settings icon
share icon
Mistoqsija

Għaliex solo Christo hi importanti?

Tweġiba


Solo Christo, jew solus Christus, hi waħda mill-ħames solas (jew solae) li jesprimu d-dottrini fondamentali li ħarġu għad-dawl, grazzi għar-Riforma Protestanta fis-seklu sittax. Solo Christo hi frażi Latina li tfisser “Kristu waħdu.” L-erba’ solas l-oħrajn huma sola Scriptura (“Il-Bibbja biss”), sola fide (“bil-fidi biss”), sola gratia (“bil-grazzja biss”), u soli Deo gloria (“għall-glorja t’Alla waħdu”). Kull waħda minn dawn id-dottrini hi vitalment importanti. Jekk tiżbalja f’waħda minnhom se taqa’ f’errur serju u fil-periklu li tkun qed tħaddan vanġelu falz, li ma jkunx kapaċi jsalvak.

Meta r-Riformisti insistew fuq solo Christo, affermaw illi aħna salvati bi Kristu waħdu, apparti mill-mertu ta’ kwalunkwe persuna oħra, jew tagħna nfusna. Ġesù waħdu hu s-Sultan tas-slaten (Rivelazzjoni 19:16). Hu waħdu l-Qassis il-Kbir tagħna (Ebrej 4:14). Hu waħdu l-Feddej tagħna (Galatin 3:13). Hu waħdu l-Medjatur bejn Alla u l-bnedmin (1 Timotju 2:5). It-tentattiv biex ħaddieħor jaqsam f’dawn ir-rwoli jew karigi hu wieħed midgħi u arroganti. Meta nassenjaw dawn ir-rwoli lil xi ħlejqa (pereżempju, lil ommu Marija), inkunu qed nitqarrqu bl-ikrah. Kristu, Kristu waħdu jsalvana.

Mhux bil-ħajja ġusta tagħna li nsalvaw; Kristu waħdu jifdina minn dnubietna. “Salvana, mhux minħabba l-opri li konna għamilna fil-ġustizzja, iżda skont il-ħniena tiegħu, bil-ħasil tar-riġenerazzjoni u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu” (Titu 3:5). Din il-qagħda ġusta quddiem Alla hi mogħtija lil dawk li jafdaw fi Kristu Ġesù (Rumani 3:22). Nagħmlu kemm nagħmlu opri tajba, u minkejja l-fedeltà tagħna, finalment aħna “qaddejja indenji” (Luqa 17:10). Kristu u Kristu waħdu hu l-uniku wieħed denju, li attwalment jaqlagħna mill-ħtija u jsalvana (Rivelazzjoni 5:9). Solo Christo.

Mill-bidu sat-tmiem, il-vanġelu jgħolli lil Kristu u jsebbaħ lilu waħdu. Hu s-Salvatur li niżel mis-smewwiet biex ifittex lill-midinbin (Luqa 19:10). Hu l-bniedem perfett li obda l-liġi bla nuqqas. Hu s-Sostitut ta’ nies li minħabba fihom kien mislub fuq il-Kalvarju; hu l-Konkwistatur li reġa’ qam minn bejn l-imwiet. Aħna l-fidili r-reċipjenti grati tar-rikkezzi tiegħu. Aħna t-tallaba, hu l-Benefattur il-kbir. Aħna l-imġiddma, hu l-Fejjieq tagħna. Aħna l-imħawdin u l-imgerfxin, hu s-Sliem tagħna. Solo Christo.

Il-vanġelu mhuwiex messaġġ xi jmissna nagħmlu għal Alla; il-vanġelu hu l-bxara tajba dwar x’għamel Alla favur tagħna permezz ta’ Ġesù. Solo Christo. F’kollox Kristu jixraqlu jkollu s-supremazija (Kolossin 1:18). Ir-Riformisti rrestawraw din id-dottrina biblika fil-knisja. Bħalma kiteb Luteru, “Jeħtieġli nisma’ l-evanġelju. Jgħarrafni, mhux xi jmissni nagħmel, iżda x’għamel għalija Ġesù Kristu, Bin Alla.”

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Għaliex solo Christo hi importanti?
© Copyright Got Questions Ministries