tiġi evitata s-soġġettività milli tieħu prijorità fuq it-tagħlim tal-Iskrittura. L-essenza ta’ sola Scriptura hi illi tibbaża l-ħajja spiritwali tiegħek fuq il-Bibbja biss, u allura tirriġetta kwalunkwe tradizzjoni jew tagħlim li ma jaqbilx magħha. “Ħabrek biex tippreżenta lilek innifsek quddiem Alla bħala wieħed approvat, ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jittratta b’akkuratezza l-kelma tal-verità” (2 Timotju 2:15).

Il-prinċipju ta’ sola Scriptura ma jġibx fix-xejn il-konċett ta’ tradizzjoni fil-knisja. Aktar jagħtina pedament solidu fuq xiex nibbażaw it-tradizzjonijiet ekkleżjastiċi. Hemm ħafna prattiċi, kemm fil-Kattoliċeżmu kif ukoll fil-Protestantiżmu, illi huma riżultat ta’ tradizzjonijiet, u mhumuex it-tagħlim espliċitu tal-Bibbja. Huwa tajjeb, anzi neċessarju, illi l- knisja jkollha tradizzjonijiet. It-tradizzjonijiet iwettqu rwol importanti biex jikkjarifikaw u jorganizzaw il-prattika Nisranija. Fl-istess ħin, biex dawn it-tradizzjonijiet ikunu validi, m’għandhomx ikunu jikkontradixxu l-Bibbja, jew ma jinstabux fiha. Iridu jkunu msejsa fuq il-pedament solidu tat-tagħlim ispirat tal-Bibbja. Il-problema fil-Knisja Kattolika Rumana u bosta knejjes oħra hi illi jibbażaw it-tradizzjonijiet fuq it-tradizzjonijiet li huma bbażati fuq tradizzjonijiet, li huma bbażati fuq tradizzjonijiet, sikwit bit-tradizzjoni inizjali ma tkunx f’armonija sħiħa mal-Bibbja. Minħabba f’hekk id-dixxipli ta’ Ġesù bilfors iridu jmorru lura għal sola Scriptura, il-Kelma awtorevoli u finali t’Alla, bħala l-unika bażi solida għall-fidi u l-prattika tagħna.

Fuq livell prattiku, oġġezzjoni spissa għall-konċett ta’ sola Scriptura hu l-fatt illi l-qanun tal- Bibbja ma ntlaħaqx qbil sħiħ dwaru għal tal-inqas 250 sena wara li bdiet il-knisja tal-Patt il- Ġdid. Aktar minn hekk, l-Iskritturi ma kinux għad-dispożizzjoni tal-massa tan-nies għal aktar minn 1,500 sena wara li ġiet stabilita l-knisja. Mela kif setgħu l-Insara bikrija jużaw sola Scriptura, meta lanqas biss kellhom l-Iskritturi kollha? U kif setgħu l-Kristjani, li għexu qabel l-invenzjoni tal-istamperija, jibbażaw il-fidi u l-imġiba tagħhom fuq l-Iskrittura waħidha jekk ma kellhom ebda opportunità biex jakkwistaw kopja kompluta tal-Bibbja għalihom infushom? Il-kustjoni hi aktar ikkomplikata bir-rata għolja ta’ illitteriżmu matul l-istorja. Bħala nies li nemmnu f’sola Scriptura, kif nistgħu nwieġbu għal dawn l- oġġezzjonijiet?

Il-problema f’dawn l-argumenti hi essenzjalment din: qed jassumu li l-awtorità tal-Bibbja hi bbażata fuq kemm hi disponibbli għall-poplu. Dan mhuwiex il-każ. L-awtorità tal-Bibbja hi universali, għax hi Kelmet Alla, bl-awtorità suprema tiegħu. Il-fatt li l-Iskrittura ma kinitx faċilment disponibbli, jew li n-nies ma kinux kapaċi jaqrawha, ma jibdilx il-fatt li l-Iskrittura hi Kelmet Alla. Aktar minn hekk, aktarx milli dan iservi bħala argument kontra sola Scriptura, hu attwalment argument għal x’messha għamlet il-knisja, minflok x’attwalment għamlet. Il-knisja bikrija messha għamlitha l-prijorità tagħha illi tipproduċi kemm jista’ jkun kopji tal-Bibbja. Filwaqt li ma kinitx ħaġa realistika illi kull Kristjan jippossiedi kopja sħiħa tal-Bibbja, kien possibbli għal kull kongregazzjoni illi jkollha xi partijiet, jew il-parti l-kbira tal-Bibbja, jew kollha kemm hi. Il-mexxejja bikrija tal-knisja messhom għamlu l-istudju tal- Iskrittura l-ogħla prijorità tagħhom, biex hekk jgħallmuha b’akkuratezza. Imqar jekk l- Iskritturi ma setgħux ikunu f’idejn kulħadd, almenu l-mexxejja tal-knisja setgħu jkunu mħarrġa sew fil-Kelma t’Alla. Minflok ma bnew tradizzjonijiet fuq tradizzjonijiet u għaddewhom minn ġenerazzjoni għall-oħra, il-knisja messha kkopjat l-Iskritturi wisq iżjed u għallmithom (2 Timotju 4:2).

Għal darb’ oħra t-tradizzjonijiet mhumiex il-problema. Tradizzjonijiet antibibliċi huma l- problema. Kemm kienu disponibbli l-Iskritturi matul is-sekli ma kienx il-fattur determinanti. L-Iskritturi nfushom huma l-fattur determinanti. Issa għandna l-Iskritturi faċilment disponibbli għalina. Bl-istudju għaqli tal-Kelma t’Alla, huwa ċar illi ħafna tradizzjonijiet tal- knisja li żviluppaw matul is-sekli huma difatti kontradittorji għall-Kelma t’Alla. Jeħtieġ napplikaw il-prinċipju ta’ sola Scriptura. Tradizzjonijiet li huma bbażati fuq il-Bibbja, u jaqblu magħha, inżommuhom. Tradizzjonijiet li jmorru lil hinn minnha, jew addirittura jikkontradixxuha, għandhom ikunu mwarrba. Sola Scriptura tippontana għal kulma żvelalna Alla f’Kelmtu. Tippontana finalment lejn Alla li dejjem jitkellem il-verità, qatt ma jikkontradixxi lilu nnifsu, u dejjem nistgħu nserrħu rasna li hu affidabbli.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi sola Scriptura?
© Copyright Got Questions Ministries