settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi tfisser il-Bibbja meta tgħid, La tmissux lill-midlukin t’Alla?

Tweġiba


Il-kmand, La tmissux il-midlukin t’Alla, jinstab f’żewġ postijiet fl-Iskrittura. “La tmissux il-midlukin tiegħi, u la tagħmlux ħsara lill-profeti tiegħi” (1 Kronaki 16:22; Salmi 105:15). Dawn il-passaġġi kultant jintużaw fi ċrieki Pentekostali u Kariżmatiċi biex jiddefendu ċertu predikaturi mill-kritika. Dawn il-predikaturi jippromwovu lilhom infushom u l-ministeri tagħhom bħala “il-midlukin” u jwissu li min jażżarda jikkritikahom, “La tmissux il-midluk t’Alla!” Naturalment, dan iservi biex iħarishom mill-iskrutinju, u jħallihom ixerrdu l-falsità u t-teoloġija ħażina bla rażan.

Oħrajn iqisu l-kmand t’Alla, “La tmissux il-midlukin tiegħi, u la tagħmlux ħsara lill-profeti tiegħi” bħala wegħda għall-Kristjani kollha li se jkun imħarsin minn kull ħaġa ħażina.

Iż-żewġ interpretazzjonijiet ta’ “Tmissux il-midlukin tiegħi” huma żbaljati għax jinjoraw il-kuntest tal-Iskrittura. “Il-midlukin” f’dawn il-passaġġi m’humiex il-predikaturi Pentekostali ta’ żmienna. Barra minn hekk, il-Bibbja ma twigħedx li l-profeti t’Alla, il-midlukin, it-tfal, jew il-fidili, qatt m’huma se jsofru ħsara minn nies ħżiena. Bħalma Ġesù spjega lill-Fariżej, “Minħabba f’hekk ukoll l-għerf t’Alla qal, ‘Se nibgħatilhom profeti u appostli, xi wħud minnhom għad joqtluhom u oħrajn għad jippersegwitawhom” (Luqa 11:49).

Dan huwa l-kuntest tal-1 Kronaki 16:22. David kien qed ifaħħar ’l Alla pubblikament billi ta ħarsa fil-qosor tal-istorja mirakoluża ta’ Iżrael. Hu jsemmi xi wħud mill-mirakli li Alla għamel biex iwettaq il-wegħdi li għamel lil Abraħam, Iżakk u Ġakobb (1 Kronaki 16:15-18, b’referenza għal Ġenesi 50:24 u Esodu 2:24). Permezz ta’ dawn il-mirakli, Alla ħalaq nazzjon mid-dixxendenti ta’ Abraħam, u li bih titbierek id-dinja kollha (ara Ġenesi 12:1-3). Ħadd u xejn ma seta’ jxejjen il-wegħda t’Alla milli titwettaq, anke kontra kull mistennija.

Fil-versi qabel il-kmand, “Tmissux il-midlukin tiegħi,” naqraw hekk:

“Meta kienu ftit fil-għadd: iva, ftit wisq, u barranin fiha (fl-art imwegħda);
U kienu jiġġerrew minn ġens għal ġens, minn saltna għal poplu ieħor;
Hu ma ħalla lil ħadd jaħqarhom: iva, hu ċanfar slaten minħabba fihom,
Qalilhom: La tmissux il-midlukin tiegħi, u la tagħmlux ħsara lill-profeti tiegħi” (1 Kronaki 16:19–22).

Dan il-passaġġ jirreferi għall-patrijarki, Abraħam, Iżakk u Ġakobb. Meta huma (il-patrijarki) kienu ftit fil-għadd, huma għexu jiġġerrew bħala barranin f’art stranġiera (ara Ebrej 11:9). Matul il-vjaġġi u t-tbatijiet tagħhom, Alla pproteġihom, żied in-numru tagħhom, u żamm lill-ħakkiema qawwija tal-artijiet fejn għammru milli jagħmlulhom il-ħsara.

Ngħidu aħna, Alla pproteġa lil Abraħam darbtejn meta għammar f’pajjiżi ostili u s-slaten tagħhom riedu lil martu. L-ebda sultan ma qiegħed idejh fuq Abraħam jew Sara, iżda minflok bagħtuhom bla m’għamlulhom ħsara u saħansitra għamluhom aktar għonja (Ġenesi 12 u 20). L-istess ġara lil Iżakk (Ġenesi 26). Ġakobb wasal Fiddien-Aram idu f’idu, imma telaq b’rikezzi kbar (Ġenesi 31) minkejja l-mod ħażin li ġab ruħu miegħu zijuh Laban. Ġakobb stqarr, “Alla ma ħalliehx jagħmilli l-ħsara” (vers 7).

Allura l-punt tal-1 Kronaki 16:22 u Salmi 105:15 huwa dan: xejn u ħadd ma jista’ jfixkel l-għan t’Alla; Alla kellu pjan għal Abraham, Iżakk, u Ġakobb, u Alla ma ħalliex lis-slaten tal-Kangħan u l-Eġittu jweġġgħuhom: “Hu ċanfar slaten minħabba fihom, qalilhom, ‘La tmissux il-midlukin tiegħi’” (1 Kronaki 16:21-22). Il-patrijarki kienu l-profeti tiegħu. Huma kienu “l-midlukin” tiegħu; jiġifieri, Alla għażilhom sabiex bihom iwettqu xogħol speċifiku fid-dinja.

David, li mexxa l-poplu fit-tifħir lil Alla fl-1 Kronaki 16, applika l-kmand biex ma jweġġax lill-midluk t’Alla għas-sitwazzjoni tiegħu. Għal ħafna żmien is-Sultan Sawl kien qed jipprova joqtlu. Darba minnhom David u l-irġiel li kellu miegħu ġew billejl fuq Sawl u l-armata tiegħu waqt li kienu reqdin. Abisaj feraħ bil-vantaġġ li kellhom fuq l-għedewwa tagħhom u ssuġġerixxa li joqtlu lil Sawl dak il-ħin stess. Imma David qallu: “La toqtlux, għax min jista’ jmidd idu kontra il-midluk tal-Mulej, u ma jkollux ħtija? … Daqskemm hu ħaj il-Mulej, il-Mulej żgur jilħqu … Iħarisni l-Mulej li ma mmidx idi fuq il-midluk tiegħu” (1 Samwel 26:9–11). Huwa Alla, mhux aħna, li jħallas tal-ħażen, għalih il-vendetta (Dewteronomju 32:35; Rumani 12:19).

Il-kmand t’ Alla “La tmissux il-midlukin tiegħi, u la tagħmlux ħsara lill-profeti tiegħi” kien għal grupp speċifiku ta’ nies u għal żmien speċifiku. Alla ħares lill-patrijarki mill-ħsara fiżika. Fit-Testment il-Ġdid l-għalliema ħadu post il-profeti tat-Testment il-Qadim (ara 2 Pietru 2:1). Ħadd illum ma jistaʼ jikkwota b’sinċerità l-1 Kronaki 16:22 biex jiddevja l-kritika kontrih jew isikket lil dawk li jisfidawh. Fit-Testment il-Ġdid imkien ma naqraw li xi appostlu qal “Tmissx lill-midluk t’Alla” sabiex jiddefenti ruħu mill-kritika.

Il-fatt hu li llum il-midlukin t’Alla huma dawk kollha li jemmnu. Aħna lkoll magħżulin għax-xogħol li Alla qed iwettaq fid-dinja (1 Ġwanni 2:20). “Issa dak li jistabbilina magħkom fi Kristu u unzjonana hu Alla, li wkoll issiġillana u tana l-Ispirtu tiegħu fi qlubna bħala kapparra” (2 Korintin 1:21–22). (‘Unzjonana’ tfisser dilikna; l-Insara huma l-midlukin t’Alla).

Ladarba l-fidili kollha huma l-midlukin t’Alla, allura l-kmand tiegħu “Tmissux lill-midlukin tiegħi” ifisser li se jżommna minn kull ħsara? Le, dawk li jemmnu fi Kristu għadhom isofru l-effetti ħżiena tal-ħajja f’dinja mwaqqa’ fid-dnub. Iżda, fl-istess ħin, dawk li jemmnu jafu li Alla huwa fil-kontroll sħiħ, u hu jistaʼ faċilment jipproteġi lil uliedu. Kulma jiġrilhom huwa permess minnu. Satana nnifsu ma jistax iqiegħed subgħajh fuq ulied Alla mingħajr il-permess espliċitu tiegħu (ara Ġobb 1:12). Għaldaqstant aħna nafdaw f’Alla f’kollox. Jiġrilna x’jiġrilna, aħna żguri li Alla jinsab fil-kontroll, u li jqawwina u jipproteġina biex iwettaq il-pjan tiegħu permezz tagħna fuq l-art: “Jien kunfidenti minn din l-istess ħaġa, illi dak li beda xogħol tajjeb fikom għad itemmu sal-jum ta’ Kristu Ġesù” (Filippin 1:6).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi tfisser il-Bibbja meta tgħid, La tmissux lill-midlukin t’Alla?
© Copyright Got Questions Ministries