settings icon
share icon
Mistoqsija

Għaliex it-talb ta’ kuljum hu importanti?

Tweġiba


Sempliċement għax għas-segwaċi ta’ Ġesù Kristu t-talb huwa l-aqwa mod biex jikkomunikaw m’Alla. It-talb huwa l-mezz għad-djalogar ta’ kuljum mal-Mulej li ħalaqna. Ma nistgħux nistmaw iżżejjed l-importanza ta’ komunikazzjoni kwotidjana permezz tat-talb. Tant hi importanti li fl-Iskrittura t-talb jissemma mal-250 darba. Mela, għaliex huwa importanti t-talb ta’ kuljum? L-ewwel, it-talb kuljum jagħtina l-opportunità naqsmu l-aspetti kollha ta’ ħajjitna m’Alla. It-tieni, jagħtina ċ-ċans nesprimu l-gratitudni tagħna għall-ħwejjeġ kollha li jipprovdilna. It-tielet, jipprovdilna bażi biex nistqarru dnubna u nitolbu l-għajnuna biex negħlbu kwalunkwe dnub. Ir-raba’, it-talb kuljum hu att ta’ qima u ubbidjenza. U finalment, huwa mod kif nirrikonoxxu min tassew jinsab fil-kontroll ta’ ħajjitna. Nikkonsidraw fi ftit aktar dettall dawn ir-raġunijiet importanti waħda waħda.

It-talb ta’ kuljum jagħtina l-opportunità naqsmu l-aspetti kollha ta’ ħajjitna m’Alla. Iċ-ċirkostanzi ta’ ħajjitna jinbidlu kuljum. Fil-fatt, l-affarijiet faċilment imorru mit-tajjeb għall-agħar f’qasir żmien. Alla jsejħilna nġibu l-preokkupazzjonijiet kollha tagħna għandu biex iberikna. Isejħilna wkoll sabiex naqsmu miegħu l-ferħ u l-vittorji tagħna. Fil-fatt, Ġeremija 33:3 jiddikjara, “Sejjaħli, u jien inwieġbek, u nurik ħwejjeġ kbar u qawwija, li int ma tafhomx.” Alla jridna nsejħulu biex ikun jista’ jwieġeb talbna. Irid ukoll jaqsam magħna barkiet inkredibbli, barkiet li ma nirċevuhomx kieku ma nersqux lejh permezz tat-talb. U finalment, Ġakbu 4:8 jgħidilna, “oqorbu lejn Alla, u se joqrob lejkom.” Alla jridna nkunu qribu l-ħin kollu.

It-talb kuljum jagħtina ċ-ċans nesprimu gratitudni għall-ħwejjeġ li jipprovdilna għal ħajjitna. Mhix ħaġa stramba li jmissna nroddu ħajr lill-Mulej għal dak kollu li jipprovdilna u għal kulma jagħmel għalina. It-tjieba u l-imħabba fidila tiegħu lejna jmisshom ikunu rikonoxxuti jum wara jum. Fl-1 Kronaki 16:34, aħna kmandati, “Roddu ħajr lill-Mulej għax hu tajjeb, għax għal dejjem il-ħniena tiegħu.” F’Salm 9:1 is-salmista jgħidilna, “Se nirringrazzja lis-Sid b’qalbi kollha; se nirrakkonta dwar l-għeġubijiet kollha tiegħek.” Nitolbu regolarment kuljum biex naffermaw il-fedeltà tiegħu u l-provdiment abbondanti tiegħu minn ġurnata għall-oħra.

It-talb kuljum jipprovdilna l-bażi biex nistqarru dnubietna u nitolbu l-għajnuna biex nindmu minn dnubna. Ejja nkunu onesti, ilkoll nidinbu kuljum, sew jew nafu kif ukoll jekk ma nafux. Mela, bħala segwaċi ta’ Ġesù Kristu, xi jmissna nagħmlu? L-Iskrittura tagħmilha ċarissma: “Ammettejtlek dnubi u ma ħbejtx l-inikwità tiegħi. Għidt, ‘Se nistqarr it-trasgressjonijiet tiegħi lis-Sid,’ u int ħfirt l-inikwità ta’ dnubi” (Salm 32:5). Għid lil Alla dak li diġà jaf. Il-ħin fit-talb kuljum huwa l-post ideali fejn ninħelsu mill-effetti tad-dnub, li jdgħajjef is-saħħa spiritwali tagħna. Spiss il-Kristjani jgħaddu ħajjithom bid-dnub mhux mistqarr li jfixkilhom fir-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù Kristu, meta suppost nissottomettu ruħna b’umiltà u nitolbu l-maħfra fit-talb. Element importanti ieħor tat-talb kuljum huwa li tirrikjesta ’l Alla għall-qawwa biex tindem minn dnubietek. Alla biss kapaċi jgħinna nduru minn dnubietna, u biex dan jiġri, irid jisma’ l-appell tagħna għall-indiema.

It-talb kuljum huwa att ta’ qima u ubbidjenza. Wisq probabbli ebda vers ieħor ma jispjega daqshekk tajjeb u fil-qosor għala jmissna nitolbu kuljum daqs l-1 Tessalonkin 5:16-18: “Ifirħu dejjem; itolbu kontinwament; irringrazzjaw f’kull ċirkostanza; għax din hi r-rieda t’Alla fi Kristu Ġesù għalikom.” Ir-rieda t’Alla għal uliedu hi li jifirħu fih, jitolbu lilu u jirringrazzjaw lilu. Li titlob kontinwament ifisser li trid tagħmel it-talb drawwa regolari u tkompli bla ma tieqaf. It-talb huwa att ta’ qima anke għaliex meta nitolbu lilu nkunu qed nuruh kemm inqimuh. It-talb ta’ kuljum huwa wkoll att ta’ ubbidjenza li jferraħ lill-Mulej hekk kif jara ’l uliedu qed isegwu l-ordnijiet tiegħu.

It-talb kuljum huwa mod kif nirrikonoxxu min tabilħaqq qed jikkontrolla ħajjitna. Bħala Kristjani, nafu min verament jinsab fil-kontroll. Alla hu sovran. Xejn ma jiġri li ma jkunx jaf bih (Isaija 46:9-10; Danjel 4:17). Għax hu sovran fuq kollox, jistħoqqlu l-qima u t-tifħir tagħna. “Tiegħek, o Mulej, il-kobor, u l-qawwa, u l-glorja, u s-sebħ, u l-ġieħ, għax kulma hu fis-sema u fl-art tiegħek; tiegħek is-saltna, o Mulej, u int titgħolla bħala sovran fuq kulħadd!” (1 Kronaki 29:11). Alla hu s-Sultan il-kbir tagħna. Għaldaqstant jikkontrolla kull aspett ta’ ħajjitna. Kull ġurnata jmissna nirrikonoxxu l-post xieraq tiegħu f’ħajjitna, umilment u b’riverenza riżervata għal Sultan hekk kbir u meraviljuż.

Finalment, it-talb hu xi ħaġa li lkoll imissna nkunu nixtiequ nagħmlu kuljum. Madankollu, għal ħafna Kristjani tkun sfida biex jumiljaw erwieħhom fit-talb kuljum. Għal dawk li ilhom snin jimxu mal-Mulej, it-talb kuljum jista’ jispiċċa xott u nieqes minn dik il-konvinzjoni u r-riverenza xierqa. Sew jekk wieħed għadu kif emmen kif ukoll jekk ilu, it-talb dejjem imissu jkun meqjus bħala l-aqwa mod li wieħed jitkellem m’Alla. Immaġina kieku ma titkellimx mal-maħbub/a tiegħek jew ma’ xi ħabib. Kemm taħseb li dik ir-relazzjoni se ddum? It-talb kuljum hu xirka kwotidjana mal-Missier smewwieti tagħna. Hi ħaġa straordinarja kif Alla jixtieq jixxierek magħna. Fil-fatt, is-salmista jgħid, “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, u bin il-bniedem biex tindokrah?” (Salm 8:4). It-talb kuljum hu mod eċċellenti biex nifhmu dil-verita inkredibbli u dan il-privileġġ meraviljuż li Alla tana.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Għaliex it-talb ta’ kuljum hu importanti?
© Copyright Got Questions Ministries